Left arrow Go Back

PJAN NAZZJONALI TA’ AZZJONI DWAR IL-FAQAR U L-ESKLUŻJONI SOĊJALI 2004 – 2006

PR1379
Date Icon 04/09/2004

Il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi u l-Ministru għall-Familja u Solidarjeta` Soċjali s-Sinjura Dolores Cristina nidew il-Pjan Nazzjonali ta’ Azzjoni dwar il-Faqar u l-Eskluzjoni Soċjali 2004 – 2006, fiċ-Ċentru ta’ AĊĊESS, fil-Birgu.

Il-Prim Ministru spjega kif dan il-Pjan ta’ Azzjoni jixhed l-impenn tal-Gvern u tas-soċjeta’ Maltija sabiex ikun żgurat u promoss sforz sħiħ u kkoordinat fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali f’kull livell tal-ħidma politika. Il-Pjan ta’ Azzjoni l-ewwelnett jara li qegħdin nifhmu l-qagħda bħalissa, jidentifika lil dawk li l-aktar qegħdin f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali, u jagħraf li l-isforz irid ikun koordinat sabiex iseħħu l-bidliet meħtiega fil-ħajja ta’ dawk fil-bżonn. Il-Pjan jara wkoll li jkun hemm qafas għall-azzjoni u ħidma konkreta mill-gvern u organizzazzjonijiet mhux governattivi u jwaqqaf miżuri li jevalwaw il-progress fl-implimentazzjoni tal-programm t’azzjoni.  

Il-Pjan ta’ Azzjoni jiffoka fuq dak li hu l-aktar importanti għal Malta fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Jinkludi wkoll analiżi tas-sitwazzjoni kif ukoll l-oġġettivi u l-miri stabbiliti għall-perjodu minn nofs is-sena 2004 sa nofs is-sena 2006.  Il-Pjan jidentifika l-azzjonijiet speċifiċi li jwasslu għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-oġġettivi. Jista’ jinkiseb suċċess fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni bis-sehem wiesgħa ta’ kulħadd.  

Il-Ministru Cristina spjegat kif l-iżvilupp tal-Pjan Nazzjonali ta’ Malta dwar il-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali kienet waħda intensiva u ġiet maqsuma f’4 fażijiet ta’ konsultazzjoni. Din inkludiet il-parteċipazzjoni ta’ 5 ‘focus groups’ u anke Seminar Nazzjonali - dan ħalli jintlaħaq l-għan li jkun hemm strateġija komprensiva permezz ta’ l-involviment tal-gruppi konċernati. Dan id-dokument jiġbor fih dawk l-attivitajiet li għandhom politika ċara, miri diġa’ stabbiliti sew u l-istrutturi finanzjarji li jappoġġjawhom. Il-kollaborazzjoni mal-għaqdiet mhux governattivi, imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet reliġjuzi u dipartimenti governattivi kienet importanti biex il-Pjan ta’ Azzjoni jkun wieħed Nazzjonali u multi-dimensjonali. Il-preparazzjoni għall-Pjan ta’ Azzjoni serviet bħala mezz biex jiżdied l-għarfien dwar il-proċess ta’ l-inklużjoni soċjali, kemm mal-pubbliku kif ukoll ma’ min ifassal il-politika u ma’ min jaħdem f’dawn l-oqsma.  

L-istrateġija tal-Pjan ta’ Azzjoni biex tindirizza l-faqar u l-esklużjoni soċjali hija bbażata fuq dawn il-prinċipji: iż-żjieda fir-rata tax-xogħol, l-aktar tan-nisa, u li tiġi żviluppata politika biex ix-xogħol ikun jirrendi, waqt li jinħoloq xogħol aktar u aħjar, kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, li bħalissa huma bla xogħol jew li qed jirċievu benefiċċji soċjali. Prinċipju ieħor hu li jingħeleb l-illitteriżmu u jitjieb il-livell edukattiv kemm ta’ l-istudenti żgħażagħ kif ukoll ta’ l-adulti f’eta` avvanzata, u li tissaħħaħ is-sistema tal-ħarsien soċjali biex tlaħħaq ma’ dawk l-aktar fil-bżonn, waqt li tiżdied l-akkomodazzjoni soċjali.

Il-Ministru Cristina semmiet ukoll 12-il prijorita` ewlenija. Dawn jinkludu l-edukazzjoni u x-xogħol, il-persuni b’diżabilita’, persuni vulnerabbli, opportunitajiet indaqs, drittijiet tat-tfal, servizzi li jistgħu jintlaħqu minn min għandu bżonnhom, il-persuni li jkunu għadhom kemm ħarġu miċ-ċentri korrettivi jew kura istituzzjonali, kif ukoll pensjonijiet adekwati u l-iżvilupp reġjonali.  

 “Hemm pjanijiet għal 21 attivita’, programmi u inizjattivi biex jitwettqu fil-perjodu ta’ bejn is-sena 2004 u 2006, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni fix-xogħol” kompliet tgħid il-Ministru Cristina. Qalet ukoll li hemm 26 inizjattiva maħsuba biex jintlaħqu aħjar is-servizzi, riżorsi u t-twettieq tad-drittijiet. Il-Ministru semmiet ukoll li l-Pjan iħħeġġeġ l-iżvilupp tal-protezzjoni soċjali ħalli tkun żgurata s-sostenibilita’ tas-sistema, u tistimola kultura ta’ xogħol sabiex tonqos id-dipendenza fuq il-ħarsien soċjali.  

Dan huwa l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar il-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali mibni fuq oġġettivi għall-Proċess Soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea stabbiliti minn l-Istati Membri.  Bih nipparteċipaw fl-għan ta’ l-Unjoni dwar tnaqqis sostanzjali fil-faqar fl-Ewropa kollha sa l-2010. Dan il-Pjan jimxi skond din l-aġenda, l-ewwelnett billi jagħmilha iktar faċli li jkun hemm kkoordinament prattiku bejn l-Istati Membri, per eżempju, billi jwaqqaf il-pedament għal ‘peer review’ jigifieri li l-pajjiżi jevalwaw il-Pjanijiet ta’ xulxin u jitgħallmu minn xulxin.  

 Dawn l-oġġettivi li ġew miftehma fil-Kunsill ta’ Nizza jinkludu: il-parteċipazzjoni fix-xogħol u l-aċċess għal kulħadd għar-riżorsi u servizzi, il-prevenzjoni mir-riskju ta’ esklużjoni, għajnuna għal min hu l-aktar vulnerabbli, u l-impenn ta’ l-entitajiet kollha kkonċernati ħalli din l-azzjoni sseħħ.

Il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali, permezz ta’ l-attivitajiet imsemmija, jiffoka fuq l-għajnuna għal min għandu bżonn l-aktar, bi prijorita’ għall-ħarsien tat-tfal. Ħafna mill-pjanijiet għall-attivitajiet ġew sottomessi għal għajnuna finanzjarja mill-Fond Soċjali Ewropew.  

Fil-konklużjoni tat-tnedija ta’ l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Inklużjoni, il-Prim Ministru Gonzi enfasizza r-rabta qawwija li hemm bejn dan il-Pjan ta’ Azzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Impjiegi, li wasal fl-istadju finali tal-konsultazzjoni. Dawn iż-żewġ pjani, flimkien ma’ oħrajn li jindirizzaw id-diversi setturi soċjali u l-ħajja ekonomika Maltija, jidħlu fil-proċess intensiv li jwassal għal Pjan ta’ Żvilupp Nazzjonali ta’ Malta . Dan il-proċess għandu jseħħ matul l-2005. “Dawn il-pjani ta’ azzjoni huma l-impenn tagħna mas-soċjeta’ Maltija. Dawn il-pjani jenfasizzaw is-sehem indispensabbli tal-partijiet soċjali u tas-soċjeta’ ċivili fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u fil-promozzjoni ta’ l-inklużjoni soċjali f’kull livell tas-soċjeta’ Maltija”, ikkonkluda l-Prim Ministru.      

Dan id-dokument fil-verżjonijiet bil-Malti u l-Ingliż jinstab fuq il-website tal-Ministeru Għall-Familja u Solidarjeta` Soċjali:  

http://www.msp.gov.mt/documents/msp/nap_incl_mt20040703.pdf

.../Highlights

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

More Press Releases Right arrow