Left arrow Go Back

16-IL PROĠETT B’INVESTIMENT TA’ AKTAR MINN LM50 MILJUN

PR1377
Date Icon 03/09/2004

Il-Ministeru ghat-Turiżmu u l-Kultura jirreferi għall-istqarrija maħruġa mid-deputat Laburista l-Onor Evarist Bartolo dwar il-qagħda fis-settur turistiku.

Filwaqt li hu kollu minnu li jkun hemm lukandi li jagħlqu għaliex ikun għalihom aktar vantaġġjuż  li jibdlu l-proprjeta’ tagħhom f’appartamenti għall-bejgħ jew djar għall-anzjani, hu daqshekk ieħor minnu li bħalissa hemm 16-il proġett ta’ lukandi ġodda, jew estensjonijiet ta’ lukandi li jinsabu f’diversi stadji ta’ kostruzzjoni u li fil-maġġoranza kbira tagħhom mistennija jitlestew is-sena d-dieħla. Dawn il-proġetti jinkludu tlett lukandi 5 Star b’żieda ta’ 412 il-sodda, 11 il-lukanda 4 Star b’żieda ta’ 2,012 sodda u żewġ lukandi 3 Star b’żieda ta’ 130 sodda. Il-proġetti kollha jinvolvu investiment ta’ Lm50.6 miljun.  

Minbarra dawn il-proġetti hemm żewġ proġetti oħra għal ‘self catering clusters’ li ġew approvati mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u li qed ikunu proċessati mill-MEPA. Hu stmat li dawn iż-żewġ proġetti jinvolvu investiment ta’ Lm3 miljun.  

Sidien ta’ lukanda oħra li ilha mitluqa ħafna nfurmaw lill-Awtorita’ tat-Turiżmu li se tiftaħ mill-ġdid fl-2006 wara li titlesta b’investiment ta’ bejn Lm4 u Lm5 miljun.  

Dawn il-proġetti ġodda ma jinkludux il-proġett tal-Kottonera u l-proġett ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne’ li jinvolvu l-bini ta’ appartamenti lussużi għat-turisti b’investiment ta’ madwar Lm160 miljun.  

In-numru ta’ sodod f’lukandi, villaġġi turistiċi, apart-hotels, guesthouses u hostels żdiedu minn39,790 fl-aħħar ta’ Diċembru 2002 għal 40,979 fl-aħħar ta’ Ottubru 2003.  

Il-Gvern kien ilu jsostni li t-turiżmu kellu jibda jirpilja fit-tieni kwart tas-sena. Wara li fl-ewwel erba’ xhur tas-sena kien hemm nuqqas fin-numru ta’ turisti li żaru Malta , ċifri maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika juru li n-numru ta’ turisti li ħallew Malta fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena żdiedu minn 596,181 fl-2003 għal 601,612 fl-2004.  

Għas-settur turistiku l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu ilha sa mill-2002 timxi fuq Pjan Strateġiku. Dan jirnexxi biss jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed u jekk kulħadd jifhem li s-settur turistiku hu l-akbar industrija ta’ pajjiżna li minnha jiekol kulħadd.  

Ta’ min josserva li filwaqt li l-Oppożizzjoni qed tagħmel kritika għax xi lukandi qed jagħlqu biex jinbidlu f’investiment differenti, mhux l-ewwel darba li l-istess Oppożizzjoni tikkritika lill-Gvern meta jagħti permess għal lukandi ġodda.  

Il-Gvern dejjem appella lill-Oppożizzjoni biex ma tippruvax tippolitiċizza b’mod partiġġjan il-qasam tat-turiżmu, appell li jidher li sa ftit ġimgħat ilu kien milqugħ, imma li minn ftit taż-żmien ‘l hawn, l-Oppożizzjoni, għal raġunijiet ovvji, biddlet l-istil tagħha dwar il-qasam tat-turiżmu.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT  Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta

PR261952

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

More Press Releases Right arrow