DAĦLET FIS-SEĦĦ IS-SEZZJONI KRIMINALI FIL-QORTI TAL-FAMILJA.
Wara li tard is-sena li għaddiet bdiet taħdem il-Qorti tal-Familja, issa daħlet fis-seħħ ukoll is-sezzjoni tal-Qorti tal-Maġistrati li tieħu ħsieb kawżi kriminali konnessi mal-familja. Dan ħabbru l-Aġent Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, l-Onor. Dr Tonio Borg flimkien mas-Segretarju Parlamentari l-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici, f’konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret illum fil-Berġa ta’ Aragona, fil-Belt Valletta .
Għalhekk illum kawżi kriminali li fihom hemm l-konjuġi jew uliedhom konnessi, m’għadhomx jinstemgħu fis-seduta tad-distrett mal-kawżi l-oħra, iżda separatament. Dan għax hija l-intenzjoni tal-Gvern li jagħti xeħta iktar umana lil kawżi fejn tidħol il-familja, speċjalment fejn jidħlu it-tfal.
Hija l-intenzjoni tal-Gvern li jipprova kemm jista jkun jifred reati relatati mal-familja mir-reati u kontravenzjonijiet imsejħa ‘tad-distrett’ biex dawn ma jispiċċawx jintilfu u ma jingħatawx l-attenzjoni li jixirqilhom. B’din il-bidla dawn ir-reati issa qed jinġabru taħt Maġistrat wieħed u mhux imxerrda mal-kawżi tad-distretti differenti ta’ Malta. B’hekk il-kunċett tal-Qorti tal-Familja fil-kamp ċivili qed jiġi estiż għall-kamp kriminali.
B’tibdil fid-dimirijiet magħmula mill-Prim Imhallef, numru ta’ reati u kontravenzjonijet li jiġu kommessi bejn l-miżżewġin u bejn l-membri tal-familja, ġew assenjati lill-Maġistrat Dr Anthony J. Vella u bil-Magistrat Dr Abigail Lofaro bħala sostitut għal kawżi li l-Maġistrat Vella ma jistax jieħu konjizzjoni tagħhom il-Magistrat Vella.
Minn Lulju, dawn id-delitti u reati bdew jinstemgħu quddiem din is-sezzjoni tal-Qorti tal-Familja:
· Meta ġenitur jħalli lil ulied jew lill-parti l-oħra fiż-żwieg fil-bżonn (paragrafu (y) tal-Artiklu 338)
· Meta konjugi ma jħallas lill-konjugi l-ieħor l-manteniment kif stabbilit f’kuntratt ta’ separazzjoni jew f’digriet jew sentenza tal-Qorti (paragrafu (z) tal-Artiklu 338)
· Meta l-ulied jħallu fil-bżonn lill-ġenituri (paragrafu (aa) tal-Artiklu 338)
· Meta konjuġi ma josservax l-ordni tal-aċċess kif stabbilit f’kuntratt ta’ separazzjoni jew f’digriet jew sentenza tal-Qorti (paragrafu (ll) tal-Artiklu 338)
· Meta wieħed iħebb għall-ieħor sabiex jingurjah, jdejjaq jew jagħmel ħsara u dan limitat biss meta jkun hemm l-konjuġi bejniethom jew xi ħadd minn uliedhom involuti (paragrafu (d) tas-subartiklu wieħed tal-Artiklu 339)
· Meta wieħed jinġurja jew jhedded u dan limitat biss meta jkun hemm l-konjuġi bejniethom jew xi ħadd minn uliedhom involuti (paragrafu (e) tas-subartiklu wieħed tal-Artiklu 339)
· Meta parti fiż-żwieġ tonqos milli milli tieħu ħsieb kif jeħtieġ lit-tfal (paragrafu (j) tas-subartiklu wieħed tal-Artiklu 339)
· Reat ta’ offiża ħafifa fuq il-persuna (li ma tkunx aggravata skond s-subartikolu (2) tal-artikolu 221 tal-Kodici Kriminali) meta l-offiża tkun saret kontra l-konjuġi mill-konjuġi l-ieħor jew meta issir fuq l-minuri.
Kif kulħadd jaf, diġa sar mill-Ministru għall-Familja u Solidarjeta, l-Onor. Dolores Cristina l-ewwel qari ta’ Abbozz ta’ Liġi li jikkontrolla l-Vjolenza Domestika u għalhekk id-dħul fis-seħħ tas-sezzjoni kriminali fil-Qorti tal-Familja huwa mistenni li jibda’ t-triq li għandha tissaħħah iktar il-quddiem meta dak l-abbozz jsir finalment liġi.
Fuq l-esperjenza li tiġi miġbura mill-ħidma ta’ din il-Qorti wieħed jkun jista` jibni aħjar għall-futur.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en