IL-MINISTERU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ JIRRISPONDI LILL-ONOR. DR. MICHAEL FARRUGIA, KELLIEM TA’ L-OPPOZIZZJONI DWAR IS-SAHHA
Il-kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa, il-bieraħ f’konferenza stampa, għal darb’oħra ipprova jwassal messaġġ mill-aktar negattiv dwar is-servizzi tas-saħħa f’Malta li jħabtuha sew ma’ dawk ta’ barra minn Malta . Dan hu konfermat minn dokumenti ta’ l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa li l-Onor. Michael Farrugia ma rax jew ghazel li ma jikkwotax.
Minn rapport pożittiv ta’ għoxrin paġna, l-Onor. Michael Farrugia ipprefera jikkwota żewġ sentenzi dwar il-kura primarja u għażel li jinjora kummenti pożittivi ferm dwar is-servizzi tas-saħħa f’Malta. Proprju llum, il-MAM qalet li s-sistema tas-Saħħa f’Malta qed taħdem tajjeb ħafna u s-surveyskostantement urew livell għoli ta’ sodisfazzjon tal-pubbliku Malti.
Huwa perikoluż ferm li tabib bħal Dr. Michael Farrugia li kuljum iħabbat wiċċu ma’ pazjenti u allura jaf l-istat li dawn ikunu fiħ, meta jiġu bżonn l-isptar, jaghmel dikjarazzjonijiet bħal “li l-isptarijiet huma fi stat ta’ abbandun totali”.
Dikjarazzjonijiet bħal dawn jistghu jallarmaw lill-pubbliku u jnaqqsu l-fiduċja li l-poplu għandu fil-qasam tas-saħħa, kif jirriżulta minn diversi surveys li jsiru minn żmien għal żmien. Imma l-priorità fl-agenda ta’ l-Onor. Michael Farrugia hija li jieħu vantaġġ politiku minn qasam li għaddej minn tiġdid kbir mhux biss f’Malta.
Hemm prova li Dr. Michael Farrugia fil-parlament qal li s-sostenibiltà fil-qasam tas-saħħa ma’ tinkwetaħx. Dan huwa ghal kollox differenti minn dik li qegħdin jgħixu fiha l-Ministri kollha tas-saħħa tad-dinja, fejn ilkoll huma preokkupati bl-isplużjoni fin-nefqa fil-qasam tas-saħħa. Mhux b’kumbinazzjoni li propju l-ġimgħa d-dieħla, l-ewwel laqgħa għall-ministri tas-saħħa taħt il-presidenza ġdida Olandiża se tittratta u tiddiskuti l-problemi tas-sostenibilità tas-sistemi tas-saħħa.
Il-Ministeru tas-Saħħa jirċievi bosta kummenti pożittivi dwar il-kura li tingħata fl-isptarijiet. Dan ma jfissirx li ma jeżistux problemi f’qasam fejn id-domanda qegħda dejjem tikber, minħabba l-introduzzjoni ta’ sevizzi ġodda fl-aħħar snin u minħabba li n-nies qed tgħix aktar. Ħafna problemi li hemm fl-Isptar San Luqa ġejjin minn nuqqas ta’ spażju f’bini li llum għandu mat-tmenin sena. Minkejja dan u minkejja l-bini ta’ sptar ġdid, xorta waħda f’dawn l-aħħar snin ġew moderniżżati disa’ swali.
Dwar il-listi għall-operazzjonijiet, qed isir dak kollu possibbli biex dawn jitnaqqsu; tant li qed isiru operazzjonijiet fl-għaxijiet, is-Sibtijiet u l-Ħdud. L-Onor. Dottor Michael Farrugia naħseb li hu infurmat dwar il-listi twal għall-operazzjonijiet li jeżistu f’pajjiżi barranin, tant li pazjenti jagħżlu li jmorru f’pajjiż ieħor biex jiġu operati. Imma dan ma jgħodd xejn għall-kelliem ta’ l-Oppozizzjoni. Donnu li tezisti xi bakketta maġika kif isolvi d-diffikultajiet finanzjarji u loġistiċi fil-qasam tas-saħħa.
Dr. Michael Farrugia reġa’ semma l-overcrowding fis-swali tal-mediċina. Id-Diviżjoni tas-Saħħa dejjem għamlitha ċara li hi ma tistax tirrifjuta pazjenti meta s-swali jkunu mimlija. Dan kien isir anki meta l-Onor. Michael Farrugia kien responsabbli mis-saħħa. Pero’ dak iż-żmien, il-problema ġiet solvuta billi neħħew il-pazjenti mill-kuriduri ta’ San Luqa u poggewhom iffullati fir-residenza ta’ San Vinċenż. Dik zgur ma kienetx is-soluzzjoni tajba.
Dwar l-apparat mediku għall-isptar San Luqa, it-tabib Michael Farrugia jidher li għadu ma jafx li l-apparat mediku li jinxtara mhux jidher taħt il-voti ta’ l-isptar San Luqa, imma qed jitħallas mill-voti ta’ l-Isptar Mater Dei. Hekk ġara fil-każ ta’ l-upgrading ta’ l-MRI li qam Lm240.000. Hekk ser jiġri wkoll fix-xiri tas-CT Scan.
Dwar l-MMDNA, m’hemm l-ebda ħsieb li l-gvern inaqqsilha l-budget. Anzi, il-gvern waqqaf kumitat konġunt li qiegħed jaħdem biex jitjieb is-servizz li l-MMDNA tagħti lill-pazjenti.
Il-Ministeru tas-Saħħa qiegħed jagħmel l-almu kollu biex id-diffikultajiet fil-qasam tas-Saħħa jiffaċjahom fil-parametri tar-riżorsi finanzjarji tal-pajjiż. Dikjarazzjonijiet bħal ta’ l-Onor. Michael Farrugia jimminaw mhux biss il-ħidma tal-gvern, imma wkoll jiddemoralizzaw lil min jagħti u jirċievi s-servizzi tas-saħħa.
Other Press Releases:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951