Left arrow Go Back

LEJN POLITIKA ĠDIDA TA’ EDUKAZZJONI BIKRIJA

PR1363
Date Icon 02/09/2004

“Hi l-mira tal-Gvern li fis-snin li ġejjin it-tfal kollha jingħataw bidu tajjeb u f’saħħtu fl-esperjenza edukattiva tagħhom.  Irridu nikkollaboraw ma’ l-imsieħba kollha biex dawk li se jsiru ġenituri jingħataw taħriġ u tagħrif dwar aspetti edukattivi anke qabel ma jitwieldu t-tfal.   Irridu nagħtu l-appoġġ lill-ġenituri l-ġodda sa mill-ewwel ġranet tal-ħajja tat-trabi fuq aspetti li jaffettwaw l-iżvilupp edukattiv.  Irridu noffru faċilitajiet ta’ ħarsien għat-tfal li mhux biss joffru servizz ta’ kwalita’ imma li jorbtu tajjeb ma’ l-ewwel snin ta’ l-edukazzjoni formali.  U dan kollu irridu nagħmluħ għax konvinti mill-benefiċċji li wieħed jikseb tul ħajtu kollha jekk ikollu bidu tajjeb fil-ħajja edukattiva.” Dan qalu l-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni Louis Galea, fil-ftuħ ta’ konferenza internazzjonali li qed issir f’Malta u li hi organizzata mill-European Early Childhood Research Association, flimkien ma’ l-Universita’ ta’ Malta.   

Il-Konferenza, bit-tema Quality Curricula: The Influence of Research, Policy and Praxis, se tkun qed tiffoka fuq il-kurrikulu għat-tfal ta’ eta’ żgħira.  Kif jistgħu r-riċerka, il-politika u l-prattika jikkontibwixxu biex jinħoloq kurrikulu ta’ kwalita’ u kif mill-kliem naslu biex noffru esperjenzi veri fil-ħajja ta’ kuljum.  Għal din il-Konferenza Internazzjonali qed jattendu 350 delegat minn 31 pajjiż.  Minn pajjiżna se jkunu qed jattendu sitt rappreżentanti tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, fosthom kapijiet ta’ skejjel u uffiċjali ta’ l-istess Diviżjoni.   

Qabel din il-konferenza sar workshop ta’ jumejn fejn mal-100 kindergarten assistant u uffiċjali oħra mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni ġew sponsorjati biex jirċievu dan it-taħriġ.  Għal dan il-workshopattendew ukoll kindergarten assistants mill-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti.  Din il-konferenza qed tkun koordinata minn Dr Valerie Sollars, lecturer fil-Fakulta ta’ l-Edukazzjoni fl-Universita ta’ Malta u esperta fl-edukazzjoni u kura bikrija. 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Louis Galea tkellem dwar l-importanza ta’ l-iżvilupp edukattiv tat-tfal sa mill-ewwel jiem tal-ħajja u qal li sisien b’saħħithom fl-ewwel snin hu l-aħjar investiment li nistgħu nagħmlu f’uliedna u fil-pajjiż.  Hu qal li r-riċerka turi kemm is-suċċess fil-ħajja ta’ persuna jiddependi fuq il-bażi li wieħed jirċievi fl-ewwel snin ta’ ħajtu.  Anke il-logħob jista’ jgħin fl-iżvilupp tal-komunikazzjoni, tal-ħsieb, u tal kapaċita’ li ssolvi l-problemi.  Permezz ta’ livell għoli ta’ stimolu verbali u permezz tal-kotba jidher li tfal jistgħu jiksbu vokabularju ta’ aktar minn 20,000 kelma minflok il-5,000 li jitgħallmu mingħajr dan l-istimolu u dan il-vantaġġ ikompli jiżdied tul is-snin. Ir-riċerka turi wkoll li dawk li jkollhom bidu tajjeb fil-ħajja ikomplu jgawdi minnhu tul ħajjithom kollha kemm bħala żgħażagħ kif ukoll bħala adulti. 

Louis Galea qal li l-aktar nies li jiggwadanjaw minn programm ta’ edukazzjoni bikrija ta’ kwalita’ huma dawk li ġejjin minn familji bi dħul baxx u għalhekk is-servizz li noffru irid ikun għal kulħadd. 

Il-Ministru qal li minkejja li l-kindergarten f’pajjiżna mhux obbligatorju, aktar minn 98% tat-tfal f’dik l-eta’ jattendu.  F’Malta u Għawdex il-Gvern għandu 64 ċentru tal-kindergarten u hemm diversi oħrajn li huma tal-knisja jew indipendenti.  Fl-iskejjel tal-Gvern hemm aktar minn 400 kindergarten assistant. 

Louis Galea semma wkoll l-iżvilupp li qed iseħħ fil-pajjiż u kif dan qed iwassal biex il-ġenituri jfittxu aktar servizzi ta’ ħarsien għat-tfal tagħhom.  Hu qal li għalkemm diġa’ qed jinfetħu diversi ċentri ta’ kura għat-tfal il-Gvern ħass il-bżonn li jniedi dokument ta’ konsultazzjoni li jipproponi regoli u standards li dawn iċ-ċentri iridu jilħqu biex tassew joffru servizz ta’ kwalita’.   

Fl-istess ħin il-Gvern għadu kif ippublika l-ewwel abozz tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Impjiegi li fost affarijiet oħra jitkellem dwar il-bżonn ta’ appoġġ lill-ġenituri li għandhom tfal taħt it-tlett snin.  Il-miżuri li qed jipproponi l-Pjan mhux biss jgħinu biex ikun hemm opportunitajiet indaqs kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, iżda jirrikonoxxu l-benefiċċji li joffri programm ta’ edukazzjoni bikrija ta’ kwalita’. 

Il-Ministru Galea ħabbar li l-Ministeru tiegħu flimkien mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni qed ihejju bidliet importanti li jridu jseħħu fil-qasam edukattiv f’pajjiżna.  Hu ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jwaqqaf Working Group li se jiffoka fuq dan il-qasam bil-mandat li jipproponu abbozz ta’ politika ġdida dwar l-edukazzjoni bikrija.   

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

More Press Releases Right arrow