INAWGURATA FERGĦA ĠDIDA TAL-MALTAPOST F’BUĠIBBA
Il-Maltapost għaddejja minn proċess ta’ tiġdid, proċess li qed jara l-fergħat tagħha jittrasformaw f’ċentri li joffru servizz u informazzjoni lill-pubbliku. Dan qalu l-Onor. Austin Gatt, Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni meta kien qed jkellem lil dawk preżenti fil-ftuħ tal-fergħa tal-Maltapost fi Triq it-Turisti Buġibba.
Il-fergħa tal-Maltapost f’Buġibba mhux biss ser isservi biex toffri servizzi postali imma anki tkun ta’ benefiċċju għal turisti li għandhom bzonn informazzjoni. Fil-fatt fil-futur qarib, skond il-policy tal-kumpanija li toffri konvenjenza lill-komunità, il-Maltapost qed tippjana li twaqqaf tourist-info provision service f’dan il-branch.
Il-Minstru Austin Gatt qal li l-okkażjoni tal-lum tixhed il-proċess li tinsab għaddejja minnu l-Maltapost, fejn qed taġġorna ruħha ghaż-żminijiet. Ghalkemm it-tendenza hi li l-volum tal-posta dejjem jonqos, il-preżenza ta’ operatur postali fil-komunità hija importanti ħafna speċjalment minħabba servizzi ġodda bħal-ħlas ta’ kontijiet ta’ entitajiet differenti, money transfers, bejgħ ta’ phone cards u merchandise ieħor apparti s-servizzi normali tal-posta.
Il-Ministru Gatt kompla li huwa importanti li l-Maltapost tħares ’il quddiem u tidħol f’oqsma li jagħmlu sens għaliha. Il-management il-ġdid, issa li ħafna mir-ristrutturar tlesta, irid jara’ kif jiżviluppa serviżżi ġodda u bżonnjużi ghaż-żmienijiet tal-lum. Mhux biss iżda toffri servizzi ġodda speċjalment f’oqsma fejn l-Maltapost tista’ tkun ta’ benefiċċju kemm ghaċ-cittadin kif ukoll għall-kumpaniji u tersaq iktar qrib lejn iċ-ċittadin biex dan ikun jista’ jinqeda aħjar kif fil-fatt qed tagħmel bil-ftuh ta’ branch f’ Bugibba.
Intant, il-Ministru għall Kompettitività u Komunikazzjoni, l-Onor. Censu Galea, li għandu r-responsbilità tal-qasam regolatorju tal-posta, faħħar l-inizjattiva tal-Maltapost li tiftaħ fergħa oħra f’żona fejn kien hemm żvilupp urban sostanzjali fl-aħħar snin. Il Ministru Galea qal li dan l-iżvilupp wassal m’hux biss biex din iż-żona kompliet tistabilixxi ruħha bħala waħda ewlenija għall-qasam turistiku imma l-iżvilupp fisser ukoll li l-popolazzjoni ta’ din-il-lokalità kibret ukoll u għalhekk inħass il-bżonn li tinfetaħ din il-fergħa ġdida tal-posta. “Din il-fergha ser taqdi aħjar, kemm lir-residenti ta’ dawn l-inħawi, kemm lit-turisti u kif ukoll lis-sidien ta’ l-istabilimenti” qal il-Ministru Galea.
Il-Ministru għall Kompetittività u Komunikazzjoni assigura ukoll li l-fergħa l-oħra li tinsab f’San Pawl il-Baħar ser tibqa miftuħa ukoll. Hu qal li l-lokalità ta’ San Pawl tant kienet kibret li hemm lok għaż-żewg ferghat li jagħtu servizz tagħhom u dan għaliex hemm distanza konsiderevoli bejn fergħa u oħra.
Preżenti għal din l-attività kien hemm iċ-CEO il-ġdid tal-kumpanija, Stephen Sultana li ser jieħu post iċ-CEO preżenti Robert Lake mill-1 ta’ Ottubru. Il-Minsitru Gatt ħabbar ukoll li fil-ġranet li ġejjin, il-Maltapost ser ikollha Sales and Marketing Manager ġdid biex b’hekk il-management team il-ġdid ikun jista’ jibda jiffunzjona.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en