Left arrow Go Back

PAVIMENTAR TAL-BELT STORIKA TA’ L-IMDINA

PR1357
Date Icon 01/09/2004

Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura hija li jsebbaħ dejjem iktar id-dehra ta’ pajjiżna speċjalment il-qalba jew iċ-ċentri ta’ l-ibliet u rħula.  Xhieda ta’ dan huwa l-proġett ta’ tqegħid ta’ pavimentar ta’ l-Imdina kollha.

Dan ħabbru l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, il-Perit Ninu Zammit waqt żjara li għamel fuq dan il-proġett fejn seta’ jara dawn ix-xogħlijiet.  Il-proġett ta’ pavimentazzjoni sar wara diversi laqgħat bejn il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, il-Proġett għar-Rijabilitazzjoni ta’ l-Imdina (MRP), il-Kunsill Lokali u r-residenti.  Bis-saħħa ta’ dawn il-laqgħat saru xi aġġustamenti li kienu maqbula mill-partijiet kollha.  

Il-Ministru Ninu Zammit spjega kif is-servizzi essenzjali kollha ġew mgħoddija minn pajpijiet taħt l-art biex b’hekk il-manutenzjoni tkun tista’ ssir mingħajr ma toqgħod tiġi maqlugħa l-art.  L-overhead wires tal-Maltacom u Melita Cable tneħħew, waqt li s-sistema ta’ l-ilma u d-dawl saret kollha mill-ġdid. Barra minn hekk tneħħew ukoll il-wires mikxufa ta’ l-istreetlighting billi dawn iddaħħlu f’conduits fil-ħitan.  Il-Ministru Zammit qal ukoll li se jiżdied id-dawl ta’ l-istreetlighting waqt li se jiġi mixgħul ukoll xi bini importanti. Fix-xhur li ġejjin se jitneħħew il-wires tad-dawl li fadal.  

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fiehem lill-ġurnalisti preżenti li t-tip ta’ pavimentar li qed jintuża huwa mpurtat minn Sqallija u jixbaħ ħafna lill-ġebla tal-qawwi Maltija. Qabel ma jitqiegħed il-paviment qed issir sodda tal-konkos.  Il-madum huwa ta’ daqs varjat.  Il-Ministru Zammit qal li għalkemm għandu jkun hemm mill-inqas karozzi fl-Imdina, il-pavimentar li qed isir, huwa wieħed li jiflaħ għat-traffiku.  

Ix-xogħlijiet preliminari nbdew f’Mejju 2004 u huwa ppjanat li x-xogħol ta’ pavimentar ikun lest fi żmien 12-il xahar, jiġifieri għan-nofs is-sena 2005. Ix-xogħol kollu relatat mal-pavimentar qed jitwettaq minn 3 kuntratturi privati flimkien ma’ ħaddiema tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.  Qed isir ukoll xogħol  ta’ tqegħid ta’ 600 tappieri (manholes) ġodda.  Il-ġebel tal-qawwi li qed jintuża qed ikun minqux biex il-wiċċ ma jiġix jiżloq.  Tlesta x-xogħol fuq 5 toroq u għaddej xogħol fuq 5 toroq oħra.

Il-Ministru Zammit, waqt li faħħar l-impenn tal-ħaddiema tal-Gvern u tal-kuntratturi, qal li din il-fażi tal-proġett se jiswa madwar Lm600,000. Dan jinkludi tħammil, xogħol ta’ konkos, xiri u tqegħid ta’ pavimentar.  

Finalment il-Ministru Ninu Zammit irrimarka li dan hu proġett li jixhed l-impenn serju tal-Gvern fir-restawr u l-għożża ta’ postijiet storiċi f’pajjiżna bil-għan li dawn il-ġojjelli li jiffurmaw il-wirt storiku ta’ pajjizna nippreżervawhom u ngħadduhom lil ta’ warajna fi stat aħjar milli sibnihom aħna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

More Press Releases Right arrow