INDIRIZZ MILL-E.T. PROF. GUIDO DE MARCO, PRESIDENT TA’ MALTA, FL-OKKAŻJONI TA’ SKAMBJU TA’ AWGURI GĦAS-SENA L-ĠDIDA MAL-KORP DIPLOMATIKU – IL-PALAZZ, IL-BELT VALLETTA, IL-ĠIMGĦA, 9 TA’ JANNAR 2004
Membri tal-Korp Diplomatiku,
Sinjuri.
Reverendu Dekan
Nirringrazzjak għall-kliem sbieħ li għadek kif esprimejt bħala d-Dekan tal-Korp Diplomatiku akkreditat għall-pajjiżi. Ippermettili, nesprimi lilek u lill-membri kollha tal-Korp Diplomatiku, l-isbaħ xewqat tiegħi għas-sena 2004. Nitolbok ukoll twassal l-awguri tiegħi u dawk tal-poplu Malti kollu lill-Q.T. il-Papa Ġwanni Pawlu II.
Eċċellenzi.
Meta indirizzajtkom is-sena l-oħra, kellimtkom dwar kif il-poplu Malti kellu jkun l-arbitru finali fid-deċiżjoni għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. U dan, jien sostnejt, li ghandu jsir bis-saħħa ta’ strumenti u leġislazzjoni li l-Kamra tar-Rappreżentanti għandha sabiex jiġi żgurat li r-rieda tal-poplu tiġi espressa bil-libertà kollha.
Komplejt inżid li:
“Il-vot ghandu jkun liberu u ġust u eżerċitat fil-parametri tad-dijalettika politika li l-partiti Maltin ilhom li wrew fil-maturità tagħhom. Nemmen li l-partiti politiċi, li l-leġittimità taghhom tiddependi fuq is-sostenn tal-poplu, se jirrispettaw ir-rieda sovrana tal-poplu.”
Il-korrettezza ta’ dik l-assunzjoni ppruvat lilha nfisha permezz tal-avvenimenti li ġraw: il-partiti politiċi f’Malta, kienet x’kienet l-opinjoni tagħhom, qagħdu għar-rieda tal-poplu kif huwa d-dmir tagħhom.
Malta, li se tingħaqad ma’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju, hi Malta magħquda, bħala poplu wieħed li ddeċieda li jgħaqqaad id-destin tiegħu u l-futur tiegħu ma’ l-Unjoni Ewropea. Verament wieħed jista’ jgħid illi l-Unjoni Ewropea hi l-futur li qed issejħillna lkoll, u hi b’din il-perspettiva illi l-Gvern u l-poplu ta’ Malta se jaffronta l-vjaġġ li dalwaqt se nibdew.
Aħna konxji tad-diffikultajiet u l-problemi li inevitabbilment is-Sħubija fl-Unjoni Ewropea se ġġib magħha. Imma aħna ugwalment determinati biex nassiguraw li dawn l-opportunitajiet irendu lil Malta aktar prospera bis-saħħa tax-xogħol u bis-saħħa ta’ l-iżvilupp u l-evoluzzjoni tas-soċjetà demokratika tagħna.
Il-popli Malti riesaq lejn politika barranija komuni, appoġġjata mill-partiti politiċi li jara l-futur tiegħu fl-Unjoni Ewropea, li jħaddan dimensjoni Mediterranea rilevanti u li jappoġġja lin-Nazzjonijiet Uniti u l-Karta tagħha.
Nikkonsidraw illi flimkien ma’ pajjiżi oħra Mediterranji, naqsmu interessi komuni, anzjetajiet komuni u wirt komuni. Aħna nemmnu illi permezz tal-kontribut tagħna fil-Politika Estera u ta’ Sikurezza Komuni ta’ l-Unjoni Ewropea, nistgħu nikkontribwixxu lejn għarfien aħjar tal-Mediterran u l-popli tiegħu.
Malta tibqa’ impenjata lejn in-Nazzjonijiet Uniti, fil-waqt li temmen li l-pajjiżi kollha, partikolarment in-nazzjonijiet iż-żgħar, isibu fil-Karta l-protezzjoni tas-sovranità tagħhom u ż-żamma tad-drittijiet tagħhom fil-komunità internazzjonali. F’dan ir-rigward il-pajjiż tiegħi, f’diversi okkażjonijiet, wassal il-ħsibijiet tiegħu dwar ġenerazzjoni ġdida ta’ Nazzjonijiet Uniti aktar b’saħħitha biex twieġeb għal dan it-tieni millenju. Tassew, kif tenna l-Q.T. il-Papa fl-Indirizz f’Jum il-Paċi, 1 ta’ Jannar:
“L-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti hemm bżonn li togħla aktar u aktar ’il fuq mill-istat biered ta’ istituzzjoni amministrattiva u ssir ċentru morali fejn in-nazzjonijiet kollha tad-dinja jħossuhom sodisfatti u fejn jiżviluppa sens ta’ appartenenza komuni, sens ta’ familja ta’ nazzjonijiet.”
Eċċellenzi
Il-viżita tiegħi fl-Eġittu kmieni f’Dicembru li għadda, biex niltaqa’ mal-President Mubarak u awtoritajiet oħra Eġizzjani, kif ukoll mas-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija, kienu enfażi li l-appartenenza ta’ Malta fl-Ewropa ssaħħaħ aktar l-impenn tagħna Mediterranju.
Aħna nikkonsidraw pożittivament avvenimenti u deċiżjonijiet meħuda mill-pajjiż ġirien tagħna, il-Libja, għax dawn se jikkontribwixxu aktar lejn politika ta’ paċi fil-Mediterran.
Fl-20 ta’ dan ix-xahar, jien se nagħmel Viżta Statali f’pajjiż ġirien ieħor, ir-Repubblika Taljana. Ir-relazzjonijiet ta’ Malta ma’ l-Italja huma minquxa fl-istorja, iffurmati bil-ġeografija u għandhom l-għeruq f’relazzjoni lingwistika u kulturali li tmur lura kważi elf sena. Dawn komplew jissaħħu mill-Indipendenza ta’ Malta erbgħin sena ilu, permezz ta’ kull Gvern Malti u Taljan suċċessiv, kien ta’ liema fehma politika kien. L-approvazzjoni reċenti tal-Ħames Protokoll Finanzjarju u l-preżenza fi gżiritna għal ’il fuq minn tletin sena, tal-Missjoni Militari Taljana, hi xhieda ta’ din ir-relazzjoni speċjali Italo-Maltija. Irrid illum nieħu l-okkażjoni u nagħti ringrazzjament għall-appoġġ kostanti mogħti lil Malta mill-Italja matul in-negozjati ta’ Malta għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Id-dimensjoni Mediterranja tagħna tagħmilna aktar konxji tas-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, li tkompli tevadi kwalunkwe soluzjoni; kriżi li ilha tiġbed fit-tul għal aktar minn nofs seklu u li ġġiegħel wieħed jistaqsi jekk hux qed niffaċċjaw nuqqas ta’ rieda politika biex il-paċi ssaltan f’dan ir-reġjun: għandna nassiguraw illi r-Riżoluzzjonijiet pertinenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijet Uniti ma jibqgħux aktar minsija iżda jiġu implimentati.
Ma jistax ikun hemm soluzzjoni jekk id-drittijiet inaljenabbli tal-poplu Palestinjan għall-art li hi tiegħu, ikunu kkunsidrati minn uħud mhux bħala konċessjoni, iżda bħala l-affermazzjoni ta’ dritt li ilu tant żmien miċħud.
Irid ikun hemm impenn għall-paċi minn żewġ naħat. Kelli l-okkażjoni nħoss il-polz tal-paċi waqt il-viżita tiegħi f’Tel Aviv, f’Settembru li għadda meta ħadt sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ għeluq it-tmenin sena ta’ l-ex Prim Ministru Iżraeljan u statista mondjali, Shimon Perez, li fl-1994 flimkien ma’ Yitzhak Rabin u ma’ Yasser Arafat, rebaħ il-Premju Nobel għall-Paċi. F’ittra li bagħatli riċentement, il-President Arafat esprima dan li ġej miegħi:
“Minkejja kollox, nikkonfermaw lilek Eċċellenza, li aħna nibqgħu bħalma dejjem kont tafna, insostnu l-għażla tal-paċi tal-kuraġġużi, li aħna għażilna b’konvinzjoni sħiħa, u li nkompli fl-isforzi sinċieri tagħna biex nottenuha”
Malta tappoġġa kull inizjattiva mmirata biex twassal il-paċi u l-istabbilità fil-Lvant Nofsani, f’dan ir-reġjun li għal aktar minn nofs seklu għex fid-dellijiet tal-biżgħa, tan-nuqqas ta’ fiduċja u tal-mewt.
Naffermaw bl-iktar mod ċar li l-attivitajiet terroristiċi, mhux biss ma jipprovdux soluzzjonijiet, iżda jkabbru n-nuqqas ta’ komprensjoni u t-tixrid tad-demm, li kważi saru endemiċi f’din il-parti tad-dinja.
Il-pajjiz tiegħi qiegħed f’salib it-toroq taċ-ċiviltajiet. Nemmnu fil-bini ta’ pont bejn l-ixtut fit-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Mediterran għax emminna li permezz ta’ dan il-proċess jista’ jinħoloq djalogu ta’ kulturi. Hu f’dan il-kuntest li Malta, is-sena l-oħra, offriet li tospita l-EuroMed Foundation for a Dialogue of Cultures. Din il-Fondazzjoni fuq art Maltija tkompli mal-vokazzjoni antika tagħna ta’ bennejja ta’ pontijiet bejn il-popli tal-Mediterran, bejn l-Ewropa u l-Afrika. Matul il-viżita tiegħu f’Malta fl-2002 l-Onor. Pat Cox, President tal-Parlament Ewropew, fl-indirizz tiegħu lill-Kamra tar-Rappreżentanti qal:
“U f’dik it-triq ta’ bini ta’ pontijiet intom tistgħu toffru xi ħaga reali u ta siwi, tanġibbli lill-Unjoni Ewropea aktar kbira, permezz tal-esperjenza storika tagħkom, permezz tal-pożizzjoni tagħkom f’salib it-toroq u permezz tal-kuntatti u l-kapaċitajiet politiċi u diplomatiċi tagħkom”
Reverendu Dekan
Eċċellenzi
Din hija l-ħames darba li qiegħed nindirizzalkom l-awguri tiegħi ta’ l-ewwel tas-sena bħala l-President ta’ Malta. Irrid nieħu din l-okkażjoni biex nesprimi minn qalbi, ir-ringrazzjament tiegħi lilkom ilkoll. Intom ikkontribwejtu lejn din ir-relazzjoni bejn stat u ieħor, relazzjoni bbażata fuq għarfien ta’ xulxin, fuq rispett reċiproku u fuq djalogu tal-popli. Personalment, fil-laqgħat tiegħi ma’ membri individwali tal-Korp Diplomatiku sibt dak l-iskambju ta’ ideat li huma essenza mhux biss tad-diplomazija, imma aktar u aktar tal-loġika ta’ komprensjoni u tas-sustanza ta’ ħbiberija.
Għax hu rari ħafna, bħalma turina l-istorja, li toħloq avvenimenti kbar. Fl-esperjenza tiegħi, avvenimenti kbar jinbnew meta jkun hemm sforzi komuni li tpoġġi ġebla fuq ġebla. Meta nżur it-tempji Neolitiċi ta’ dan il-pajjiż jew nara l-piramidi, nirrealizza kemm aħna, fil-politika u fid-diplomazija, għandna nitgħallmu s-sena tal-bini, kif, bil-paċenzja kollha nitgħallmu npoġġu ġebla ħdejn ġebla, ġebla fuq oħra, biex nassiguraw li l-edifiċċju jinbena fuq pedamenti sodi. Dan, nemmen, hu l-proċess tal-kostruzzjoni tal-paċi, proċess li fih ilkoll kemm aħna għandna l-privileġġ, permezz ta’ xogħolna, li nkunu involuti. Bħala diplomatiċi, aħna għażilna karriera li għandha bħala għan finali li nkunu inizjaturi ta’ djalogu, inġiniera ta’ paċi u gwardjani tal-libertà.
Nawgura lilkom, lill-Gvernijiet u l-popli tagħkom, sena mimlija riżq u paċi.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en