Left arrow Go Back

INAWGURATA L-ESTENSJONI TAR-RESIDENZA GĦALL-ANZJANI F’BORMLA

PR1243
Date Icon 29/07/2004

Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Louis Deguara u s-Segretarja Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità l-Onor. Helen D’Amato inawguraw estensjoni fid-Dar Residenzjali għall-anzjani f’Bormla.  Il-parti l-ġdida se takkomoda 25 anzjan u anzjana u issa din id-dar tilqa’ fiha 132 anzjan u anzjana.

Din id-Dar Residenzjali hija amministrata taħt il-public private partnership scheme mill-kumpanija CareMalta li ħadet ukoll ħsieb din l-estenzjoni.  

Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità f’kelmtejn li għamel qal li hu xtaq li din id-Dar Residenzjali u l-estenzjoni tagħha tiġi kunsidrata f’ambitu aktar wiesgħa tal-politika tal-gvern għan-naħa t’isfel ta’ Malta.  F’dawn l-aħħar snin il-Kottonera rat diversi proġetti jitwettqu li għenu mhux ftit biex din il-parti ta’ Malta tieħu dehra ġdida.  L-abitanti ta’ dawn in-naħat illum jistgħu jaraw u jmissu b’idejhom proġetti bħall-iżvilupp tax-xtut, iċ-Ċentru Sportiv, il-proġett tal-Birgu u l-Marina.  Dawn kollha għandhom iseddqu din iż-żona u huma prova li l-wegħdiet tal-gvern għal dawn l-inħawi ma kinux fiergħa.  Dawn il-proġetti huma immirati biex filwaqt li jsebbħu lit-tlett ibliet jiġġeneraw il-ġid li jwassal għall-kwalità ta’ ħajja aħjar u soċjetà aktar b’saħħitha.  

Il-Ministru fakkar li l-qasam ta’ l-anzjani kif nafuh illum ra l-bidu tiegħu fl-1987 meta gvern nazzjonalista għall-ewwel darba waqqaf segretarjat parlamentari speċifikament biex jieħu ħsieb il-bżonnijiet ta’ l-anzjani.  Minn dak iż-żmien sal-lum saret rivoluzzjoni sħiħa fejn rajna t-twaqqif ta’ diversi strutturi u l-introduzzjoni ta’ servizzi għall-benefiċċju ta’ l-anzjani li għenu biex l-anzjani llum jistgħu jgħixu f’ambjent li jassiguralhom dinjità, kura, wens u sedqa.  

Dan il-qasam, l-istess bħas-settur tas-saħħa, jirrikjedi fondi kbar.  Bis-servizzi tas-saħħa tajbin li għandna qegħdin ntawlu l-ħajja lill-anzjani tagħna bil-konsegwenza li d-domanda għall-kura tal-mard deġenerattiv qegħda dejjem tikber.  Dan qiegħed ukoll iżid il-listi ta’ stennija għall-operazzjonijiet.  Wasalna fil-punt li l-istrutturi f’ San Luqa huma mġebbda sal-limitu biex sa fejn hu umanament possibbli jitnaqqsu l-listi ta’ stennija.  Qegħdin isiru sforzi kbar biex jiġu moqdija l-akbar numru ta’ pazjenti possibbli għax nemmnu li flimkien ma’ ħajja itwal irridu nagħtu wkoll lill-anzjani tagħna l-opportinità ta’ ħajja aħjar.  

Il-Ministru Deguara qal li r-riżorsi tal-gvern m’humiex bla limitu.  Il-gvern irid joqgħod attent li ma jidħolx fi proġetti li ma jkunx jiflaħ isostni.  Biex dan ma jseħħx, il-gvern għal dawn l-aħħar snin f’dan il-qasam qiegħed idaħħal il-kunċett tal-private pertnership scheme fejn il-gvern ifittex il-kollaborazzjoni tas-settur privat li jkun lest li jaqsam il-piż flimkien mal-gvern.  Fil-każ ta’ din ir-residenza u dik taż-Żejtun il-gvern sab il-CareMalta li qed tagħti servizz tajjeb ħafna.  Il-Ministru Deguara awgura li din il-koperazzjoni tkompli fil-futur u għandha sservi ta’ eżempju biex aktar imprendituri privati jikkunsidraw li jidħlu sħab mal-gvern biex jipprovdi aktar servizzi lill-anzjani.  

L-Onor D’Amato qalet li l-estenzjoni li qegħda tiġi inawgurata llum qed tkompli tgħin biex jiżdiedu n-numru ta’ sodod fil-komunità.  Hi qalet li d-domanda qawwija għad-Djar Residenzjali tal-Gvern u għar-Residenza San Vincenz De Paule, hija xhieda tal-kwalità tajba tas-servizzi li qed jiġu offruti f’dawn id-djar.  

L-Onor D’Amato kompiet tgħid li l-Gvern huwa mpenjat biex jagħti mportanza qawwija lid-dinjità ta’ l-anzjani.  Hija saħqet dwar l-importanza li l-anzjani għandhom jibqgħu attivi fis-soċjeta.  Iridu jħarsu lejn il-ġejjieni b’viżjoni pro-attiva.  

L-Onor D’Amato qalet li l-Gvern introduċa numru ta’ servizzi, bħal Home Help, il-Meals on Wheels, il-Pensjoni tal-Wens fost oħrajn,  li jgħinu biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fi djarhom, fl-ambjent li fih trabbew u għexu.  Hi qalet li waqt li l-Gvern jirrikonoxxi l-importanza li l-anzjani jibqgħu jgħixu fid-djar residenzjali tagħhom, madanakollu nifhmu wkoll li dan mhux dejjem possibli u hu għalhekk li l-Gvern qiegħed jinvesti fi proġetti bħal dan li qed nawguraw illum.  Proġett ieħor hu dak tar-residenza San Vincenz de Paule fejn bħalissa għaddej xogħol fuq il-bini tas-swali 1-2, 3-4 tan-nisa. Dan il-proġett hu parti minn proġett vast ta’ bini mill-ġdid ta’ swali u moderniżżar ta’ oħrajn li issa ilu għaddej għal numru ta’ snin.  Proġett ieħor li qegħdin inkomplu naħdmu fuqu hu dak tad-Dar għall-Anzjani tal-Mellieħa.  

Meta tkellmet dwar il-public private partnership l-Onor D’Amato qalet li bil-bini tad-Dar Residenzjali għall-Anzjani taż-Żejtun fl-1994 inbeda proċess ta’ sħubija mas-settur privat. Dan il-proċess tkompla bil-bini u l-ftuħ ta’ din id-Dar u jidher illi din is-sħubija qegħda tħalli r-riżultat mixtieq.  Permezz ta’ dan, illum għandna żewġt idjar, li flimkien jakkomodaw 292 anzjan, li huma mmexxijja mis-settur privat.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

More Press Releases Right arrow