Left arrow Go Back

BEJGĦ TA’ SIGAR TAL-FROTT U DWIELI SSUSSIDJAT MINN ST. VINCENT DE PAULE NURSERY

PR124
Date Icon 03/02/2004

Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino żar il-mixtla f’San Vincenz De Paule waqt il-bejgħ issussidjat ta’ xitel tas-siġar tal-frott, siġar taż-żebbuġ u dwieli lill-bdiewa lokali.  

Il-Ministru Pullicino qal li sabiex ġiet stabbilita din il-mixtla kellna għajnuna kbira mill-Istitut Agronomiku tal-Mediterran ta’ Bari, iċ-CIHEAM, li hija għaqda Ewropea li tipprovdi għajnuna fl-iżvilupp ta’ l-agrikoltura lill-pajjiżi Mediterranji.  L-għajnuna kienet tikkonsisti f’pariri permezz ta’ esperti, għajnuna għal xiri ta’ makkinarju, u numru ta’ ħaddiema li ntbagħtu l-Italja sabiex jitgħallmu kif titmexxa u jsir xogħol speċjalizzat f’mixtla ta’ dan it-tip. Din is-sena l-mixtla laħqet l-għan tagħha, jiġifieri pproduċiet biżżejjed siġar tal-frott (’il fuq minn 9,000 siġra) sabiex tkun tista’ tlaħhaq ma’ l-ordnijiet tal-bdiewa lokali u għall-ewwel darba ma kellniex bzonn nimpurtaw siġar tal-frott. 

L-Onor. Pullicino qal li dan is-suċċess kien dovut primarjament għal materjal tajjeb li qiegħed jiġi prodott, siġar b’saħħithom reżistenti għal mard, jikbru malajr u ta’ varjetajiet bi produzzjoni għolja. Dan il-materjal (rootstock) qiegħed jigi prodott kollu fil-laboratorji tal-Plant Biothecnology Centref’Hal-Lija taħt kundizzjonijiet moderni u ħielsa minn kull mard. 

Il-Ministru Pullicino żied jgħid li mis-sena l-oħra bdiet tkun prodotta r-rootstock tad-dwieli u s-siġar taż-żebbuġ. Hu qal li filwaqt illi huwa pjuttost faċli li tkabbar ir-rootstock tad-dwieli, mhux l-istess jista’ jingħad għas-siġar taż-żebbuġ. Dan jirrekjedi sengħa speċjali sabiex tnisslu, tlaqqmu u tkabbru. Fil-fatt il-ħaddiema tal-mixtla diġa’ ntbgħatu f’Bari l-Italja sabiex jitħargu fuq it-tilqim taż-żebbuġ.  

George Pullicino qal li r-riżultati li qed ikollna huma nkoraġġanti u nisperaw li fi żmien qasir nibdew nipproduċu lokalment anke siġar taż-żebbuġ ċertifikati ħielsa mill-mard u ta’ varjetajiet produttivi u addattati għal Malta.   

Fl-aħħarnett il-Ministru Pullicino ħeġġeġ lill-bdiewa kollha biex jirreġistraw is-siġar kollha taż-żebbuġmad-dipartiment, billi l-bdiewa jmorru l-Għammieri, jew fl-uffiċċju tad-Dipartiment f’Għawdex.  Din ir-reġistrazzjoni hija importanti ħafna biex jinżamm registru taż-żebbuġ, li minnu l-bidwi Malti jista’ jingħata għajnuna mill-Unjoni Ewropea għall-produzjoni taż-żebbuġ, u għaż-żejt taż-żebbuġ.  Skemi ta’ għajnuna jistgħu ikunu finalizzati ladarba jintemm l-eserċizzju ta’ registrar. 

Intant, dawn is-siġar tal-frott imlaqqma bl-aħjar varjetajiet li ġew introdotti mill-Italja qed jinbiegħu bil-prezz issussidjat ta’ Lm1.70 il-waħda u dawk taż-żebbuġ bil-prezz ta’ Lm2.50. Ir-rootstock tad-dwieli u l-frott li wara jitlaqqmu mill-istess bdiewa b’varjetajiet li jkunu jixtiequ huma, jinbiegħu bi prezz ssussidjat ta’ 25 ċentezmu kull waħda.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow