PROĠETTI ĠODDA GĦAĊ-ĊENTRU TAL-KONFERENZI TAL-MEDITERRAN
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-esperjenza tgħallimna li wara li post jiġi riabilitat u restawrat, biex jinżamm tajjeb dan irid jingħata użu. Hu qal li dan seħħ, b’riżultati pożittivi, sew f’dik li kienet in-Knight’s Hall, illum iċ-Ċentru tal-Mediterran ghall-Konferenzi, sew fil-Kavallier ta’ San Ġakbu kif ukoll fil-Berġa ta’ l-Italja. Hu qal li dan kien qed iseħħ ukoll fi proġetti kbar bħal dak tal-Kottonera, il-Ponta ta’ Tigne’ u Manoel Island u l-Cruise Liner Passenger Terminal.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li ċ-Ċentru tal-Mediterran ghall-Konferenzi minkejja li twettqu fih żewġ proġetti kbar ta’ riabiltazzjoni u restawr, li fihom kienu nvestiti miljuni ta’ liri, xorta jibqa’ jeħtieġ xogħlijiet ta’ ċertu kobor biex jinżamm fi stat tajjeb u biex jaqdi l-missjoni li għaliha nbidel minnSacra Infermeria, jew sptar ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann f’Ċentru ta’ Konferenzi. Hu qal li dan iċ-ċentru fih għaxar swali f’area ta’ 7,000 metru kwadru – bl-ikbar sala tesa 1,400 persuna u l-iżgħar 60 persuna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li llum kien qed jinawgura żewġ proġetti ġodda
Ø Il-VIP Room. Il-kamra li kien hemm qabel kienet żgħira u mhux ta’ livell u għalhekk inħasset il-ħtieġa li jkun hemm VIP Room ġdida li tilħaq mal-ħtiġiet tal-lum. Din is-sala fiha taħlita ta’ arkitettura qadima u stili moderni, tlestiet ftit taż-żmien ilu u diġa’ ntużat minn personalitajiet importanti li żaru l-post. Is-sala fiha bar attrezzat b’kollox filwaqt li tqiegħdet wirja permanenti ta’ stampi li juru l-istat u l-użu tas-swali qabel ma ċ-ċentru inbidel f’Ċentru ta’ Konferenzi.
Ø Business Centre. Dan iċ-ċentru hu mgħammar bi tliet desktop computers, printer, photocopier, fax u għadd ta’ settijiet tat-telefon. Hemm ukoll ADSL connection li tista’ tintuża mingħajr ħlas. Jingħata wkoll servizz segretarjali.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li matul din is-sena Kamra Numru 1 kienet se tigi konvertita f’reception room. Is-servizzi f’din il-kamra se jinbidlu biex jintlaħqu l-ħtiġiet ta’ min jattendi t-teatru, ħaddiema tas-sigurta’, museum’s attendant u booking clerks. Se jkun hemm ukoll spazju għal waiting area żgħira. Il-kamra se tkun ukoll attezzata bl-arja kondizzjonata.
Francis Zammit Dimech qal li l-Management taċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran qed ibiddel ukoll is-sistema tal-booking għat-teatru. Kienet disinjata sistema kompjuterizzata ghall-booking biex il-biljetti joħorġu b’aktar ħeffa u biex ikunu jistgħu jitħallsu bil-credit cards. Is-sistema mistennija tibda titħaddem f’nofs Settembru.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura ħabbar ukoll il-ħruġ ta’ żewġ offerti għal żewġ proġetti importanti għal dan iċ-Ċentru. Hu qal
o Wara li nstab li partijiet mill-faċċata ta’ dan il-monument nazzjonali – li hu bini Grad ‘A’ u anke ngħata l-Europa Nostra Award – kienu fi stat ħażin u anke perikolużi, kien deċiż li jitħejjew id-dokumenti għall-offerta biex isir ir-restawr tal-faċċata. Dawn tħejjew flimkien ma’ periti mir-Restoration Unit mit-Taqsima tax-Xogħlijiet u saret l-applikazzjoni mal-MEPA. Wara li tlestiet id-dokumentazzjoni kollha neċessarja, fil-jiem li ġejjin se toħroġ sejħa għar-restawr fuq l-elevazzjoni ta’ Triq il-Mediterran u l-bieb kbir u ta’ livell arkitettoniku għoli fuq Triq it-Tramuntana.
o Is-sistema ta’ l-arja kondizzjonata fis-Sala La Vallette ilha li ġiet installata 24 sena u għalhekk qed tnaqqas mill-effiċjenza. L-inefficjenza qed tikber minħabba li xi unitsm’humiex jiffunzjonaw. Għalhekk kien deċiż li s-sistema tinbidel kompletament. Fil-ġimgħat li ġejjin se toħroġ offerta għad-disinn, provista, stallazzjoni u ikkummissjunar ta’ sistema ta’ arja kondizzjonata u stallazzjoni ta’ servizz ta’ ventilazzjoni fis-Sala La Valette. Kull min jidħol għal din is-sejħa se jintalab jissottometti żewġ offerti – waħda mil-lat tekniku u l-oħra għall-ispejjeż relattivi. Hekk dawk li jagħmlu l-offerti se jkunu liberi li jippreżentaw id-disinn li jidhrilhom xieraq u l-kumitat li jagħti l-kuntratt ikollu quddiemu s-soluzzjonijiet kollha possibbli għal din il-problema delikata.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li x-xogħlijiet li twettqu, jew se jitwettqu fiċ-Ċentru għall-Konferenzi juru l-impenn tal-Gvern li jaħdem biex il-kultura f’pajjiżna tingħata l-importanza li jixirqilha u tinfirex fost l-akbar numru possibli ta’ Maltin. Hu feraħ lill-bord tat-tmexxija taċ-Ċentru għall-ħidma tagħhom.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en