IL-GVERN IMPENJAT BIEX ITEJJEB IT-TOROQ F’KULL LIVELL
Il-Gvern huwa impenjat li mhux biss itejjeb in-network tat-toroq arterjali u distributorji f’Malta u Għawdex, iżda anke it-toroq f’żoni residenzjali, industrijali u dawk li għandhom funzjoni li jgħaqqdu l-irħula.
Meta kien qed iżur xogħlijiet fuq numru ta’ toroq li qed isiru mill-Kunsill Lokali tal-Gudja, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li bħalissa, aktar minn qatt qabel, għaddej ammont kbir ta’ xogħol fuq it-toroq arterjali u distributorji. Il-Gvern madankollu baqa’ jagħti prijorita’ għolja ukoll lix-xogħol fuq toroq f’livell lokali. It-toroq f’żoni residenzjali għandhom impatt dirett fuq il-kwalita’ tal-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Ser ikun l-impenn tal-Ministeru li l-livell tat-toroq jkun wieħed li jirrifletti l-importanza li dawn għandhom fil-ħajja u x-xogħol tagħna.
L-Awtorita’ dwar it-Trasport fl-aħħar snin iffirmat bosta ftehim ma’ Kunsilli Lokali biex din tiffinanzja l-kostruzzjoni ta’ toroq residenzjali ġodda li qatt ma kienu saru mill-Gvern. Bl-istess ftehim il-Kunsilli Lokali qed jieħdu f’idejhom ukoll l-immaniġġjar tal-proġetti filwaqt li l-Gvern joħroġ Lm75,000 għal dawn ix-xogħlijiet.
Il-proġett li nbeda x-xahar li għadda jinkludi il-bini ta’ Triq il-Barunissa, Triq il-Markiża, Triq Xlejli, Triq iż-Żgħożija, Triq H. Pigot u Triq Dorell għal tul totali ta’ 600 metru. Ix-xogħol jinvolvi l-bini mill-ġdid tal-bankini, it-tqegħid tal-pedamenti tat-toroq, ċaqlieq ta’ servizzi u l-asfaltar. Bħal issa qed jitpoġġew il-manholes biex imbgħad jibda jingħata t-tarmac.
Il-Ministru Mugliett qal li fis-snin li ġejjin, Malta ser ikollha opportunitajiet regolari biex tikseb fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni mill-Unjoni Ewropea. Bħal issa fil-fatt għaddej studju estensiv fuq it-toroq arterjali u l-junctions kollha f’Malta u Għawdex sabiex il-proġetti li ser igawdu minn dawn l-opportunitajiet ikunu identifikati u ppjanati kif suppost. Dan ser jgħin biex fix-xhur li ġejjin titnieda strateġija fit-tul li tindika programm ta’ titjib fuq in-network kollu.
“Għall-ewwel darba, pajjiżna għandu l-opportunitajiet sabiex iġib l-infrastruttura tat-toroq skond standards li wieħed jistenna f’pajjiż modern.
“Meta wieħed jitkellem fuq standards ta’ toroq, ma nkunux qed nirreferu biss għall-ingredjenti li jagħmlu t-triq biex jgħaddu l-vetturi minn fuqha bħat-tarmac, iż-żrar jew il-crash barriers. Fil-pjanifikazzjoni u d-dizinn tat-toroq illum qegħdin jingħataw attenzjoni l-ħitan ta’ mat-toroq, l-ilma tax-xita, dwal li jaħdmu b’enerġija alternattiva u l-landscaping,” kompla jgħid il-Ministru Mugliett. Kompla jghid illi minbarra dan il-programm long term, il-Gvern bi ħsiebu jindirizza wkoll is-sitwazzjoni tat-toroq rurali u urbani li jgħaqqdu l-irħula bejniethom.
Meta triq tinqala’ mill-qiegħ bħal ma qed isir bil-fondi tal-Protokol Taljan, parti sostanzjali mill-ispiża tmur għall-bini ta’ common service ducts minn fejn ikunu jistgħu jgħaddu s-servizzi. Hu żied jgħid li dan jitfa’ wkoll piż fuq il-kumpanniji tas-servizzi li ta’ spiss jkollhom jqiegħedu l-infrastruttura tagħhom mill-ġdid.
“Il-Gvern għalhekk bi ħsiebu jibda programm fuq dawn it-toroq biex dawn it-toroq rurali li jaqdu funzjoni mportanti, jissewwew u jingħataw wiċċ ta’ tarmac ġdidli jista’ jservi għal numru konsiderevoli ta’ snin,” temm jgħid il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq.
Other Press Releases:
PR261942en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261942