Left arrow Go Back

L-EFFIĊJENZA U L-ĦEFFA FIS-SERVIZZ LEJN L-IMPRENDITUR HIJA L-OBJETTIV EWLIENI FIL-ĦIDMA TAL-MALTA ENTERPRISE

PR119
Date Icon 02/02/2004

F’konferenza ta’ l-ahbarijiet, il-Ministru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomici, l-Onor. John Dalli, ippreżenta l-uffiċjali li qed jagħmlu parti mill-Malta Enterprise u li qed jispeċjalizzaw fis-support service li qed ikun immirat lejn l-imprendituri lokali. F’din il-laqgħa is-Sur Ray Muscat, li huwa l-uffiċjal għoli ta’ din id-Diviżjoni, spjega wkoll lill-istampa kif ser tkun qed taħdem l-organizzazzjoni ta’ dan it-team, li jagħmel parti mill-ħidma vasta tal-Malta Enterprise.

Fl-ispjegazzjoni tiegħu, is-Sur Muscat qal kif ser ikun moqdi l-imprenditur li jkollu bżonn is-servizzi tal-Malta Enterprise. “Bħala parti mill-objettivi tal-ħidma tagħna, aħna mpenjati li niżviluppaw relazzjoni ma’ l-imprendituri li nkunu qed naqdu, u naraw li nsegwuh u ngħinuh jasal għas-suċċess li huwa jkun ippjana.”

Ic-Chief Executive Officer tal-Malta Enterprise, is-Sur Philip Micallef spjega kif il-Malta Enterprise oriġinat mill-impenn li kellu l-Gvern, li jara li jirristruttura s-servizzi tiegħu u jagħmilhom aktar adattati għall-ħtiġijiet ta’ l-industrija u s-suq lokali. Is-Sur Micallef kompla jisħaq li "bir-ristrutturar ta’ l-entitajiet li kienu magħrufa bħala l-M.D.C., M.E.T.C.O. u I.P.S.E., illum għandna entita’ waħda fejn il-komunikazzjoni u l-hidma kollettiva (sinerġija) huma garantiti. Dan għaliex id-deċiżjonijiet m’għadhomx iridu jittieħdu f’organizzazzjoni waħda u mbagħad l-implimentazzjoni tiddependi fuq entita’ oħra, iżda issa d-deċiżjoni u l-implimentazzjoni jittiehdu kollha permezz ta’ entita’ wahda”.

Il-Ministru John Dalli qal li: “Il-Malta Enterprise hija magħmula mill-uffiċjali tagħha li issa jridu jimplimentaw il-liġi. Iżda jiena nistenna li dawn l-uffiċjali, bħala objettiv, ma jkollomx biss l-implimentazzjoni tal-liġi, iżda li joffru servizzi effiċjenti u b’ħeffa lill-imprenditur.

"L-implimentazzjoni tal-liġi ma tistax twaqqafkom milli toffru servizz effiċjenti u b’ħeffa lil min ikollu bżonn l-għajnuna u l-appoġġ tagħkom. Il-liġi għandha tkun ta’ gwida fis-servizzi li toffru, iżda mgħandiex tkun ta’ skuża biex l-għajnuna ma tiġix offruta. Għalhekk tridu kontinwament tevalwaw x’talbiet qed ikollkom u taraw kemm il-liġi qed tkun rilevanti mad-domanda li jkollkom.

Il-ħidma tagħkom ma’ l-imprendituri, kif issa ġiet imfassla, hija riżultat ta’ eżerċizzju ta’ ristrutturar. Dan il-proċess ma waqafx bl-organizzazzjoni tal-Malta Enterprise, iżda huwa proċess kontinwu. Issa intom għandkom id-dmir li tevalwaw kontinwament il-ħidma b’mentalita’ imprenditorjali u taraw kif kontinwament tneħħu l-burokrazija żejda li tibda tinħoloq, kif ukoll tkunu innovattivi fis-servizzi ġodda li tippjanaw. Jiena rrid li intom tkunu ta’eżempju għall-Awtoritajiet l-oħra. Fuq kollox irridkom tfittxu li taqdu lil min jiġi għandkom b’ħeffa. Fil-kummerċ kif prattikat illum, l-investiment ma jistenna lil ħadd. F’pajjiżna ser inkunu kapaċi nkomplu noħolqu x-xogħol daqs kemm kapaċi nirrispondu b’ħeffa lil min jiġi bzonn is-servizzi tagħna. Naħdmu tajjeb, inkunu ta’ eżempju, u jiena persważ li intom tkunu kapaċi tixprunaw Awtoritajiet oħra jaħdmu tajjeb bħalkom.

Nemmen li b’dan il-mod niġġieldu l-burokrazija. Inkunu kapaċi ngħinu l-investiment lokali jiżdied u naraw li jinħolqu impjiegi ġodda u dawk in-negozji eżistenti jkomplu jikbru. Aħna qegħdin fil-bidu ta’ storja ta’ suċċess. Jiena nemmen li pajjiżna huwa pajjiż t’opportunitajiet u ser nara li mill-Ministeru tiegħi, inkompli naħdem flimkien mas-Segretarji Parlamentari Edwin Vassallo u Anthony Abela, biex dawn l-opportunitajiet isiru realtà" temm jghid il-Ministru Dalli.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow