Left arrow Go Back

‘YOUNG ENTERPRISE ’ - ESPERJENZA EĊĊEZZJONALI GĦAL KULL MIN JIPPARTEĊIPA

PR1186
Date Icon 16/07/2004

“L-esperjenza tal-Young Enterprise hi waħda li toffri opportunita’ lill-istudenti u dawk kollha li jipparteċipaw fiha, biex jiksbu ħiliet imprenditorjali, ħiliet ta’ mexxejja, ħiliet ta’ kif taħdem ma’ l-oħrajn u ħiliet oħrajn li huma essenzjali għad-dinja tax-xogħol.”  Dan qalu l-Ministru Louis Galea meta tkellem f’konferenza stampa dwar il-finali tal-kompetizzjoni tal-Young Enterprise fejn tiġi magħżula l-aħjar kumpanija li mbagħad tipparteċipa fil-finali Ewropej li din is-sena se jsiru Malta wkoll.

Louis Galea qal li hu jemmen fil-kontribut li l-Young Enterprise u l-iScoops fost oħrajn joffru lill-istudenti u fil-fatt gew inkluzi fil-Kurrikulu Nazzjonali bħala esperjenżi ta’ tagħlim permezz tal-prattika.  Hu qal li issa l-Young Enterprise għandha qasam ieħor fejn timraħ hekk kif l-MCAST qed ikompli jikber, b’aktar studenti u aktar korsijiet li uħud minnhom huma totalment ġodda għal pajjiżna. Il-Ministru qal li l-istudenti tal-Kulleġġ Vokazzjonali għandhom ikunu minn ta’ quddiem nett fil-kreattivita’ u t-teknoloġija kif ukoll fl-oqsma tan-negozju u l-kummerċ.  

Louis Galea semma li fl-MCAST minn din is-sena se jidħol programm ġdid ta’ esperjenza extra-kurrikulari biex minbarra l-edukazzjoni formali, l-istudenti ta’ l-MCAST jieħdu wkoll esperjenzi li jgħinuhom fil-ħajja ta’ kuljum u fid-dinja tax-xogħol.  Louis Galea qal li l-programm, għalkemm obbligatorju se jgħin l-istudenti fil-formazzjoni sħiha tal-karattru tagħhom.  Il-Ministru fisser li d-dinja tax-xogħol tinħtieġ mhux biss ħaddiema kompetenti u kwalifikati, iżda wkoll ħaddiema li għandhom viżjoni sabiħa tal-ħajja.  Il-programm joffri attivitajiet sportivi, xogħol fil-komunita’, esperjenzi kulturali, artistiċi u spiritwali, xogħol mal-volontarjat, u esperjenza fuq postijiet ta’ xogħol differenti. L-istudenti se jingħataw credits għall-parteċipazzjoni li jitniżżlu f’record-book li l-MCAST jagħti lill-istudenti meta jtemmu l-kors. “Dawn il-credits huma ta’ vantaġġ għall-istudent meta jiġi biex isib xogħol peress li juru persuna b’ħiliet ta’ leadership, team, krejattivita`, motivazzjoni, u spirtu ċiviku. U hawn fejn il-Young Enterprise jista jkollha rwol importanti biex toffri l-esperjenza tal-programm tagħha lil aktar studenti ta’ l-MCAST.” tenna l-Ministru Galea.

Il-Ministru Louis Galea semma wkoll il-bżonn li jinħoloq direttorju ta’ dawk kollha li ipparteċipaw fil-Young Enterprise biex ikun hawn lista ta’ persuni li jiffurmaw rizorsa importanti ta’ imprendituri u mexxejja fil-qasam tan-negozju.  Dan id-direttorju għandu jgħin biex din ir-riżorsa ma tinħeliex. Louis Galea temm jawgura lit-teams kollha l-aqwa suċċess u qal li hu ċert li l-grupp li jirrappreżenta lil pajjiżna fil-finali Ewropej se jagħmilna kburin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra jisħaq fuq il-vulnerabbiltajiet klimatiċi ta’ Malta u r-rwol tal-parlamenti waqt laqgħa parlamentari tal-IPU marbuta mal-COP31 fit-Turkija

PR261942

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra jisħaq fuq il-vu...

More Press Releases Right arrow