Left arrow Go Back

LOGĦOB TAL-FISEC - SE JIEĦDU SEHEM IL-FUQ MINN 180 ATLETA MALTI

PR1169
Date Icon 14/07/2004

“Il-gvern qed jagħti l-appoġġ tiegħu bl-aktar mod sħiħ biex il-qasam sportiv ikompli jiżviluppa f’industrija ewlenija fil-pajjiż.  Il-faċilitajiet li għanda f’pajjiżna qed jattiraw avvenimenti internazzjonali.  Dan iwassal kemm biex kull darba intejjbu l-ħiliet organizzattivi tagħna, kemm biex nattiraw aktar turiżmu lejn pajjiżna kif ukoll biex aktar atleti Maltin jieħdu esperjenza ta’ attivitajiet sportivi f’dawn il-livelli.”  Dan qalu l-Ministru Louis Galea li hu responsabbli mill-Edukazzjoni u l-Isport.  Louis Galea qal li l-logħob tal-FISEC ilaqqgħu flimkien l-edukazzjoni u l-isport peress li dawn huma logħob organizzati bejn l-iskejjel kattoliċi f’pajjiżi differenti.  Hu qal li l-organizzazzjoni ta’ dawn il-logħob f’pajjiżna ħabat tajjeb fis-Sena Ewropea ta’ l-Edukazzjoni permezz ta’ l-iSport u jkomplu jsaħħu s-sensiela ta’ attivitajiet li seħħew fl-iskejjel tagħna tul is-sena li għaddiet.  Louis Galea qal li l-Gvern qed jappoġġja l-logħob tal-FISEC kemm b’finanzjament sostanzjali kif ukoll permezz ta’ l-użu tal-faċilitajiet sportivi tal-Gvern.

Għas-56 edizzjoni tal-logħob tal-FISEC li se jsiru f’pajjiżna bejn it-18 u l-24 ta’ Lulju li ġej, Malta se tkun rappreżentata mill-akbar kontinġent li qatt ħa sehem s’issa fl-istorja ta’ dan il-logħob.” Dan ħabbru ċ-Chairman tal-Kunsill Malti tal-FISEC Bro. Martin Borg fsc, waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret fil-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq illum wara nofsinhar.  

L-atleti Maltin se jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet differenti fl-atletika, għawm, tennis, tabletennis, basketball ta’ l-irġiel u tan-nisa, football, futsal, handball ta’ l-irġiel u tan-nisa u volleyball ta’ l-irġiel u tan-nisa.  Dawn l-atleti se jkunu wkoll mmexxija minn 22 coach lokali li fl-aħħar xhur ippreparaw bi sħiħ lill-atleti Maltin.  

Waqt il-konferenza ta’ l-aħbarijiet ingħataw ukoll dettalji dwar iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-logħob li se ssir nhar il-Ħadd li ġej fil-għaxija fil-Mellieħa. Iċ-ċerimonja se tibda għal ħabta tat-tmienja meta l-atleti kollha jimxu flimkien u qabel ma jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa jkunu preżenti wkoll għaċ-ċerimonja tat-tlugħ tal-bnadar tal-pajjiżi parteċipanti u tal-bandiera tal-FISEC filwaqt li tinxtegħel ukoll it-torċa tal-logħob.  Barra dan isiru wkoll diskorsi tal-okkazjoni minn naha tas-Sur Francisco Vigara President tal-kumitat internazzjonali u tas-Sur Louis Borg, direttur tal-logħob fi ħdan il-kumitat Malti.  Ma jonqosx ukoll li l-kantanta Maria Mallia tkanta l-kanzunetta uffiċjali tal-logħob “Don’t be afraid” bi kliem ta’ Ray Mahoney u mużika ta’ Dominic Galea u jiġi enfazizzat ukoll il-motto tal-logħob ta’ din is-sena li hu “fair play the winning way”.  

Bro. Martin Borg kkonferma wkoll li anki din is-sena l-logħob se jkollu l-mascot tiegħu li huwa s-simbolu ta’ TINU filwaqt li mhux se jonqos li bhal kif ġara fil-passat matul il-gimgha ta’ logħob jiġi organizzat bażaar fejn l-atleti kollha jagħtu eżempju ta’ solidarjeta’ billi jkunu huma stess li jbiegħu oġġetti differenti.  Il-qliegħ kollu mill-bażaar se jmur b’risq il-ħidma tal-ordni tas-sorijiet ta’ Madre Teresa f’pajjiżna.  

Fid-diskors tiegħu, is-Sur Louis Borg ikkonferma li b’kollox fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-logħob se jieħdu sehem aktar minn elf persuna bejn atleti u uffiċjali u dan kien jitlob ukoll il-kontribut ta’ numru ta’ voluntieri. “Dan il-fatt jikkonferma kemm il-kumitat Malti tal-FISEC qiegħed jagħti kontribut dirett u qawwi fil-qasam tat-turiżmu sportiv,” ikkummenta s-Sur Borg.  

Il-kontinġenti barranin se jkunu kollha alloġġjati f’Buġibba u l-Qawra fil-lukandi New Dolmen, Mercure Coralia San Antonio, Santana, Sunflower, Qawra Palace Hotel u Bugibba Holiday Complex.  Il-logħob jibda mit-Tnejn fil-għodu u b’kollox se jintużaw disa’ faċilitajiet sportivi li huma – il-Pixxina Nazzjonali f’tal-Qroqq, is-sala Multipurpose f’Tal-Qroqq, il-kumpless sportiv tal-Marsa, il-padiljun ta’ Kordin, il-padiljun tal-kulleġġ Savio f’Ħad-Dingli, il-kumpless sportiv tal-Kottonera, il-Matthew Micallef St. John Athletic Stadium tal-Marsa, il-kulleġġ San Alwigi u l-gym tal-kulleġġ De La Salle.  

Il-logħob jiġi fi tmiemu biċ-cerimonja ta’ l-għeluq li ssir fit-23 ta’ Lulju tard filgħaxija f’lukanda ewlenija f’Buġibba.  Id-dħul għal-logħob se jkun b’xejn.  Il-kumitat Malti tal-FISEC appella lill-pubbliku sportiv Malti biex jattendi għal dan il-logħob u jagħti l-appoġġ tiegħu lill-atleti Maltin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra jisħaq fuq il-vulnerabbiltajiet klimatiċi ta’ Malta u r-rwol tal-parlamenti waqt laqgħa parlamentari tal-IPU marbuta mal-COP31 fit-Turkija

PR261942

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra jisħaq fuq il-vu...

More Press Releases Right arrow