DISKORS MILL-MINISTRU ĠĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ U KULTURA, L-ONOR. JESMOND MUGLIETT WAQT IL-FTUĦ TAT-TMINTAX-IL EDIZZJONI TAL-MARATONA TAL-VOLLEYBALL ORGANIZZATA MILL-MOVIMENT KERYGMA – NAXXAR – 11.08.2003
Il-fatt li qiegħdin hawn - li żammejna dan l-appuntament għal sena oħra - huwa messaġġ b'saħħtu minnu nnifsu.
Ta' spiss nisimgħu li ż-żgħażagħ m'humhiex lesti jidħlu għal impenn fit-tul; nisimgħu li jinteressawhom biss l-impenji każwali.
Iżda l-fatt li din l-attivita' baqgħet iżżomm l-istess interess, l-istess profil - anzi tikber minn sena għal sena - jixhed li fejn hemm l-organizzazzjoni, fejn hemm it-tibdil kontinwu u l-innovazzjoni, fejn hemm sfida ta' vera... liż-żgħażagħ issibhom.
Din il-maratona fiha bosta elementi li jagħmluha unika:
- Hija maratona nazzjonali - li tiġbed lejha nies minn kull settur
- Hija maratona mżewqa - fejn issib minn ikel sa varjeta` u diskussjonijiet
- Hija maratona ta' sport b'impenn soċjali
- Filwaqt li għall-ewwel darba, din is-sena għandna element ġdid - dak ta` l-impenn għall-paċi
Huwa għalhekk bix-xieraq li nirreferi għal din il-maratona bħala skola ta' volontarjat u skola ta' sport.
Skola ta' volontarjat għax matul iż-żmien li ilha tiġi organizzata, għaddew minnha ġenerazzjonijiet sħaħ ta' żgħażagħ.
Hija ukoll skola ta' sport mhux tant għax tgħallem it-teknika - għalkemm tgħin xi ftit f'dan ukoll - iżda għax titrażmetti l-valur vera ta` l-isport:- l-aspett soċjali tiegħu, il-preparazzjoni kif ukoll l-impenn meħtieġ.
F'dinja fejn nitkellmu ħafna fuq il-valuri li qed jintilfu; fejn donnu ma nafux kif niġġieldu dan it-telf, din il-maratona turina kif nistgħu ngħinu lis-soċjeta' tagħna żżomm sħiħ dak li jagħżilha minn soċjetajiet oħra.
Nawgura lil atleti u l-voluntiera kollha s-saħħa sabiex permezz ta' din l-attivita`, għal darb'oħra juru lid-dinja kollha x'qalb kbira għandhom iż-żgħażagħ Maltin.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en