Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU TAT-TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI

pr834
Date Icon 08/07/2003

B’riferenza għall-konferenza stampa li ngħatat il-bieraħ, 7 ta’Lulju, 2003, mill-Assoċjazzjoni Trasport Pubbliku (l-ATP) dwar ir-raġunijiet li wasslu lill-imsemmija Assoċjazzjoni biex tieħu azzjonijiet industrijali, l-Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni jixtieq jagħmel dawn l-osservazzjonijiet -

(a) Fit-2 ta’ Lulju, 2003, l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku (l-ADT) kitbet lill-ATP bħala reazzjoni għad-diversi lmenti li l-Assoċjazzjoni kienet qed tqajjem pubblikament, u oħrajn li ma ħarġitx fil-pubbliku, li dwarhom kienet qed thedded azzjonijiet industrijali. L-ADT qalet li kien wasal iż-żmien li l-poplu Malti jiġi moqdi b’servizz ta’ trasport pubbliku li kien jixraqlu u li għaldaqstant għandu jiġi finalizzat eżerċizzju li minnu joħroġ x’hemm verament bżonn biex dan is-servizz jitjieb sew fil-mod kif kien qed jingħata. Hemm bżonn ukoll ta’ kontroll aktar effettiv fuq dak kollu li għandu x’jaqsam mas-sussidju li jingħata lill-Assoċjazzjoni u li għalih qed iħallas il-poplu Malti.

L-Awtorita' qalet ukoll li dan l-eżercizzju għandu jibda minnufih u stiednet lill-Assoċjazzjoni biex tieħu parti attiva fl-interess tagħha u aktar tal-poplu li juża dan is-servizz.

    1. Fil-Konferenza Stampa d-diriġenti tal-Assoċjazzjoni qalu li mhux minnu li l-Assoċjazzjoni qed titlob Lm2.5 miljuni f'sussidju għas-sena 2003.

Dwar dan, il-pubbliku għandu jkun jaf li f’żewg okkażjonijiet separati l-President ta’ l-Assocjazzjoni għamel formalment u bil-miktub talba lill-Ministeru biex is-sussidju jiżdied għal Lm2.5 miljuni fis-sena. L-ewwel talba saret permezz ta’ ittra lill-Ministru bid-data tas- 6 ta’ Frar, 2003. Kopja ta’ din l-ittra hija mehmuża ma’ din il-Press Release bħala Anness "A".

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru rrisponda għal din l-ittra fit- 18 ta’ Frar, 2003. L-ittra tispjega li kwalunkwe talba f’dan is-sens trid tiġi ivverifikata bir-reqqa min-naħa tal-awtoritajiet, speċjalment meta it-talba kienet tidher tant kbira meta mqabbla mas-sussidju li ngħata fis-snin ta' qabel. Il-President tal-Assoċjazzjoni rrisponda fil-21 ta’ Frar, 2003, fejn għal darb oħra reġa’ tenna t-talba oriġinali ta’ “żewġ miljuni u nofs”. Kopja ta’ din l-ittra hija mehmuża f’ anness “B” ma’ din il-Press Release.

Minn dan kollu jidher bl-iktar mod ċar li t-talba tal-Assoċjazzjoni minn Frar ta’ din is-sena ‘l hawn kienet dejjem ta’ Lm2.5 miljuni. Għalhekk wieħed ma jistax jifhem kif f’daqqa waħda l-Assoċjazzjoni qed tgħid mod ieħor.

Mill-ittra annessa “A” wieħed jista’ jara wkoll li t-talba tal-Assoċjazzjoni ta’ Lm2.5 miljun kienet għal perjodu ta’ sena. Infatti it-tabella tal-ispejjeż li hemm annessa ma’ din l-ittra turi bl-iktar mod ċar li din l-istima saret fuq perjodu ta’ sena kalendarja. Ta’ min ifakkar li fis-sena 2001 kienu tħallsu total ta’ Lm513,580 filwaqt li fl-2002 kienu tħallsu total ta’ Lm779,136 bħala sussidju mill-Gvern lill-Assoċjazzjoni. Għalhekk wieħed jista’ jinduna kemm kienet esaġerata it-talba tal-Assoċjazzjoni.

(c) Fil-Konferenza Stampa tal-bieraħ intqal ukoll li bħala parti mill-azzjonijiet industrijali tagħha l-Assoċjazzjoni ser tissospendi mis-servizz l-użu tal-karta anzjan u li l-pubbliku kollu, inklużi l-anzjani, ser ikollhom iħallsu n-noll skond id-destinazzjoni mingħajr ebda roħs. Din l-azzjoni hija kompletament illegali u l-Assoċjazzjoni kienet diġa infurmata b’dan mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru f’ittra li hu bagħat lill-Assoċjazzjoni fil-25 ta’ Frar, 2003, meta qal "li dan il-pass jekk isir ikun wieħed illegali billi l-Gvern biss għandu awtorita li jżid it-tariffi tan-nollijiet tal-karozzi tal-linja” u dan permezz ta’ Avviż Legali fil-Gazzetta tal-Gvern skond kif jipprovdi l-Att dwar l-Awtorita' dwar it-Trasport ta’ Malta (Kap.332). Din ir-risposta ingħatat lill-President ta’ l-Assocjazzjoni mis-Segretarju Permanenti wara li f’ittra li hu kien bagħatlu bid-data ta' 21 ta’ Frar, 2003, kienet saret l-ewwel theddida min-naħa tal-ATP tas-sospensjoni tas-servizz tal-karta anzjan u żieda fin-nollijiet.

Hu għalhekk naturali li min jikser il-liġi dwar in-nollijiet ser jittieħdu passi legali kontra tiegħu.

Għalhekk il-pubbliku huwa mitlub li fil-każ li jkun hemm xi każijiet fejn anzjani jiġu mitluba li jħallsu nollijiet mhux skond il-liġi, dawn għandhom mill-aktar fis jirrapurtaw il-każ lill-Pulizija jew lil xi uffiċjal ta’ l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku biex jittieħdu il-passi neċessarji skond il-liġi kontra dawk ix-xufiera li jiksru l-liġi. Fl-istess ħin l-Awtorita' permezz ta’ l-uffiċjali tagħha ser tagħmel spot checks fuq il-karozzi tal-linja biex tassigura li l-liġi f’dan ir-rigward ma tkunx qed tinkiser.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow