Left arrow Go Back

INTERVENT MILL-ONOR. JOE BORG, MINISTRU TA’ L-AFFARIJIET BARRANIN, FIL-KONFERENZA DWAR IL-KOSTITUZZJONI TA' L-UNJONI EWROPEA “IT-TRIQ ’IL-QUDDIEM” - ĊENTRU NAZZJONALI LABURISTA, ĦAMRUN - 28 TA’ ĠUNJU 2003

PR795
Date Icon 30/06/2003

Huwa pjaċir tiegħi li nindirizza din il-konferenza fuq suġġett li fix-xhur li ġejjin żgur sejjer ikun priorita’ fuq l-aġenda politika tal-Unjoni Ewropea. Huwa ta’ pjaċir fuq kollox għax nemmen bis-sħiħ li diskussjoni ta’ dan it-tip m’ghandhiex taqa’ fid-dominju esklussiv tal-Gvern tal-ġurnata, iżda għandha tinfetaħ għall-partijiet kollha li jiffurmaw s-soċjeta’ ċivili f’pajjiżna, bil-partiti politiċi fuq quddiem nett.  

Huwa b’dan il-mod li jistgħu u għandhom isiru kontribuzzjonijiet siewja li jgħinu fit-tfassil tal-pożizzjoni Maltija lil hinn mill-interessi settorjali ta’ kull partit. 

Kien sewwa sew dan l-ispirtu li nebbaħ lill-kapijiet ta’ l-istati u tal-gvernijiet tal-Unjoni f’Laeken. Konvinti li l-futur tal-Unjoni Ewropea ma jinteressax biss lill-politiċi, lid-diplomatiċi u lill-burokrati, dawn l-istess kapijiet ħassew il-ħtieġa li jafdaw ix-xogħol preliminarju tal-proċess tar-riforma tal-qafas istituzzjonali u legali ta’ l-Unjoni lill-Konvenzjoni li, apparti rappreżentanti tal-gvernijiet tal-pajjizi membri u kandidati, tkun tiġbor fi ħdanha wkoll ir-rappreżentanti taċ-ċittadini kemm fuq livell ta’ Parlament Ewropew kif ukoll fuq dak nazzjonali. Ma’ dan kien hemm ukoll l-involviment tal-ECOSOC u l-Kumitat tar-Reġjuni, flimkien ma’ djalogu kontinwu mas-soċjeta’ ċivili u r-rappreżentanti taż-żgħażagħ.  

Il-proġett Ewropew jesisti biex ikun ta’ fejda għaċ-ċittadini kollha Ewropej. Kien għaldaqstant importanti li l-partijiet kollha milquta jkollhom l-opportunita’ li b’xi mod jittrasmettu l-ideat u l-fehmiet tagħhom lill-Konvenzjoni. 

Issa li x-xogħol tal-Konvenzjoni tista’ tgħid li ntemm, huwa ċar li l-esperjenza ta’ dawn is-sittax il-xahar kienet waħda pożittiva. Dan mhux l-aktar għaliex l-abbozz aħħari tal-Konstituzzjoni sab kunsens wiesgħa, forsi aktar milli kien mistenni, iżda fuq kollox għaliex tnisġet metodoloġija aġġornata ta’ kif l-Unjoni għandha tippjana l-futur tagħha.

Naħseb li dan il-mod ta’ kif isiru l-affarijiet għandu jġegħlna nirriflettu aktar fuq kif noperaw bejnietna fuq il-livell lokali. 

Kollox ma’ kollox, il-Gvern Malti jqis il-Konvenzjoni Ewropea bħala esperjenża li raddet il-frott mixtieq. Ir-riżultat aħħari huwa, f’misura wiesgħa, pożittiv u innovattiv - pożittiv għax il-proposti ewlenin taw każ bosta mill-punti ta’ natura sensitiva għall-ħafna pajjiżi; innovattiv għax tpoġġew fuq il-mejda diversi idejat maħsuba sabiex jagħtu spinta ġdida lix-xogħol ta’ l-Unjoni f’kuntest ta’ proċess ta’ tkabbir uniku fl-istorja ta’ l-Ewropa li sejjer iġib mieghu fehmiet u użanzi ġodda. 

Kien għalhekk inevitabbli li s-sistema tat-teħid tad-deċiżjonijiet b’mod maġġoritarju jiġi estiż għal dawk l-oqsma fejn ma’ jinħolqux problemi għall-pajjiżi individwali. Mill-banda l-oħra, huwa tajjeb li fejn jidħlu aspetti ta’ importanza nazzjonali, id-dritt ta’ kull pajjiż sovran jibqa’ bla mittiefes. Kienet deċiżjoni għaqlija li oqsma bħall-politika barranija, id-difiża u t-tassazzjoni baqgħu suġġetti għall-approvazzjoni unanima ta’ kull pajjiż membru.  

Kien ukoll ta’ soddisfazzjon kbir li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ġiet integrata fil-Kostituzzjoni bħala xhieda tal-fatt li l-Unjoni hija ispirata minn valuri u prinċipji li jpoġġu liċ-ċittadin Ewropew fuq quddiem nett.  

Fatturi importanti oħra kienu mingħajr dubju l-għarfien tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali fil-ħarsien tal-prinċipju tas-sussidjarjeta’, kif ukoll definizzjoni aktar preċiża tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni. Forsi wieħed jista’ jgħid li r-rwol tal-parlamenti nazzjonali seta’ ġie estiż ukoll għall-ħidma aktar fil-qrib mal-istrutturi tal-Parlament Ewropew. 

F’dak li għandu x’jaqsam mal-istituzzjonijiet ukoll sar kompromess li għalkemm ħadd ma jippretendi li huwa perfett, żgur iservi ta’ kontribut siewi ħafna għax-xogħol tal-Konferenza Intergovernattiva. Il-proposti jinkludu l-idea:

§    ta’ Presidenza (jew aħjar Chairman) tal-Kunsill Ewropew elett għall-massimu ta’ ħames snin;

§    Kummissjoni Ewropea b’numru mnaqqas ta’ membri bi dritt tal-vot, u membri oħra bla vot, skond sistema msejsa fuq l-ugwaljanza bejn l-istati membri;  

§    Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin maħsub biex jagħti aktar konsistenza lill-Unjoni fil-qasam internazzjonali;

§    u rotazzjoni ugwali bejn il-pajjiżi membri fir-rigward tal-Presidenza tal-Kunsilli settorjali. 

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern sejjer jiffoka b’aktar reqqa’ fuq dawn il-provvedimenti sabiex l-ewwelnett jiżgura ruħu li t-tħaddim tal-mekkaniżmi l-ġodda ikun aċċettabbli għall-pajjiżna fir-rigward tal-parteċipazzjoni istituzzjonali bħala membru. Tajjeb wieħed jgħid, li mill-ewwel analiżi, ma jidhirx għaliex dan ma għandux ikun il-kaz. It-tieni, il-Gvern sejjer ifassal il-pożizzjoni tiegħu għall-Konferenza Intergovernattiva u sejjer ifittex dawk l-irtokki li jwasslu għal titjib tal-pakkett finali. 

F’dan is-sens, nista’ nsemmi per eżempju li l-Gvern sejjer ifittex li n-numru minimu ta’ deputati li jista’ jkollu pajjiż membru fl-Unjoni, zgħir kemm hu żgħir, ikun ħamsa u mhux erbgħa kif propost mill-Presidju tal-Konvenzjoni. Dan minkejja l-fatt li l-allokazzjoni ta’ ħames siġġijiet lil Malta kif stabbilit fit-Trattat ta’ Nizza tista’ tinbidel biss b’unanimita’, jiġifieri bil-kunsens ta’ Malta. Il-Gvern Malti jsostni, u ninsab ċert li l-Oppożizzjoni ukoll taqbel ma’ dan, li parteċipazzjoni adegwata fl-istrutturi tal-Parlament Ewropew ma’ tistax tiġi żgurata jekk pajjiż, ikun liema jkun, ikollu rappreżentanza ta’ anqas minn ħames deputati.  

Anke fil-kaz tal-President elett tal-Kunsill Ewropew, Malta ser tkun qiegħda tfittex li r-rwol tiegħu jkun definit b’mod preciż u li ma taghti l-ebda lok għal xi konflitt mar-rwol tal-President tal-Kummissjoni. F’dak li jirrigwarda l-Kummissjoni, jidher li numru ta’ gvernijiet huma tal-fehma li dawk il-membri li ma jivvutawx ukoll għandhom jiffurmaw parti mill-kulleġġ tal-Kummissarji. Il-Gvern Malti jsib ħafna mertu f’dan l-argument. 

Ta’ min wieħed jgħid ukoll li fl-iżvolġiment tax-xogħol tal-Konvenzjoni, ir-rappreżentanti tal-Gvern kienu involuti b’mod dirett f’konsultazzjonijiet fi ħdan grupp ta’ sittax il-pajjiz, kultant aktar, li fittxew li kemm jista’ jkun jikkordinaw il-pożizzjoni tagħhom f’oqsma fejn ħassew li jħaddnu l-istess prinċipji u interessi. Dan sabiex iressqu l-proposti tagħhom b’vuċi waħda, qawwija u konsistenti. Huwa maħsub li din il-kollaborazzjoni tissokta fix-xhur li ġejjin sabiex l-ideat li ġew abbozzati mill-grupp jiġu riflessi fil-pożizzjonijiet tal-gvernijiet rispettivi għall-Konferenza Intergovernattiva. 

Huwa forsi f'waqtu li nibdew nahsbu ghall-futur u kif il-partijiet koncernati, mhux l-anqas il-partiti politici, jistghu jigu konsultati waqt il-process li ser isehh fi hdan il-Konferenza Intergovernattiva.  Jiena nahseb li jkun ghaqli li wiehed juza strutturi digà ezistenti, bhalma huma il-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC) u l-Kumitat Parlamentari ghall-Affarijiet Barranin.  

Bl-uzu ta’ dawn l-istrutturi inkomplu nsahhu l-livell ta' konsultazzjoni.  Huma, flimkien anke ma inkontri diretti ma’ l-Oppozizzjoni, ghandhom jservu sabiex jissawwru ahjar il-pożizzjonijiet li Malta tiehu fi hdan il-Konferenza Intergovernattiva. 

Fl-aħħarnett, irrid ngħid li l-Konvenzjoni poġġiet sisien sodi għax-xogħol tal-Konferenza Intergovernattiva u għalhekk ix-xogħol tagħha għandu jitqies bħala bażi soda biżżejjed biex wieħed jibni fuqha. Sintendi, dan ma jfissirx li l-proposti tal-Konvenzjoni ma jistgħux jiġu emendati fid-dawl ta’ taħditiet u trattativi bejn il-gvernijiet.  

Iżda, fil-fehma tiegħi, ikun daqs tant ieħor żbaljat li wieħed iwarrab din il-biċċa xogħol li tfasslet b’tant reqqa’ matul sittax il-xahar ta’ ħidma fejjieda. Bħalma sar fil-Konvenzjoni, il-gvernijiet iridu jsibu kompromess fuq kwistonijiet diffiċli fi spirtu ta’ rispett lejn il-pożizzjonijiet reċiproċi. Dan huwa l-mod kif dejjem imxiet l-Unjoni Ewropea matul is-snin. 

Malta hija determinata li filwaqt li tieħu ħsieb sabiex tissalvagwardja t-twemmin tagħha, tagħti s-sehem tagħha fl-isforz kollettiv sabiex fl-aħħar mill-aħħar, il-Konferenza Intergovernattiva toħroġ bis-soluzzjonijiet idoneji f’dan il-mument hekk storiku fil-mixja lejn integrazzjoni Ewropea li kull ma tmur qiegħda tiġbor fi ħdanha firxa dejjem aktar wiesgħa ta’ pajjiżi membri. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow