IT-TURIŻMU MIR-RENJU UNIT JIŻDIED B’9 FIL-MIJA
Meta zar il-lukanda Golden Tulip Vivaldi, f’San Giljan, il-Ministru għat-Turiżmu, l-Onor. Francis Zammit Dimech qal li wara d-daqqiet li qala’ fl-aħħar sentejn u fil-bidu ta’ din is-sena, is-settur turistiku jidher li qed jirpilja.
B’riżultat tal-grajjiet tal-11 ta’ Settembru 2001 is-settur turistiku f’pajjiżna wkoll bata. Fl-aħħar tliet xhur tal-2001 naqas in-numru ta’ viżitaturi li jiġu pajjiżna u b’konsegwenza kien hemm tnaqqis fl-2001 kollha. L-istess reġa’ ġara fl-2002 għalkemm bdejna nirpiljaw fl-aħħar tliet xhur tas-sena.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li din is-sena bdiet fuq nota posittiva. Kien hemm żieda fin-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna f’Jannar u Frar u nuqqas f’Marzu. Hu qal li r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ turisti f’Marzu, li niżlu bi 11,616 fuq l-istess xahar is-sena l-oħra, kienu diversi u żgur kienu jinkludu
· Li l-Għid din is-sena kien ċelebrat f’April u għalhekk it-turisti li soltu jiġu f’din il-festa ma ġewx f’Marzu, u
· Li kien hawn il-gwerra ta’ l-Iraq.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan wassal biex fl-ewwel tliet xhur tas-sena n-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna kien aktar minn 5,000 inqas minn dak ta’ l-ewwel tliet xhur tas-sena l-oħra. Fl-istess waqt id-dħul mit-turiżmu fl-istess perijodu kien akbar. Dan jirriżulta minn statistika uffiċjali maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika li turi li bejn Jannar u Marzu d-dħul mit-turiżmu kien ta’ Lm43.3 miljun, żieda ta’ Lm1.8miljun jew 4.4 fil-mija aktar.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li f’April in-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna żdied bi 11,600, jew 12.7 fil-mija aktar mill-istess xahar is-sena l-oħra. Dan wassal biex fl-ewwel erba’ xhur tas-sena kien hemm żieda ta’ 5,911-il turist li żaru pajjiżna, jew ta’ 2.2 fil-mija.
Dr. Zammit Dimech qal li cifri proviżorji għal Mejju juru li n-numru ta’ turisti li żaru pajjiżna kiber b’aktar minn 5,000. Ċifri li jekk jiġu konfermati jagħtu żieda ta’ qrib it-tliet fil-mija għall-ewwel ħames xhur tas-sena.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li ż-żieda fin-numru ta’ turisti li jżuruna mir-Renju Unit kien wieħed inkoraġġanti. Hu fakkar li dan kien l-akbar suq għal pajjiżna. Francis Zammit Dimech qal li fl-ewwel erba’ xhur tas-sena in-numru ta’ turisti minn dan il-pajjiż żdiedu b’9,496, jew b’9.1 fil-mija u issa qegħdin lura għal-livell li kellna fl-1999. Hu qal li ċifri proviżorji għal Mejju ukoll juri żieda minn din id-destinazzjoni ta’ aktar minn 9 fil-mija.
Bħalissa hemm ċertu ottimiżmu, anke jekk kawt, fil-qasam turistiku internazzjonali wara l-qtugħ il-qalb ta’ l-ewwel xhur tas-sena. Hu qal li kien qed jispera li pajjiżna wkoll jipparteċipa minn dawn il-opportunitajiet ġodda biex is-sena li qegħdin fiha ma tkunx agħar mis-sena li għaddiet u biex hekk is-settur turistiku ikompli jikber.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li kien ta’ pjaċir għalih li qed iżur il-Golden Tulip Vivaldi li kienet tagħmel parti minn waħda mill-akbar ktajjen ta’ lukandi fid-dinja u li kella reputazzjoni ta’ kwalita’ u servizz personali.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en