IL-BIZZILLA U L-FILUGRANU LI JINĦADMU F’MALTA U GĦAWDEX SER IKOLLHOM L-ISTANDARDS TAGĦHOM
“Maż-żmien kien hemm liġi li kienet iżżomm l-importazzjoni tal-filugranu u l-bizzilla li jinħadmu bl-idejn. Illum din ir-restrizzjoni m’għadiex tagħmel sens. Il-liberalizzazzjoni fil-kummerċ wasslet biex maż-żmien titneħħa din ir-restrizzjoni li kienet isservi ta’ protezzjoni għal dawn iż-żewġ setturi. Illum iżda għandna protezzjoni ġdida għal dawn iż-żewġ setturi. Mhux iżjed liġi ta’ restrizzjoni fuq l-importazzjoni, iżda standards li jirregolaw x’jagħmel il-filugranu u l-bizzilla Maltija differenti minn filugranu u bizzilla maħduma f’pajjiżi oħra. Illum qed nitkellmu fuq standards li jridu jiddefendu u jipprotegu l-artiġjani li jaħdmu l-filugranu u l-bizzilla maħduma f’Malta u Għawdex minn bizzilla u filugranu li jista’ jiġi mportat”.
Dan intqal mill-Onor. Edwin Vassallo, Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomici, waqt Konferenza Stampa li fiha tkellem dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika li għaddej bhalissa, fejn il-Malta Standards Authority qed tniedi pubblikament id-draft ta’ standards tal-filugranu u bizzilla li jinħadmu f’Malta u Għawdex, biex kemm-il darba jkun hemm xi ħadd li jew ma jaqbilx jew jaf xort’oħra dwar il-proċeduri wżati fil-manifattura tal-filugranu u bizzilla, issa huwa l-waqt li jitkellem; u hekk - qabel ma’ standards ikunu ppubblikati formalment - kull suġġeriment ikun jista’ jiġi diskuss.
L-Onor. Vassallo kompla jghid dwar kif permezz ta’ dawn l-istandards issa nafu eżatt x’inhuma l-proċeduri kollha li jridu jintużaw waqt il-manifattura kemm tal-filugranu kif ukoll tal-bizzilla, u dawn l-istandards ser ikunu qed jagħtu valur miżjud (value added) lill-prodott ta’ l-artiġjan Malti. Dawn l-istandards ser jagħmlu l-filugranu u l-bizzilla Maltija uniċi f’suq dinji.
Dan il-valur mogħti lill-filugranu u l-bizilla Maltija huma l-mod ġdid ta’ kif il-prodott ta’ l-artiġjan Malti jkun protett fiż-żmien ta’ llum. Meta qegħdin nipproteġu dan l-artiġjanat, qegħdin ukoll nipproteġu lill-artiġjani Maltin u ngħinuhom isibu suq aktar speċjalizzat għall-prodott tagħhom”.
Dwar il-ħtieġa ta’ din il-ħidma, xi tfisser, u min ħadem għaliha, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “Kull prodott ta’ artiġjanat li jkun iċċertifikat li huwa maħdum lokalment skond dawn l-istandards, ser ikun prodott ta’ artiġjanat li ser jiċċertifika li huwa sar skond dawn il-proċeduri kif indikati f’dawn l-istandards kif inhuma ppublikati. Illum dan kollu li qed nitkellmu dwaru sar possibbli għaliex ħadmu sewwa diversi organizzazzjonijiet, fosthom il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat u l-Awtorita’ Maltija għall-Istandards. Ħadmu tajjeb ukoll l-għaqdiet ta’ l-artiġjani li fihom jaħdmu diversi artiġjani.”
Dan li qed nassistu għalih illum huwa riżultat ta’ ħidma kollettiva bejn il-partijiet kollha koncernati. “Kollha taw sehemhom biex illum l-artiġjan li jagħmel il-filugranu u dak li jagħmel il-bizzilla jaraw li għall-ewwel darba l-prodott tagħhom qed ikun protett minn kull min jipprova jgħid li qed jagħmel prodott ta’ filugranu jew bizzilla li hija bl-idejn, meta dan ma jkunx il-verita’. Dan huwa l-mod ta’ kif ser inkomplu nipprotegu l-artiġjanat Malti. Hekk irridu nkomplu naħdmu biex nipproteġu l-għasel Malti u artiġjanat ieħor li jista’ jinħariġlu standards li jiddiskrivu l-proċess tal-manifattura.”
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en