141 ĦADDIEM F’ESPERJENZA TA’ XOGHOL FL-UNJONI EWROPEA
Għat-tielet sena konsekuttiva, numru ta’ ħaddiema Maltin matul is-sena d-dieħla ser jieħdu esperjenza ta’ xogħol f’xi pajjiż Ewropew. Din l-esperjenza tvarja minn ġimgħa għal 52 ġimgħa. Matul din l-esperjenza barra minn Malta dawn il-ħaddiema (li jinkludu apprendisti, ħaddiema, għalliema jew instructors) ikunu mgħejjuna finanzjarjament mill-Unjoni Ewropea permezz tal-programm Leonardo da Vinci.
L-UE qed tikkontribwixxi 190,837 Euros jew kważi Lm80,000 għal dawn il-proġetti.
Matul dawn it-tliet snin li Malta ilha tieħu sehem f’dan il-programm tal-UE kien hemm 449 ħaddiem Malti li ħadu sehem fih.
Dalgħodu fil-Kavallier ta’ San Gakbu ġew iffirmati l-kuntratti tal-proġetti tal-mobilita’ taħt il-programm Leonardo da Vinci. Il-proġetti ġew evalwati u magħżula mill-kumitat koordinattiv wara sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet. Il-biċċa l-kbira tal-proposti imressqa gew approvati.
Il-laqgħa giet indirizzata mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea u uffiċjali tat-Taqsima tal-Programmi ta’ l-Unjoni Ewropea (E.U.P.U.) fi ħdan id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni.
Fid-diskors tieghu l-Ministru Louis Galea tkellem dwar l-iżviluppi li qed iseħħu fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u t-taħrig vokazzjonali. Huwa fisser li l-Gvern qed jinvesti b’mod sostanzjali fil-kulleġġ vokazzjonali MCAST biex joħloq aktar opportunitajiet ta’ kwalifiċi rikonoxxuti f’livelli differenti u fl-oqsma li għalihom l-ekonomija Maltija qed ikollha domanda. Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni qal li jeħtieg isru aktar sforzi biex l-industrija u l-edukazzjoni jaħdmu aktar mill-qrib biex jiġi assigurat li l-pajjiż ikollu l-ħaddiema li teħtieg l-ekonomija li qed tiffaċċja sfida kbira ta’ kompetittivita’.
Il-141 ħaddiem li ser jibbenifikaw mill-programm Leonardo da Vinci ġejjin minn kważi l-oqsma kollha tal-ħajja tax-xogħol. Dawn il-ħaddiema ġejjin minn :
- Maltapost
- Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’ Diżabilità
- Il-Korporazzjoni Xogħol u Taħriġ
- Sedqa
- Diversi Istituti ta’ l-MCAST (Elettronika, Bini, ICT, Arti u Disinn)
- Università ta’ Malta
- Awtorita’ tat-Trasport
- Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ
- FITA - Fondazzjoni għall-Aċċessibilità ta’ l-IT
- Dipartiment tat-Turiżmu
- Sptar San Luqa Dipartiment tal-Patoloġija
- L-Awtorità ta’ l-Ippjanar u l-Ambjent
- Sapport
- Università - Istitut Kura tas-Saħħa
- Università - Ċentru Malti tar-Restawr
- General Accessories Ltd.
- Agius Stone Works
- Concordia
Din il-lista tixhed il-firxa wiesa’ ta’ benefiċjarji mill-qasam soċjali, turistiku, manifattura, saħħa, komunikazzjoni sar-restawr. Dawn il-benefiċjarji jinkludu social workers, studenti infermiera, occupational therapists, xufiera tal-karozzi tal-linja, tekniċi elettroniċi u mekkaniċi, disinjaturi u ħaddiema professjonali fil-qasam ta’ l-ambjent. L-esperjenza li jakkwistaw dawn il-haddiema tiswa kemm lill-individwi kif ukoll lill-pajjiz għax jekk dawn itejbu l-kwalità tax-xogħol tagħhom, allura l-pajjiz ukoll jibbenefika.
Dawn il-haddiema Maltin se jmorru jieħdu din l-esperjenza ta’ xogħol f’diversi pajjiżi Ewropej, fosthom - l-Ingilterra, id-Danimarka, Spanja, l-Irlanda, L-Olanda, l-Awstrija, il-Belġju, Franza u l-Italja.
Ta’ min jgħid li dawn il-141 ħaddiem mhumiex l-uniċi benefiċjarji mill-programm Leonardo da Vinci tal-UE. Matul din is-sena, 4 min-nies oħra ser jieħdu sehem fi study visits f’xi pajjiż Ewropew organizzat miċ-CEDEFOP (European Centre for the Development of Vocational Training). F’dawn iż-żjarat ta’ studju, l-Maltin jiltaqgħu ma’ nies oħra mdaħħla fl-istess xogħol tagħhom u barra li jaraw x’inhu jsir barra minn Malta, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.
Servizz ieħor tal-programm Leonardo da Vinci li minnu qed jibbenefikaw il-Maltin hu s-servizz tal-Euroguidance. Permezz tal-Euroguidance ħaddiema u studenti Maltin li jixtiequ tagħrif dwar opportunitajiet ta’ studju u xogħol fil-pajjizi Ewropej ikunu jistgħu jiksbu dan it-tagħrif mill-Euroguidance. Dan is-servizz ilu jopera sa mill-bidu ta’ Marzu 2003 u, s’issa, kien hemm 81 talba minn Maltin għal dan is-servizz.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en