Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOREVOLI ANTON TABONE, SPEAKER TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI FL-OKKAŻJONI TAS-SETTE GIUGNO 2003

PR690
Date Icon 07/06/2003

Kull sena niltaqgħu hawn biex aħna l-Parlamentari f’isem il-poplu li tana l-mandat, nagħtu ġieh billi nfakkru l-avvenimenti storiċi u drammatiċi tas-Sette Giugno. 

Għalina din m’għandhiex tkun ċerimonja simbolika biss li tidħol awtomatikament fil-kalendarju tal-ħidma parlamentari tagħna, iżda għandha tkun okkażjoni li ġġegħelna neúaminaw il-passat biex infasslu futur aħjar, għaliex l-istorja hija l-għalliema tal-ħajja.  Tabilħaqq għalina li xogħolna hu li nfasslu l-liġijiet tal-pajjiż, il-ġrajjiet ta’ l-imgħoddi għandhom tagħlima kbira li jeħtieġ inżommu f’moħħna. 

L-istorja politika/kostituzzjonali tagħna hija waħda movimentata ħafna.  Is-Sette Giugno kif dejjem għidna għandu post mill-iktar rilevanti.  Għalhekk ta’ kull sena nfakkruh, nagħtu qima lill-protagonisti, u niġbdu t-tagħlima mit-tifsira tiegħu. 

Għadna kif inawgurajna l-Għaxar Parlament mill-Indipendenza.  Huwa l-ewwel Parlament miftuħ wara l-firma tal-Kap tal-Gvern f’Ateni tat-Trattat ta’ Adeżjoni fl-Unjoni Ewropea.  Dan għandu sinifikat kbir għaliex ir-realtajiet ġodda li se jiffaċċja pajjiżna joffru sfidi u opportunitajiet għall-ġejjieni.   

Infatti l-Parlament tagġna kompla żied fid-dimensjoni Ewropea tiegġu meta Parlamentari Maltin jinsabu jipparteċipaw b’mod attiv fil-Konvenzjoni fuq il-Futur ta’ l-Ewropa wara li mozzjoni ppreżentata fil-Parlament fit-28 ta’ Jannar tas-sena l-oħra ġiet approvata unanimament.  Daqs xahar ilu ġew nominati ħames Membri oħra mill-Parlament Malti bħala Osservaturi fil-Parlament Ewropew fejn jinsabu jattendu laqgħat ta’ l-istess Parlament.  Kemm fil-Konvenzjoni kif ukoll bħala Osservaturi, il-Membri ġejjin miż-żewġ naħat tal-Kamra.  Ta’ min jgħid li tema rikorrenti f’dawk il-fora hi r-rwol li għandhom ikollhom il-Parlamenti nazzjonali  fl-Unjoni Ewropea.   

Matul dawn l-aħħar snin f’okkażjonijiet diversi stajt nara b’għajnejja kif il-pajjiżi li se jidħlu fl-Unjoni Ewropea qed jippreparaw ruħhom biex il-Parlamenti tagħhom jilqgħu għal dawn l-isfidi.  L-istorja parlamentari tagħna hija rikka u twila.  Il-Parlament tagħna għandu għeruq li jmorru lura ’l fuq minn tmenin sena u li tista’ tgħid li twieled bħala riżultat ta’ dak li ġara fis-Sette Giugno.  Iżda għad fadlilna x’nagħmlu ħalli naġġornaw ruħna għar-realtajiet íodda.  Fosthom il-ħtieġa ripetuta f’okkażjonijiet bħal tal-lum biex l-istituzzjoni parlamentari tagħna takkwista l-awtonomija proprja tagħha. 

Hekk kif inħossuna parti mill-Ewropa ta’ min ifakkar illi l-istorja tas-Sette Giugno kellha wkoll eku fl-Ewropa meta ġrat fl-1919.  Ġurnali Taljani u Ingliżi ta’ l-epoka fis xerrdu l-aħbar tas-Sette Giugno.  L-aħbarijiet, mhux dejjem preċiżi u mhux mingħajr interpretazzjonijiet kultant żbaljati, xterdu f’ġurnali awtorevoli.  Iżda forsi l-ikbar tixrid ta’ din l-aħbar kien permezz ta’ l-aġenzija ta’ l-aħbarijiet prestiġjuża Reuters li wasslitha fid-dinja kollha. 

Anke quddiem realtajiet ġodda għandna nżommu dejjem ħajja l-ġrajja tas-Sette Giugno li tat bidu għall-mixja kostituzzjonali li mill-ewwel Parlament fl-1921 wasslet għall-Indipendenza fl-1964; għar-Repubblika fl-1974; għall-għeluq tal-bażi militari fl-1979 u finalment għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. 

F’dana kollu, sinjal qawwi ta’ l-identita` tagħna hi l-pożizzjoni uffiċjali tal-lingwa Maltija.  Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalina lkoll li minn issa ’l quddiem ilsien Dun Karm u Ġorġ Pisani jibdew jidwu fil-Parlament Ewropew flimkien ma’ ilsien Dante, ilsien Shakespeare, ilsien Goethe, ilsien Cervantes u ilsna importanti oħra.  Għaliex ilsienna ħa wkoll post xieraq fl-Ewropa mingħajr ma tilef xejn, anzi, żied l-importanza tiegħu.  Ħa postu mingħajr ma naqqas xejn lil ħadd.  Hekk is-sovranita` tiegħu tkun tieħu u tagħti sehem f’sovranita` ikbar u iktar wiesgħa. 

Matul is-sena d-dieħla pajjiżna se jfakkar tliet dati importanti.  Kif jaf kulħadd, fl-1 ta’ Mejju, Malta se ssir membru effettiv ta’ l-Unjoni Ewropea.  Ifisser illi meta nerġgħu niltaqgħu hawn is-sena d-dieħla dak li wassal għas-sħubija ikun laħaq il-milja tiegħu.  Iktar tard matul is-sena d-dieħla, eżattament fil-21 ta’ Settembru, Malta tfakkar l-40 anniversarju tal-kisba ta’ l-Indipendenza u fit-13 ta’ Diċembru jitfakkar it-30 anniversarju ta’ Malta Repubblika.  Dawn huma avvenimenti singolari fl-istorja plurimillenarja ta’ pajjiżna.  Huma avvenimenti li jikkumplimentaw u mhux jikkuntrastaw lil xulxin.  Mingħajr wieħed ma setax ikun hemm l-oħrajn.  Huma dati li jiíbru bejniethom il-kisbiet politiċi, soċjali u ekonomiċi li pajjiżna kien kapaċi jottjeni f’perijodu ta’ 40 sena fl-istorja moderna tiegħu u dawn il-kisbiet ikkontribwixxa għalihom kull Gvern u kull Membru Parlamentari li serva lil pajjiżu mill-Parlament. 

Mis-Sette Giugno sal-lum kienet mixja twila u mhux mingħajr stroffi u qtigħ ta’ qalb.  Kienet ġrajja politika li ħadet il-magħmudija tad-demm fl-1919 u wasslet għall-iżvilupp politiku kostituzzjonali fil-milja tiegħu.  Kienet storja ġieli traġika u ta’ tbatija, iżda mimlija kuraġġ u qlubija.  Nies ta’ viżjoni komplew jaħdmu minkejja d-diffikultajiet kbar li ġieli dehru insormontabbli.  Kienet storja li twieldet fid-demm u ntemmet fil-għaqda.  Għax hekk kien talab l-interess nazzjonali. 

U hawn niġi għal ħtieġa ta’ għaqda bejnietna aħna l-Parlamentari u għar-rispett reċiproku li għandu jkollna fl-istaġuni kollha, sew dawk ta’ qabel elezzjoni, sew dawk ta’ wara elezzjoni kif ukoll bejn elezzjoni u oħra.  Is-serenita` fl-ambjent parlamentari hija tabilħaqq meħtieġa biex il-Membri jkunu jistgħu jiddibattu u jagħtu l-akbar kontribut possibbli b’sehemhom. 

Ippermettuli nagħmel riferenza għat-tlett ijiem ta’ dibattitu parlamentari b’risposta għad-diskors tal-President fil-ftuħ ta’ leġislatura ġdida tal-Parlament.  Kien dibattitu li ħadu sehem fih 27 Membru miż-żewġ naħat tal-Kamra.  Kien dibattitu san, ta’ livell għoli, kalm, riflessiv u intelliġenti.  Fi ftit kliem, dibattitu verament fl-interess nazzjonali.  Irrid nieħu l-okkażjoni biex insellem b’mod partikolari lill-Membri ġodda f’din il-leġislatura kif ukoll lil dawk li servew fl-aħħar leġislatura u li ma rritornawx. 

Fuq nota personali nirringrazzja mill-ġdid lill-Membri taż-żewġ naħat tal-Kamra li fis-seduta tal-ftuħ tal-Parlament għoġobhom jingħaqdu f’appoġġ għall-ħatra tiegħi bħala President tal-Parlament Malti.  Bl-istess sodisfazzjon ninnota l-appoġġ sħiħ li kiseb l-Onor Carmelo Abela bħala Deputy Speaker.  Dan jawgura tajjeb ħafna għal-leġislatura li għadha kif bdiet li fil-fehma tiegħi, u nittama ta’ ħafna oħrajn, tista’ twassal għal klima ġdida fil-Parlament tagħna fejn l-andament tax-xogħol ikun jista’ jimxi aħjar bil-ftehim u kooperazzjoni meħtieġa.   

F’dan il-kuntest infakkar fir-rapport ta’ l-ex-President tar-Repubblika Ugo Mifsud Bonnici fuq ir-reviżjoni u aġġornament ta’ l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra, liema rapport jinsab f’idejn Membri taż-żewġ naħat tal-Kamra.  Naħseb li hawn qbil li dan hu l-mument li Gvern u Oppożizzjoni jagħtu l-kummenti, ir-reazzjonijiet u l-proposti tagħhom u jaslu f’konklużjoni li twassal għal andament aħjar tax-xogħol parlamentari.  Nixtieq ngħarraf ukoll li x-xogħol fuq il-ktieb li qed jinkiteb mill-Professur Pirotta bl-assistenza tad-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni, fuq l-istorja tal-Parlament Malti miexi ’l quddiem.  Dan il-ktieb se jiġbor fih il-ġrajjiet u l-personalitajiet marbuta ma’ din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż mis-Sette Giugno sal-lum. 

Hekk kif inħarsu lejn dan il-monument u nfakkru ’l dawk li taw ħajjithom, ma nistgħux ma niftakrux fil-qagħda mwiegħra li pajjiżna kien jinstab fiha fl-1919.  Kienu snin diffiċli wara l-Gwerra l-Kbira.  Kien hawn għaks u ġuħ u qgħad kbir.  L-istat kolonjali ta’ Malta soġġett għall-esiġenzi militari imperjali ma kienx jippermetti illi l-Maltin u l-Għawdxin jiksbu l-iżvilupp soċjali u politiku tagħhom. 

Għandna raġun niġbdu l-konklużjoni li apparti mill-faqar soċjali u ekonomiku li Malta sabet ruħha fih fl-1919, kien hemm id-deficit politiku kostituzzjonali.  Din it-taħlita ta’ nuqqasijiet irriżultat f’sitwazzjoni splussiva li sbruffat fis-7 ta’ Ġunju. 

Bit-tagħlima tas-Sette Giugno dejjem quddiemna nħarsu lejn il-ġejjieni b’kuraġġ u determinazzjoni.  Waqt li nirrispettaw l-opinjoni ta’ xulxin, hemm bżonn li tfeġġ il-għaqda, dik l-għaqda li wrew missirijietna wara l-ġrajjiet li qegħdin infakkru dalgħodu.  Hawn f’riġlejn dan il-monument aħna l-Parlamentari rridu nwiegħdu li nkomplu naħdmu biex bħala poplu nħarsu għalenija lejn il-futur b’sens qawwi ta’ servizz lejn il-poplu li tana l-mandat tiegħu għall-ħames snin li ġejjin u dan nagħmluh għall-ġid komuni u dejjem fl-interess nazzjonali.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow