ATTIVITÀ FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TA’ L-AMBJENT - 2003
“Wasal iż-żmien li l-għajnuna finanzjarja għall-inizjattivi ambjentali speċjalment minn għaqdiet mhux governattivi titpoġġa fuq bażi soda u dejjiema. Hu f’dan id-dawl li fil-jiem li ġejjin, il-Gvern se jwaqqaf il-Fond dwar l-Ambjent li hu maħsub fl-Att dwar il-Ħarsien ta’ l-Ambjent.
Dan il-fond jista’ jintuża biex jiffinanzja studji biex jitħares l-ambjent, biex isiru xogħlijiet għall-ħarsien ta’ l-ambjent jew biex tiġi rimedjata ħsara li tkun saret lill-ambjent, kif ukoll jiffinanzja attivitajiet oħra inkluż attivitajiet organizzati minn għaqdiet mhux governattivi.
Is-sorsi ta’ dħul għal dan il-fond m’humiex biss il-multi jew ħlasijiet li l-Awtorità titlob, iżda sorsi oħra huma flus li jistgħu jiġu vvutati direttament mill-Parlament, kif ukoll għotjiet oħra magħmula minn individwi, kumpanniji jew istituzzjonijiet. Hu ttamat li aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-ażjendi privati f’pajjiżna aktar jifhmu r-responsabbiltajiet tagħhom lejn is-soċjetà u l-ambjent u jikkontribwixxu għal dan il-fond.
Ic-Chairman tal-fond jista’ wkoll jiftaħ kawża, apparti minn kawża għad-danni ċivili, f’isem il-Gvern kontra persuna, għad-danni kawżati minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-liġi jew minħabba negliġenza jew għemil ieħor.”
Dan intqal mill-Ministru għall-Affarjiet Rurali u l-Ambjent, l-Onor. George Pullicino f’diskors li għamel waqt attività li ttellgħet fis-sala Robert Samut, fil-Furjana, fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ambjent 2003. It-tema magħżula din is-sena hija Jum l-Ambjent Kuljum.
Il-Ministru Pullicino kompla jghid li l-ambjent irid jiġi mħares kuljum u hu fir-responsabbiltà ta’ kulħadd. Hu qal li matul din il-ġimgħa tqassam fuljett lill-familji Maltin u Għawdxin, permezz tat-tfal ta’ l-iskola u fih jintwera kif kulħadd jista’ jagħti l-kontribut tiegħu għal ambjent aħjar mid-dar, mill-post tax-xogħol u minn postijiet oħra waqt il-ħin tad-divertiment u l-mistrieħ.
Il-Ministru George Pullicino sejjaħ dan il-messaġġ bħala sejħa u sfida għax l-impatt fuq l-ambjent irid jitqies f’kull deċiżjoni li tittieħed u dan ifisser bidla kulturali fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Matul l-attività biex jitfakkar Jum l-Ambjent, il-programm EkoSkola kien imniedi fuq skala nazzjonali. L-Ekoskola ser jgħaqqad lil Malta ma’ skejjel oħra madwar id-dinja u huwa eżempju prattiku ta’ kif għandna nimplimentaw l-Agenda 21 fuq livell lokali tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan hu proġett li qed isir flimkien mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u man-Nature Trust.
Il-Ministru Pullicino qal li dan il-pass qed iseħħ wara li s-sena l-oħra sar proġett pilota f’sitt skejjel u li matulu kulħadd seta’ jara mill-qrib, il-kontribut li jistgħu jagħtu l-iskejjel u l-istudenti favur l-ambjent. Hu saħaq fuq ir-responsabbiltà li l-wirt mibni, kulturali u naturali li ħallewlna missirijietna, jgħaddi għand it-tfal aħjar milli hu llum.
George Pullicino qal li xi xhur ilu, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, (MEPA) nidiet progamm ta’ inizjattivi bi sħab favur l-ambjent imsejjaħ l-‘Environmental Initiatives in Partnership Scheme’. F’dawn l-aħħar snin, il-MEPA ħadet l-inkarigu li tara li żviluppaturi ta’ proġetti kbar li jkollhom impatt fuq l-ambjent, iħallsu dik li tissejjaħ ‘planning gain’ biex b’hekk jiġu ffinanzjati proġetti ta’ fejda favur l-ambjent.
Filwaqt li awgura suċċess lill-parteċipanti kollha li qed jaħdmu bi sħab fl-iskema, il-Ministru Pullicino qal li dan hu biss il-bidu ta’ aktar inizjattivi simili fil-futur.
Il-Ministru George Pullicino temm jgħid li l-ħsieb hu li bl-inizjattivi li ġew imnedija tintlaqat l-ikbar firxa ta’ nies possibbli sabiex kulħadd jagħraf li l-Jum l-Ambjent irid tabilħaqq ikun imħares kuljum.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en