MODERNIŻŻAR TAĊ-ĊENTRU REĠJONALI MEDITERRANJU GĦALL-MEDIĊINA TRADIZZJONALI ĊINIŻA
Il-Ministru tas-Saħħa, l-Onor. Dr. Louis Deguara, għamel żjara fiċ-Ċentru tal-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża f’Kordin wara li ċ-Ċentru ġie moderniżżat biex ikun jista’ jilqa’ aħjar għall-bżonnijiet tal-persuni li jgħażlu li jmorru fiċ-Ċentru għall-kura permezz ta’ l-Agopuntura.
Iċ-Ċentru Reġjonali f’Kordin hu mmexxi minn bord ta’ diretturi maħtura mill-Ministeru tas-Saħħa ta’ Malta u l-Ministeru tas-Saħħa tar-Republika taċ-Ċina li jiltaqgħu regolarment biex isegwu l-progress u l-amministrazzjoni ta’ dan iċ-Ċentru. Ic-Chairmanship ta’ dan il-bord jalterna kull sena bejn iż-żewġ naħat.
Iċ-Ċentru Reġjonali Mediterranju ġie mwaqqaf fl-1994 bi programm konġunt bejn il-Gvern ta’ Malta u l-Ministeru tas-Saħħa tal-Poplu tar-Republika taċ-Ċina. Iċ-Ċentru f’Malta għandu l-għan li jipprovdi l-ogħla kwalità ta’ kura u taħriġ fil-Mediċina Tradizzjonali Ċiniża.
L-istaff taċ-Ċentru huma kollha esperti f’din it-tip ta’ mediċina b’esperjenza klinika vasta miċ-Ċentru ta’ eċċelenza ta’ Nanjing College of Traditional Chinese Medicine.
Iċ-Ċentru joffri opportunità unika għal tobba u paramediċi minn pajjiżi Ewropej u ta’ l-Afrika ta’ Fuq biex jitħarrġu u jiksbu esperjenza f’din it-tip ta’ mediċina u kura mingħajr ma jkollhom għalfejn imorru Nanjing College fiċ-Ċina. Fiċ-Ċentru wkoll wieħed isib Reference Library għad-dispożizzjoni ta’ dawk interessati, l-aktar studenti. Iċ-Ċentru jirċievi wkoll applikazzjonijiet minn studenti barranin kif ukoll Maltin għal-korsijiet offruti f’dan iċ-Ċentru.
Dan iċ-Ċentru jara kuljum medja ta’ 20 pazjent. Barra minnhekk dan iċ-Ċentru huwa responsabbli mill-għoti tas-servizzi ta’ Agopuntura miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Waqt din iż-żjara l-Ministru tas-Saħħa kien akkumpanjat mill-E.T. l-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li faħħru s-servizzi mogħtija f’dan iċ-Ċentru kif ukoll il-koperazzjoni sħiħa li teżisti bejn Malta u r-Republika taċ-Ċina.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en