STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ U L-KULTURA
Dalgħodu għall-ħabta tas-sebgha, ħaddiema fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa indunaw li persuni mhux magħrufa kienu tefgħu boroż mimlijin biż-żejt maħruq fuq l-athletics track tal-Matthew Micallef St. John Athletics Stadium. Fuq din l-istess track għadu kemm tlesta proġett ta' Lm90,000 biex jitqiegħed wiċċ ġdid.
Il-boroż biż-żejt intefgħu fuq in-naħa ta' wara tat-track. Iż-żejt li ħareġ minnhom ċappas parti żgħira mill-wiċċ ġdid tat-track. Dan tnaddaf kompletament u l-kumpless ser ikun jista' jkompli jintuża mingħajr problemi, mill-atleti Maltin li qed jippreparaw għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Il-ħsarat l-oħra li saru lit-track b'dan l-att vandalu ser jissewwew nhar it-Tnejn li ġej.
Dwar il-każ sar rapport fl-għassa tal-pulizija ta' Ħal Qormi filwaqt li qed titmexxa inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera.
Il-Ministeru taż-Żgħażagħ u l-Kultura jikkundanna bil-qawwa kollha dan l-att kodard li huwa intiż biex itellef it-tħejjijiet li qed isiru qabel l-għaxar edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Minkejja dan l-isforz fieraħ, il-preparamenti għal-logħob ser jibqgħu mexjin kif mistenni, u kollox ser ikun lest qabel id-data tal-ftuħ fit-2 ta' Ġunju.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en