OUT SOURCING POLICY BIEX IS-SETTUR PRIVAT JIŻVILUPPA S-SERVIZZI TAL-GVERN
Fl-iżvilupp ta’ sistemi tal-Gvern, il-Gvern ser iħaddan Outsourcing policy b’mod aggressiv u konkret. Fis-snin li ġejjin, il-politika tal-Gvern ser tkun li filwaqt li jamministra dawk is-sistemi vitali f’kuntest ta’ sigurta’ u sensittivita’, inħallu lis-settur privat jiżviluppa s-sistemi l-oħra li l-Gvern ikollu bżonn.
Dan qalu l-Ministru ghat-Teknoloġija tal-Informatika u l-Investiment, l-Onor. Dr. Austin Gatt meta kien qed jitkellem waqt Seminar organiżżat mill-kumpanija Merlin Computers għall-klijenti tal-Fujitsu Siemens.
Dr. Gatt kompla jghid li dan il-pass ser ikun ifisser sfida għas-settur privat lokali. Hu saħaq li l-Gvern ser jipprovdi din l-opportunita’ għax jemmen fil-ħiliet tal-ħaddiema li hemm fis-settur privat lokali. Il-Ministru Gatt qal li issa s-settur privat irid jieħu din l-isfida u jagħraf l-opportunitajiet li ser ikun hemm.
"Tul dawn l-aħħar snin ħdimna bis-sħiħ biex lestejna l-qafas kollu meħtieġ. Il-Gvern ħadem bis-sħiħ biex lesta kemm il-qafas legali kif ukoll dak teknoloġiku. Tant li llum kull rokna f’Malta jistgħa jkollha broad band internet. Il-Gvern ħadem ukoll biex jibni network li jgħaqqad lill-Gvern kollu" zied jghid il-Ministru Gatt.
Austin Gatt semma diversi inizjattivi konkreti biex b’mod effettiv innaqqsu l-qasma diġitali. Huwa rrefera għall-programm myWeb, l-inizjattiva ta’ l-email b’xejn u l-proġett ta’ l-Internet Centres fil-Kunsilli Lokali kollha. Inizjattiva oħra f’dan is-sens kienet l-installazzjoni tal-Web Phones f’kull lokalita’.
Ħidma oħra li għamel il-Gvern kienet marbuta ma’ l-iżvilupp tar-riżorsi umani. "Ħdimna biex nipprovdu taħriġ speċjaliżżat liż-żgħażagħ Maltin, kemm f’livell sekondarju bl-introduzzjoni ta’l-ECDL, bħala ċ-ċertifikazzjoni bażika, kif ukoll bil-ħolqien ta’ diversi akkademji speċjaliżżati li għamilna mal-Microsoft, l-Oracle u c-Cisco."
Il-Ministru Gatt semma wkoll l-MCAST fejn madwar 200 zagħżugħ u żagħżugħa qed jingħataw t-taħriġ f’dan il-qasam f’dan il-kulleġġ.
Il-Ministru Gatt tkellem ukoll li fil-ħidma tiegħu l-Gvern ser jiffoka fuq l-internazjonaliżżazzjoni tal-ħidma tagħna. Hija l-intenzjoni tal-Gvern li jkompli b’inizjattivi ta’ sħubija ma’ kumpaniji multinazzjonali biex Malta issir ċ-ċentru reġjonali fl-iżvilupp ta’ sistemi teknoloġiċi.
Il-Ministru Gatt fakkar kif permezz tal-ftehim li lħaqna mal-Microsoft, Malta hija l-unika pajjiż fl-Ewropa li għandha aċċess għas-Source Codes. Huwa fisser ukoll kif il-Gvern ser jaħdem bis-sħiħ biex jattira lejn Malta kumpaniji internazzjonali li jiżviluppaw is-software. Pajjiżna huwa idejali biex jattira lejh dan it-tip ta’ investiment minħabba d-diversi vantaġġi li noffru, fuq kollox il-ħiliet u l-kapaċitajiet tal-ħaddiem Malti.
Il-Ministru Gatt temm id-diskors tiegħu billi rrefera għall-fatt li dan kollu jinkwadra fl-istrateġija nazzjonali li nibnu soċjeta’ Maltija ta’ l-informatika. Huwa fisser li dan l-għan nilħquħ jekk inkomplu bil-ħidma tagħna biex noħolqu s-sinerġija neċessarja bejn kull min huwa nvolut. Il-mira tagħna hija li permezz ta’ l-istrateġija tagħna jirnexxilna nżewwġu l-interessi ta’ dawk li jipprovdu s-servizzi, ma’ ta’ dawk li jeħtieġu s-servizzi.
"Qed infasslu strateġija bil-għan li tirrifletti wkoll il-ħtiġijiet ta’ dawk li għad iridu jgħarfu l-importanza ta’ l-informazzjoni teknoloġika f’ħajjithom. Bil-ħidma ta’ kulħadd biss, Malta tassew issir soċjeta ta’ l-Informatika.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en