IL-POLITIKA TAL-GVERN FIL-QASAM TAL-ISPORT QED TWASSAL GĦAL AMBIZZJONIJIET ĠODDA
Il-politika tal-Gvern favur aktar parteċipazzjoni fl-oqsma sportivi kollha qiegħda twassal lil bosta għaqdiet sportivi biex jimmiraw għal ambizzjonijiet ġodda.
Meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet fl-okkażjoni tat-tnedija tal-Kampjonat tat-Triathlon għall-pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, il-Ministru għaż-Żgħażagħ u l-Kultura, l-Onor. Jesmond Mugliett stqarr illi kien ta' sodisfazzjon kbir għalih li jara lill-Għaqda Maltija tat-Triathlon torganizza avveniment fuq skala internazzjonali bħal dan.
L-Għaqda Maltija tat-Triathlon qed torganizza r-raba' edizzjoni tal-Kampjonat tat-Triathlon għall-pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa nhar il-Ħadd li ġej, 25 ta' Mejju, fil-bajja tas-Salina. L-avveniment, li jibda fis-7.30 a.m. jikkonsisti f'għawma ta' 1500 metru, tiġrija bir-rota ta' 40 kilometru u ġirja ta' 10 kilometri.
L-International Triathlon Union ftit tal-jiem ilu ħabbret illi qed tagħraf il-Kampjonat tat-Triathlon għall-pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa ta' din is-sena, bħala wieħed mill-avvenimenti uffiċjali li fih l-atleti li jieħdu sehem ikunu jistgħu jiksbu l-punti sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem fl-Olimpjadi.
Il-Ministru Mugliett żied illi minkejja iċ-ċokon tagħha, din l-għaqda irnexxiela tikseb rikonoxximent uniku għal dan il-Kampjonat.
Il-Ministru għaż-Żgħażagħ u Sport tkellem ukoll dwar l-impenn tal-gvern biex tiżdied il-parteċipazzjoni fid-dixxiplini sportivi kollha. Hu semma' l-investiment u l-għajnuna li l-Gvern tefa' fl-għaqdiet sportivi kollha, matul l-aħħar erba' snin. Hu qal li din l-inizjattiva li qed tieħu l-Għaqda Maltija tat-Triathlon turi biċ-ċar li l-politika tal-gvern f'dan il-qasam qed taħdem u tħalli l-frott mixtieq.
Fl-aħħar nett, il-Perit Jesmond Mugliett kellu kliem ta' tifħir għall-atleti Maltin li jipprattikaw din id-dixxiplina u awgura li fl-avveniment ta' nhar il-Ħadd jiksbu riżultat aqwa minn qabel.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en