xoghlijiet strutturali fl-iskola primarja tas-Siġġiewi
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea żar l-iskola primarja tas-Siġġiewi fejn qed isiru diversi xogħlijiet biex l-iskola tiġi mmodernizzata, imkabbra u biex l-iskola u l-komunita' ikollhom sala moderna għall-użu tagħhom b'investiment ta’ madwar nofs miljun lira.
Din l-iskola hi waħda mill-40 skola fejn il-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada (Foundation for Tomorrow's Schools - FTS) qed twettaq programm ta' xogħlijiet bħalissa biex l-iskejjel kollha ta' l-iStat ikunu skejjel ta' l-ogħla kwalita'.
Fl-iskola tas-Siġġiewi qed tinbena estensjoni fuq il-bini eżistenti b'żieda ta' klassijiet ta' daqs kbir, skond l-istandards tal-Fondazzjoni u faċilitajiet sanitarji ġodda, biex f'Settembru li ġej jinfetħu għall-istudenti. Meta jitlesta s-sular ta' fuq kollu, l-iskola se tkun żdiedet b'madwar 16-il kamra mdaqqsa li jintużaw jew bħala klassijiet jew bħala kmamar speċjalizzati, eż. għad-drama, mużika, librerija eċċ.
Fil-kindergarten sar xogħol ta' tisbieħ u mmodernizzar u issa l-ambjent ta' l-iskola hu aktar vivaċi u attraenti għat-tfal. Parti mill-grounds ta' l-iskola ġew mgħottija bit-turf artifiċjali u saret play area attrezzata, biex kif qed isir fi skejjel oħra jitjiebu l-faċilitajiet rikreattivi. Qed isir ukoll xogħol biex l-iskola kollha tkun aċċessibli għall-persuni b'diżabilita', dan ix-xogħol hu ukoll parti minn programm li qed jitwettaq f'diversi skejjel biex titjieb l-aċċessibilita'. Sar ukoll xogħol ta' skavar u nbena store taħt l-art. Eventwalment fuq dan l-istore u fuq genb sħiħ ta' l-iskola se tinbena s-Sala komunitarja li għaliha diġa nħareġ it-tender.
Waqt iż-żjara tiegħu, l-Ministru Louis Galea ra x-xogħlijiet li saru u ppreżenta mudell tas-Sala komunitarja lill-kap ta' l-iskola, Ms. Carmen Camilleri. Is-Sala ta' l-iskola tas-Siġġiewi għandha disinn modern u oriġinali ħafna u fil-bini tagħha se jkunu qed jintużaw materjali mhux tas-soltu bħal strutturi tal-ħadid, ħġieġ u sandwich panelling għas-saqaf. Is-sala hi maħsuba li tintuża b'mod flessibli kemm jista jkun.
Louis Galea qal li s-Sala komunitarja tas-Siġġiewi hi waħda minn diversi swali ġodda li huma pjanati li jinbnew fis-sentejn li ġejjin. Il-Ministru tenna li l-FTS diġa tat prova tal-kwalita' tax-xogħol, li kapaċi twettaq meta dan l-aħħar iffinaliżżat ix-xogħlijiet fl-iskola u fis-Sala Komunitarja ta' Ħ'Attard. Hu qal li t-twaqqif tal-Fondazzjoni kienet waħda mill-aktar deċiżjonijiet importanti fil-qasam edukattiv li ħa l-Gvern, f'din il-leġislatura għax kif jgħid il-Kurrikulu Nazzjonali l-ambjent ta' l-iskola hu element essenzjali fit-tagħlim u fl-iżvilupp edukattiv.
Il-Ministru temm jgħid li anke fis-sentejn li ilha mwaqqfa l-Fondazzjoni diġa twettqu numru ta' proġetti li jagħtuna idea ta' dak li għandna nistennew fis-snin li ġejjin. Filwaqt li l-Gvern Nazzjonalista hu impenjat li jkompli jwettaq dan il-programm biex fi żmien tmien snin l-iskejjel kollha ta' l-istat ikunu mmodernizzati, il-Partit Laburista qed jgħid li jżarma l-FTS u jerġa lura għas-sistema l-antika. Dan ifisser li l-programm ta' tmien snin b'investiment ta' aktar minn 60 miljun li għandu l-Gvern preżenti jintefa’ lura u ma jitwettaqx.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934