Stqarrija KONĠUNTA mill-Ministeru tas-Saħħa u l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni: Jum dinji tas-Saħħa - ambjent b’saħħtu għat-tfal
"Propju ftit ġranet ilu, l-Ministeru tas-Saħħa waqqaf Koalizzjoni Nazzjonali dwar is-Saħħa ta’ l-Addoloxxenti. F’din il-koalizzjoni barra rappreżentanza tad-Diviżjoni tas-Saħħa hemm għaqdiet non-governattivi li flimkien se jindirizzaw diversi problemi li jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ tagħna bħal dawk ta’ l-alkoħol, droga, ikel, mard sesswali, tipjip, stress u dipressjoni."
Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa, L-Onor. Louis Deguara meta, flimkien mal-Ministru ta' l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea, ħa sehem f’attività li tfakkar il-Jum Dinji tas-Saħħa, bit-tema: Healthy Environment for Children, li saret fl-iskola sekondarja Adelaide Cini.
Din is-sena l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għażlet li tiddedika dan il-jum għal ambjent b’saħħtu li t-tfal jgħixu fih. It-tfal u żgħażagħ iqattgħu ħin twil fl-iskejjel u għalhekk il-Gvern hu obbligat li joffri ambjent san li jippromwovi ħajja b’saħħitha.
Il-Gvern għandu interess qawwi li Malta jkollha żgħażagħ b’saħħithom ‘l bogħod mill-mard. Prova ta’ dan huma d-diversi servizzi li d-Diviżjoni tas-Saħħa tipprovdi fl-iskejjel kollha Maltin. Flimkien ma dawn, id-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa immexxi kampanji edukattivi ta’ promozzjoni tas-saħħa fost it-tfal. Il-Gvern ma jħarisx biss lejn il-kura iżda aktar lejn il-prevenzjoni. Poplu b’saħħtu mhux biss hu poplu kuntent iżda hu wkoll investiment li jirrendi.
Fl-iskejjel it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jiżviluppaw b’mod sħiħ, jiġifieri fiżikament, mentalment, soċjalment u emozjonalment. L-iskejjel jgħinu biex inisslu fit-tfal imġieba li twassal għal ħajja mingħajr problemi ta’ saħħa. Bejn il-Ministeru tas-Saħħa u dak ta’ l-Edukazzjoni hemm kollaborazzjoni sħiħa biex dan jintlaħaq.
Minn studju li sar mid-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa rriżulta li ż-żgħażagħ Maltin għandhom l-istess problemi ta’ pajjiżi oħra. Din il-koalizzjoni għandha tkun strumentali biex lkoll flimkien infasslu programmi u tiżviluppa servizzi ġodda skond il-bżonnijiet taż-żgħażagħ.
L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, f’ rapport dwar is-saħħa u l-iżvilupp taż-żgħażagħ, tirrakomanda lill-pajjiżi membri tagħha sabiex jiddeskrivu l-bżonnijiet ta’ l-addoloxenti tal-pajjiż u jikkommettu ruħhom għal attivitajiet u programmi xierqa, li jinkludu l-involviment taż-żgħażagħ stess. Permezz ta’ pjan ta’ azzjoni komuni bejn l-għaqdiet u aġenziji kkonċernati, interventi aktar effettivi u mmirati jistgħu jiġu mfassla skond il-bżonnijiet ta’ l-addoloxenti. Kull żgħażugħ għandu d-dritt għal ambjent l jipproteġi s-saħħa u li jwassal għal iżvilupp aktar pożittiv.
"Il-Ministeru tas-Saħħa żgur mhux se jibqa lura milli jagħti l-kontribut biex dan iseħħ," temm jgħid il-Ministru Louis Deguara.
Minn naħa tiegħu il-Ministru Louis Galea tkellem dwar id-diversi inizjattivi li ittieħdu u qed jittieħdu biex l-ambjenti ta' l-iskejjel ikunu ambjenti sani u protetti li jissalvagwardjaw is-saħħa ta' l-istudenti. Louis Galea semma fost l-oħrajn il-programm ta' Health and Safety fl-iskejjel, il-policies li jiffurmaw parti mis-safe schools programme li jittrattaw il-bullying, l-abbuż tat-tfal, l-abbuż minn sustanzi perikolużi u l-imġieba tajba fl-iskejjel. Il-Ministru qal li ta' min ifaħħar id-diversi inizjattivi li jittieħdu mill-iskejjel u mill-kunsilli ta' l-iskejjel biex jippromwovu ħajja aktar b'saħħitha u ikel aktar bnin.
Il-Ministru semma wkoll diversi inizjattivi li qed jittieħdu mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta' Għada f'xi skejjel fejn l-arja tkun imniġġsa speċjalment f'xi żminijiet partikolari. Il-Ministru qal li fl-iskola ta' l-Imtarfa qed tiġi risolta l-problema ta' l-emissjonijiet mill-farm tal-faqqigħ li hemm taħt l-iskola, fil-fatt is-sistema ta' ventilazzjoni hi lesta u se tibda taħdem din il-ġimgħa stess.
Fl-iskola F.X. Attard fil-Marsa sar ukoll xogħol biex tiġi risolta l-problema ta' l-arja li hemm f'din il-lokalita'. Il-proġett ta' ventilazzjoni hu fi stadju avvanzat ħafna u mistenni li jkun lest fi żmien xahar. B'hekk l-istudenti ikollhom arja aktar nadifa waqt li jkunu fl-iskola. Il-Ministru qal li dan juri l-impenn tal-Fondazzjoni li tipprovdi l-aħjar abjenti f'kull sens, u l-impenn tal-Gvern li jara li is-saħħa tat-tfal tkun dejjem salvagwardata.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934