Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTRU GHAL GHAWDEX: U-turn oħra tal-Partit Laburista

pr458
Date Icon 04/04/2003


Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono indirizzat konferenza ta’ l-aħbarijiet fejn tat ir-reazzjonijiet tagħha għall-kummenti li t-tmexxija tal-Partit Laburista tat waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret aktar kmieni llum, f’Għawdex.

"Bi pjaċir ninnota li llum, anke l-Partit Laburista qiegħed jgħidilna li Għawdex jixraqlu Ministeru għalih. Jiddispjaċini biss li dan il-Partit ħela dawn is-snin kollha jopponi u jirreżisti din il-politika ta’ Gvern Nazzjonalista biex issa rrealizza li f’dawn is-snin kollha, il-Partit Nazzjonalista, għal darb’oħra, kellu raġun,” qalet il-Ministru Debono. “Ma niskantax, pero’, għax donnu, il-bidla radikali jew aħjar il-“u-turns" fuq policies f’dan il-partit, hija xi ħaġa komuni u li m’għadha tiskanta lil ħadd. Nafu li l-istess ġara dwar il-Kunsilli Lokali u l-VAT u min jaf dwar x’hiex aktar għad jagħmlu bidliet", kompliet l-Onor. Debono.

"Quddiema għandna dan il-partit li fi żmien tmint ijiem biddel kompletament il-policy tiegħu dwar Għawdex. It-tmexxija tal-Partit Labuista spjegatilna l-proġetti li bi ħsiebu jagħmel il-Patit Laburista jekk ikun fil-Gvern wara t-12 ta’ April. Minn din il-konferenza stampa ta’ dalgħodu, it-tieni waħda f’Għawdex fi tmint ijiem, stennejt li nisma’ ideat u l-pjanjiet ġodda li dan il-partit għandu għal Għawdex. Dan il-partit kellu 4 snin u nofs oħra biex jaħseb u jistudja kif ser jgħolli l-kwalita’ tal-ħajja tagħna f’Għawdex stess. Kont iddiżappuntata bil-kbir għax idejat friski u ġodda ma smajna xejn. Smajna lista li ilna nisimgħuha ħafna u li hija għal kollox maqtugħa mir-realta’ tat-titjib li sar f’Għawdex", qalet il-Ministru Debono.

Għal darb’oħra t-tmexxija tal-Partit Laburista riedet tpinġi lil Għawdex bħalli kieku jinsab fi stat sħiħ ta’ abbandun. Iżda, b’riferenza għas-setturi diversi, l-Onor. Debono, tkellmet dwar it-titjib fis-servizzi f’Għawdex. Fosthom semmiet is-servizz tas-saħħa f’Għawdex stess fejn bdew jingħataw 13-il servizz ġdid u fejn sar ukoll modernizzar ma’ l-isptar kollu.

L-Onor. Debono ikkritikat lill-kelliem tal-Partit Laburisita li aktar kmieni din il-ġimgħa allega li l-immodernizzar li twettaq, biex dik li qabel kienet is-sala għall-anzjani nisa tinbidel f’Residenza Sant’Anna, kien wieħed kosmetiku. “Dan huwa qerq,” qalet Giovanna Debono. “Dak li għamilna diga’ qegħdin igawdu minnu numru ta’ anzjani. Barra dan, kull min, għal xi raġuni jew oħra jkollu bżonn iżur l-isptar jaf li l-ħidma ta’ titjib u attrezzar f’kull sezzjoni ta’ l-isptar ma waqfet qatt f’dawn l-aħħar erba’ snin u nofs."

Il-Ministru Debono semmiet ukoll il-Waste Transfer Station, proġett konkret favur l-ambjent f’Għawdex li diġa’ qed jitwettaq u li ser jassigura li f’Għawdex mhux ser ikun hawn l-ebda miżbla oħra wara li dik tal-Qortin tingħalaq.

Meta mistoqsi mill-ġurnalisti prezenti dwar iktar dettalji għall-alternattiva tal-miżbla, Dr Sant ipprefera ma jagħtix dettalji konkreti. Ir-realta’ hija li b’kuntrast man-nuqqas ta’ dettalji tat-tmexxija tal-Partit Laburista, il-Gvern prezenti qed joffri fatti konkreti. “Aħna bdejna l-proċess biex neliminaw għal kollox il-miżbla tal-Qortin u biex ma jkunx hawn ebda miżbla oħra f’Għawdex. Minflok, ser inwaqqfu proġett li ma joffri ebda dannu ambjentali li hu l-Waste Transfer Station f’Għawdex f’lokalita’ diġa’ identifikata".

Fir-rigward tat-turiżmu, il-Ministru Debono spjegat kif il-ħidma id f’id mal-Gozo Tourism Association, li nħolqot minn dan il-Gvern, ma qatgħet qatt minn mindu din ġiet imwaqqfa fl-1999.

Min-naħa l-oħra, il-Ministru Debono rrimarkat kif il-politika tal-Partit Laburista llum il-ġurnata bdiet taqbel mal-politika li ilu jħaddan il-Partit Nazzjonalista – dik li Għawdex jistħoqqlu promozzjoni ta’ destinazzjoni distinta u fejn isir sforz sabiex jiżdiedu t-turisti li jqattgħu l-btala tagħhom f’Għawdex.

Il-Ministru Debono rreferiet ukoll għall-pjanijiet għat-twettieq ta’ golf course li għal darb’oħra reġgħu ssemmew mit-tmexxija tal-Partit Laburista u sostniet li l-Awtorita’ ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qed tipproċessa applikazzjoni mis-settur privat sabiex titwaqqaf golf course f’Għawdex, illi tifforma parti minn proġett akbar ta’ Heritage Park.

Il-Ministru Debono qalet ukoll li fl-edukazzjoni wkoll kull settur kien indirizzat skond kif kellu bżonn, kemm jekk dan kien manutenzjoni, kostruzzjoni jew attrezzar – b’investiment kapitali ta’ Lm800,000 għal 20 skola f’Għawdex – kif ukoll mil-lat akkademiku. Infetaħ l-MCAST f’Għawdex b’ammont ta’ korsijiet ġodda li qabel qatt ma kienu offruti minn Għawdex, u żdiedu l-korsijiet offruti mill-Universita’ ta’ Malta.

Is-settur ta’ l-industrija u dak tal-biedja kienu wkoll mgħejjuna b’inċentivi biex itaffu l-ispiża addizzjonali fil-ġarr tal-prodotti tagħhom. Għal darb’oħra l-Ministru Debono tenniet li hija gidba dik illi qal id-deputat mexxej tal-Partit Laburista, Dr George Vella li mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea s-sussidju fuq it-trasport tal-prodotti tal-bdiewa u l-industrija ser jispiċċa għal kollox.

Il-Ministru Debono kkritikat ukoll lill-Onor. George Vella li qal li Gvern Laburista ġdid jibda jipproteġi l-ħitan tas-sejjiegħ f’Għawdex. Hija tenniet li matul din il-leġiżlatura f’Għawdex twaqqfet unit ta’ bennejja tal-ħitan tas-sejjiegħ li bnew mill-ġdid iktar minn 2.5 kilometri ta’ ħitan tas-sejjiegħ madwar Għawdex kollu. Il-Ministru Debono semmiet ukoll li għall-qasam ta’ l-industrija ġiet identifikata żona partikolari fix-Xewkija li ser tingħata lill-imprendituri żgħar biex fiha jiżvolġu l-attivita’ tagħhom. Din iż-żona ddaħħlet ukoll fid-Draft Local Plan għal Għawdex.

Il-Ministru Debono rreferiet ukoll għall-allegazzjoni ta’ l-Onor. Dr Alfred Sant fejn qal li Għawdex mhux veru ġie rikonoxxut bħala reġjun mill-Unjoni Ewropea. "Din hija gidba oħra" qalet il-Ministru Debono. "Il-konferenza ta’ l-aħbarijiet tal-Partit Laburista dalgħodu wriet biċ-ċar kemm il-Partit Laburista huwa fqir mill-ideat u kemm għandu nuqqas ta’ programmar serju. L-Għawdxin fehmu li huwa biss bil-Partit Nazzjonalista fil-Gvern li Għawdex jista’ verament ikompli jitjieb, u dan anke għaliex il-Gvern irnexxielu jakkwista pakkett vantaġġjuż għal Malta, imma b’mod speċifiku għal Għawdex, fin-negozjati għal sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Il-Partit Laburista qiegħed jittama li permezz ta’ gideb sfaċċat iqarraq bil-poplu Għawdxi".

Il-Ministru Debono kkonkludiet billi qalet li "l-Partit Laburista ma ndunax li qiegħdin sempliċiment jirrepetu ideat li wettaq Gvern prezenti. Illum dan il-partit tana ċertifikat ta’ kemm il-ħidma tagħna għal Għawdex kienet waħda għaqlija. Il-ħidma li tfasslet mill-programm elettorali tagħna matul is-snin issa qiegħda tiġi proposta lilna bi kliem mibdul.

Il-Programm Elettorali tal-Partit Laburista għal Għawdex qiegħed jipproponi li ser iwettaq dak li diġa’ sar. Il-"futur aħjar" li qed jipproponi l-Partit Laburista huwa msejjes fuq inizjattivi u proġetti li l-Gvern diġa’ ħa matul dawn l-aħħar snin".

Il-Ministru Debono tenniet li “jidher ċar li l-Partit Laburista għandu żewġ programmi elettorali – differenti għal kollox minn xulxin. Jeżisti l-programm uffiċċjali mniedi aktar kmieni f’din il-kampanja u jeżistu wkoll ħsibijiet mhux elenkati fil-programm elettorali uffiċjali li jitħabbru minn żmien għal żmien f’konferenzi ta’ l-aħbarijiet. Il-Gvern prezenti dejjem saħaq dwar l-importanza li Għawdex ikollu Ministeru għalih. Id-deċiżjoni li ttieħdet mill-Gvern Nazzjonalista fl-1987 ħalliet il-frott mixtieq kif jidher mill-livell ta’ l-għixien ta’ l-Għawdxin f’Għawdex illum.

Il-Partit ta’ l-Oppozizzjoni ħa 16-il sena biex irrealizza l-importanza li Għawdex jistħoqqlu Ministeru għalih u dan b’nuqqas ta’ ħeġġa u konvinzjoni, lejlet elezzjoni ġenerali daqshekk importanti. Din il-"U turn" seħħet biss tmient ijiem wara li l-Onor. Dr. Alfred Sant innifsu stqarr li mhux importanti x’tip ta’ tmexxija jkollu Għawdex. Dan kollu jikkonferma kemm il-Partit Laburista m’għandux strateġija serja ta’ kif jassigura li l-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ Għawdex ikompli jissaħħaħ.”

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  First 12 semiconductor start-ups complete Silicon Catalyst’s incubation programme, with some now setting up operations in Malta

PR261934en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-ewwel 12-il start-up fis-settur tas-semikondutturi jtemmu l-programm ta’ Silicon Catalyst u wħud minnhom qed jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta

PR261934

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow