Left arrow Go Back

LEJN SISTEMA ĠDIDA TA’ TMEXXIJA TA’ L-ISKEJJEL TAL-GVERN

pr422
Date Icon 01/04/2003

"Studenti, ġenituri u għalliema għandhom dritt għal ċertifikati u kwalifiki ta’ kwalita` rikonoxxuti minn kull employer f’Malta u barra. Dan għandu jkun il-frott ġust wara snin ta’ investiment, studju u ħidma. Biex il-kwalita` tkompli titjieb, irridu nwettqu titjib fil-proċess ta’ l-eżamijiet u l-assessjar u fit-tmexxija u l-assikurazzjoni ta’ kwalita` fl-iskejjel tagħna.”

Dan sostnieh il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Dr. Louis Galea, meta ndirizza lill-ġenituri u għalliema waqt Konferenza organizzata għalihom mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Skolastici (AKS) fil-Lukanda Dolmen. F’din il-laqgħa saret l-elezzjoni għall-Kumitat tat-Tmexxija tal-AKS.

Il-Ministru Louis Galea qal li s-sistema edukattiva fil-livelli diversi tagħha tinħtieġ il-kejl ta’ l-eżamijiet u l-assessjar biex turi l-istudenti x’livell ikunu laħqu fit-tagħlim u t-taħriġ tagħhom. Proċess ta’ tagħlim formali mingħajr dan it-test jirriskja li jkun wieħed dgħajjef, li diffiċli jikseb ir-rikonoxximent meħtieġ.

Huwa veru li kull forma ta’ eżami u test iġibu xi tensjoni fl-istudenti u l-ġenituri. Iżda huwa veru ukoll li llum qed jitjieb u jissaħħaħ l-appoġġ biex l-istudenti jwettqu l-istudju tagħhom bl-aħjar riżultati possibbli, inkluż arrangamenti speċjali għal persuni bi bżonnijiet speċjali.

Minn naħa l-oħra, il-Kurrikulu Nazzjonali jagħti gwida ċara li l-kejl ta’ l-iżvilupp ta’ l-istudenti m’għandux jistrieh biss fuq l-eżamijiet formali għaliex dawn għandhom ikunu komplimentati minn proċess ta’ assessjar kontinwu. B’hekk l-istudenti jiġu ġudikati mhux biss fuq eżami ta’ ftit sigħat, iżda wkoll fuq ix-xogħol li jkunu qed jagħmlu matul is-sena sew fil-klassi kif ukoll fid-dar.

Il-Ministru Galea sostna li biex dan il-proċess ta’ eżamijiet u assessjar jitjieb jeħtieġ li jitjiebu t-tmexxija ta’ l-iskejjel u s-sistemi ta’ assikurazzjoni ta’ kwalita`. Il-Ministru fisser li l-pass li jmiss hu li jinbeda proċess ta’ djalogu wiesgħa ma’ dawk kollha nvoluti fl-edukazzjoni biex jinbena l-qafas biex kull skola primarja tal-Gvern tkun parti minn struttura edukattiva waħda flimkien ma’ skola sekondarja. L-ewwel riżultat ta’ din is-sistema ġdida jkun li t-tfal jgħaddu mill-livell primarju għal dak sekondarju b’sens ta’ kontinwita`. It-tieni riżultat ikun li, b’mod gradwali u ntelliġenti, inħaffu l-pass lejn awtonomija sħiħa ta’ l-iskejjel tal-Gvern kollha. Meta dan il-proċess isehh b’suċċess il-ġenituri Maltin u Għawdxin ikollhom għazla ta’ kwalita` aħjar fejn jibgħatu l-uliedhom għall-iskola tagħhom.

Il-Ministru Louis Galea fisser li din is-sistema ġdida ta’ tmexxija ta’ l-iskejjel tal-Gvern iġġib magħha bidla sħiħa fl-irwol tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni. Id-Diviżjoni ma tibqax tamministra direttament l-iskejjel, iżda żżomm taħt għajnejha l-iskejjel kollha tal-gvern, tal-Knisja u tal-privat biex tiġi verifikata u assikurata l-kwalita` ta’ l-edukazzjoni li l-istudenti jkun qed jieħdu fil-klassijiet f’dawn l-iskejjel. B’hekk fejn ikun sejjer tajjeb jissaħħaħ, u fejn ikun dgħajjef isir magħruf u jingħata l-appoġġ u l-miżuri meħtieġa.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  First 12 semiconductor start-ups complete Silicon Catalyst’s incubation programme, with some now setting up operations in Malta

PR261934en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-ewwel 12-il start-up fis-settur tas-semikondutturi jtemmu l-programm ta’ Silicon Catalyst u wħud minnhom qed jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta

PR261934

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow