INAWGURATI XOGĦLIJIET TA’ TIĠDID U RISTRUTTURAR FL-GĦAMMIERI
Il-Ministru għall-Agrikultura u s-Sajd, l-Onor. Ninu Zammit dalgħodu inawgura xogħlijiet ta’ tiġdid u ristrutturar fiċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Riċerka u Żvilupp Agrikolu, bħala parti minn riorganizzazzjoni li qed isseħħ fi ħdan l-istess Ministeru.
Ix-xogħlijiet li saru s’issa swew aktar minn Lm151,000 u jinkludu l-kisi mill-ġdid bit-tarmak tat-triq prinċipali f’dan iċ-Ċentru, li fl-imgħoddi kien magħruf bħala l-Farm tal-Gvern, it-tħaffir ta’ kanali biex minnhom jgħaddu s-servizzi, il-bini ta’ substation ta’ l-elettriku, l-estensjoni ta’ żewġ blokki amministrattivi, il-bini ta’ laboratorju ġdid għall-ittestjar taż-żrieragħ u materjal ieħor ta’ propagazzjoni, u l-bini ta’ post ta’ rikreazzjoni għat-tfal li ngħata l-isem ta’ Mafkar Franco Serracino Inglott. Ħafna mix-xogħlijiet saru minn ħaddiema tat-Taqsima Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali.
Il-Ministru Zammit fakkar li r-rwol tal-Ministeru hu li jsaħħaħ l-oqsma tal-biedja u s-sajd biex dawn mhux biss jibqgħu sostenibbli, iżda wkoll li jassigura li dawn s-setturi jipprovdu prodotti ta’ kwalità u li jinstab bilanċ ġust bejn l-interessi tal-konsumatur u dawk tal-produttur.
Hu kompla li kulħadd jaqbel li biex is-settur agrikolu jibqa’ jkun sostenibbli jeħtieġ li ssir riforma sħiħa fih, liema riforma ġġorr prezz finanzjarju magħha. Bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, parti minn dan il-prezz se tagħmel tejjeb għalih l-istess Unjoni tant li diġà hu magħruf li fl-ewwel tliet snin ta’ wara s-sħubija s-settur agrikolu f’pajjiżna se jibbenefika minn aktar minn Lm19-il miljun lira mill-UE, li jfisser aktar minn Lm6 miljun fis-sena. Dawn il-flus, li se jibbenefikaw minnhom il-bdiewa u r-raħħala, kompla l-Ministru Zammit, jistgħu jiġu biss bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Zammit qal li din ir-riforma fis-settur tal-biedja titlob ukoll tisħiħ fl-oqsma kollha tal-Ministeru li issa qed jieħu fuqu l-funzjoni ta’ regolatur. Semma li bħala parti minn dan it-tisħiħ, minbarra t-twaqqif ta’ tliet Taqsimiet ġodda, twaqqfu wkoll bl-għajnuna ta’ l-Unjoni Ewropea diversi units ġodda, fosthom dik magħrufa bħala Paying Agency bl-iskop li tieħu ħsieb il-ħlasijiet tal-għajnuniet li qed jingħataw il-bdiewa u r-raħħala, u oħra responsabbli minn Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (IACS) li tinsab għaddejja b’eżerċizju biex l-art agrikola kollha f’Malta u Għawdex tkun reġistrata.
Barra minn hekk, kompla l-Ministru Zammit, fi ħdan it-Taqsima għas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali twaqqfet unit ġdida magħrufa bħala Laboratorji għas-Servizzi Agrikoli bl-iskop li, fost l-oħrajn, tipprovdi servizzi ta’ ittestjar ta’ materjal agrikolu, servizzi ta’ konsulenza u pariri lill-komunità agrikola dwar l-użu u l-immaniġġjar tal-ħamrija, l-użu ta’ fertilizzanti, ittestjar ta’ żrieragħ, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ riċerka fl-immaniġġjar tal-ħamrija u n-nutrijenti, u li tipprovdi appoġġ tekniku u xjentifiku fit-tfassil ta’ politika dwar ix-xjenza tal-ħamrija, il-kwalità ta’ l-ilma, l-immaniġġjar tan-nutrijenti, il-kwalità tal-għalf naturali u l-ittestjar taż-żrieragħ.
Il-Ministru Zammit qal li dan ir-ristrutturar u immodernizzar mhux qed isir biss f’dan iċ-Ċentru, iżda f’oqsma oħra bħalma huma l-pitkalija u l-biċċerija biex ikun żgurat li l-produtturi mhux biss ikomplu jsaħħu l-operat tagħhom permezz tal-għajnuna li diġà beda jgħaddilhom il-Gvern iżda wkoll biex tabilħaqq ikun assigurat li l-prodotti li jaslu għand il-konsumatur ikunu ta’ l-ogħla kwalità.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934