LM5 MILJUN F’RESTAWR MILL-VRP FIL-BELT VALLETT
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li ħmistax il-sena ilu Gvern prezenti waqqaf il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta (VRP). Huwa kien qed jitkellem waqt kunċert organizzat fil-bitħa tal-Palazz il-Belt, biex jiġi mfakkar it-twaqqif tal-proġett. Minn dakinhar il-VRP investa fi proġetti ta’ restawr fil-kapitali ta’ pajjiżna qrib il-Lm5 miljun. Hu qal li fl-aħħar 15 il-sena twettqu proġetti ta’ restawr fil-Konkatidral ta’ San Ġwann u fil-Palazz Presidenzjali, fi knejjes, bereġ, palazzi, niċeċ f’kantunieri, pavimentar ta’ toroq ewlenin. Dan kollu għen biex il-kapitali terġa’ tikseb id-dinjità li tixirqilha bħala ċentru storiku, politiku u residenzjali ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Palazz fejn qed jitfakkar dan l-anniversarju kien il-Palazz tal-Gran Mastru fi żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Illum hu il-Palazz Presidenzjali, l-aktar bini ċivili importanti fil-Belt Valletta. Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-palazz dejjem ingħata l-importanza li tixraqlu. Hu qal li apparti li f’dan il-palazz il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura għandu team residenti ta’ ħaddiema li jagħmlu xogħol regolari ta’ manutenzjoni, għandna numru ta’ proġetti li jsiru min dipartimenti li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, inkluż il-proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta u l-Unit għar-Restawr.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li dawn il-proġetti kienu qed jitwettqu bil-kollaborazzjoni ta’ l-Uffiċju tal-President ta’ Malta li miegħu hemm kollaborazzjoni mill-aqwa anke jekk mhux faċli tagħmel proġetti ta’ restawr f’bini li għandu funzjoni hekk importanti.
Francis Zammit Dimech qal li l-aktar proġett riċenti hu proprju dak tal-bitħa tal-Palazz fejn kienet qed issir il-kommemorazzjoni ta’ dakinhar. Hu qal li din il-bitħa kellha dehra ta’ telqa minħabba li l-art ma kenitx pavimentata u minħabba s-siġar kbar li kien fiha li kienu anke qed jagħmlu ħsara lill-bini. Il-bitħa kellha wkoll żieda ta’ ballavostri li tqiegħdu riċentament. Francis Zammit Dimech qal li għalhekk il-proġett ta’ titjib mhux biss kien ikopri l-paviment disinjat imma tnehhew is-siġar u l-ballavostri u saru xogħlijiet oħra li kellhom bżonn isiru. Francis Zammit Dimech qal li llum kulħadd kien jammira x-xogħol li sar, li ta dehra ġdida lil din il-bitħa.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li kien infurmat li l-aħħar fażi tat-tisbiħ u r-riabilitazzjoni ta’ din il-bitħa se tkun sistema ġdida ta’ dwal. Francis Zammit Dimech irringrazzja lill-Perit Claude Borg, li kien jaħdem mal-Unit tar-Restawr, u li ħa ħsieb id-disinn u lil-Perit Joseph Bezzina mill-Unit tar-Restawr li mexxa il-proġett. Hu qal li f’din il-bitħa kienet ġiet restawrata ukoll l-istatwa majjestuża ta’ Nettunu li kien esegwit minn Dott. Sante Guido.
Francis Zammit Dimech qal li bħalissa kienu qed jitwettqu fil-Palazz Presidenzjali żewġ proġetti oħra ta’ importanza kbira u li qed jiġbdu l-attenzjoni ta’ restawraturi barranin. Hu qal li xogħol ta’ restawr kien qed isir mill-VRP fis-Sala tal-Gran Kunsill u fis-sala tal-Paladini. Francis Zammit Dimech qal li fis-Sala tal-Gran Kunsill kien hemm team ta’ restawraturi ta’ fama mondjali li qed jaħdmu fuq l-affresk ta’ Mattia Perez d’Aleccio. Dan l-afresk kien sofra danni fil-passat kemm minħabba restawr mhux skond is-sengħa u anke minħabba infiltrazzjoni ta’ ilma tax-xita. Ir-restawraturi qed ineħħu wkoll tibjid żejjed li sar fir-restawr u qed jersqu kemm hu possibbli lejn l-afresk oriġinali ta’ Peres d’Aleccio. Hu qal li bla dubbju dan kien wieħed mill-aktar proġetti importanti ta’ restawr li qatt twettqu mill-VRP kemm minħabba l-importanza ta’ l-afresk tas-seicentokif ukoll minħabba l-komplessità tiegħu.
Francis Zammit Dimech qal li proġett ieħor importanti hu dak li qed isir minn esperti ta’ fama internazzjonali fil-Kamra tal-Paladini. Hu qal li wara li kien assigurat l-afresk – li aktar minn 75 fil-mija tiegħu kien maqlugħ – llum dan hu mill-ġdid mwaħħal mal-ħajt u konservat. Hu qal li sadattant il-VRP qed iħares lejn aspetti oħra tar-restawr ta’ din il-kamra. Hu qal li bħalissa hawn f’pajjiżna team mill-Università ta’ Dresden li qiegħed jwettaq ħidma ta’ konservazzjoni tas-saqaf kulurit ta’ l-injam li wkoll għadda minn diversi kambjamenti u restawr tal-passat. Hu qal li llum għandna sitwazzjoni fejn mhux biss il-pittura importanti ta’ Paladini reġgħet ingħatat id-dehra oriġinali tagħha iżda fejn qed inħarsu lejn proġett integrat li se jerġa’ jagħtina l-kamra sabiħa tal-kappella kif kienet qabel.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-VRP kien diġà qed jaħseb fi proġetti oħra għall-Palazz Presidenzjali appena jlesti ż-żewġ proġetti li kienu qed jitwettqu. Hu qal li kien qed isir studju u preparazzjonijiet għal proġetti oħra ta’ restawr fosthom iż-żewġ bibien tal-Palazz fi Triq ir-Repubblika.
Francis Zammit Dimech qal li din il-ħidma kollha tinkwadra fl-attenzjoni li qed tingħata lill-belt Valletta. Hu qal li l-Gvern kien qed iħares ’il quddiem lejn it-twettiq ta’ aktar proġetti għall-Belt Valletta, lejn aktar koordinament bejn dawk kollha li jaħdmu biex jitħares il-wirt storiku li hemm fil-kapitali u lejn li jinkiseb aktar suċċess bl-aħjar użu tar-riżorsi limitai li għandna.
Francis Zammit Dimech qal li l-belt Valletta kienet ġawhra, belt rikonoxxuta bħala patrimonju dinji. Hu fakkar f’dak li kiteb fl-1964, is-sena tal-kisba ta’ l-Indpendenza, Ġorġ Borg Olivier, Prim Ministru Malti: "f’qalbu kull Malti huwa Belti". Hu qal li dan jixprunana fil-ħidma tagħna biex naraw il-belt kapitali ta’ pajjiżna aktar sabiħa biex tkun aktar fi qlubna.
Other Press Releases:
PR261934en
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261934