Left arrow Go Back

INVESTIMENT TA’ IKTAR MINN LM1 MILJUN LIRA F’GĦAXAR SNIN FL-IMMODERNIZZAR TAL-BIĊĊERIJA

pr360
Date Icon 18/03/2003

Il-Prim Ministru llum inawgura linja ġdida tal-qatla tal-majjal fil-Biċċerija tal-Gvern. F’dawn l-aħħar għaxar snin il-biċċerija gawdiet minn investiment qawwi f’ristrutturar u modernizzar, b` nefqa ta` iktar minn miljun lira f’dan it-titjib. Dan wassal biex l-Unjoni Ewropea approvat dan l-istabbiliment bħala wieħed li jista’ jesporta laħam taċ-ċanga u tal-majjal lejn il-pajjiżi membri tagħha.

Fl-1992, inbniet sala ġdida għas-suq tal-laħam, kif ukoll Cold Stores ġodda li jinkorporaw fihom blast freezer li kapaċi jiffriża l-laħam malajr qabel ma jiġi maħżun fil-friża għat-tul. Dawn il-Cold Stores jifilħu jżommu sa 300 tunnellata laħam bhala karkassi jew inkella sa 600 tunnellata laħam ippakkjati fil-kaxxi tal-kartun.

Fl-1996 inbniet is-sala tal-qatla ta’ l-emerġenza, li fiha jsir ix-xogħol tal-qatla ta’ annimali li jkunu nqatlu b’emerġenza, kif ukoll il-qatla normali ta’ nagħaġ, mogħoż u żwiemel. Din is-sala tintuża wkoll biex fiha jinqatel il-majjal, meta titwaqqaf il-linja prinċipali tal-majjal minħabba xogħol ta’ manteniment, tkabbir jew modernizzar. Fl-2003 tlesta x-xogħol kollu ta’ armar mill-ġdid taċ-chillerskollha b’ħitan miksija bl-istainless steel, u b’art ġdida. Sar ukoll madum ġdid mal-ħitan tal-kmamar kollha fejn issir il-qatla, mal-ħitan u ma’ l-art tas-suq, kif ukoll l-art u l-ħitan tal-kuriduri prinċipali.

Ġiet estiża l-linja tal-qatla tal-majjal, u saret linja oħra ġdida biex b’hekk żdiedet ir-rata ta’ qatla minn 80 ħanżir fis-siegħa sa 160 ħanżir fis-siegħa. B’hekk ukoll dan ix-xogħol qiegħed isir aħjar kemm bħala animal welfare, kif ukoll bħala sigurtà ta’ l-ikel, billi l-karkassa tintmiss inqas u tinħadem f’ambjent iktar nadif u iġjeniku. Għadu għaddej ix-xogħol ta’ refurbishment ta’ l-istalel ta’ qabel il-qatla tal-majjal.

Il-Prim Ministru fakkar li barra mill-għajnuna li ngħatat lis-settur bħala investiment fl-infrastruttura, il-gvern beda wkoll programm ta’ għajnuna lir-raħħala sabiex ikunu dejjem f’pożizzjoni aħjar biex jiffaċċjaw l-sfidi u jaħtfu l-opportunitajiet li ġġib magħha sħubija fl-Unjoni Ewropea. Is-settur tal-majjal ser igawdi minn programm ta’ għajnuna diretta lil min irabbi ta’ Lm13.6 miljun sa l-aħħar ta’ l-2010, maqsuma Lm11.39 miljun għajnuna diretta fuq produzzjoni (madwar Lm10.1 kull ras maqtul), u Lm2.24 miljun għar-ristrutturar u modernizzar ta’ l-irziezet. Dawk ir-raħħala li joqtlu ċ-ċanga minbarra li ser igawdu minn Lm7.9 miljun għajnuna fuq il-produzzjoni tal-ħalib ser jibbenefikaw ukoll minn għajnuna ta’ iktar minn nofs miljun lira fis-sena wara d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ fondi tal-Common Market Organisation ta’ l-Unjoni Ewropea stess.

Waqt li rringrazzja lill-Koperattiva ta` min Irabbi l-Majjali (KIM) għall-koperazzjoni li wriet fl-aħħar snin, il-Prim Ministru kkonkluda li l-investiment tal-gvern f` dan is-settur se jkompli fl-aħjar interess kemm tar-raħħala, il-ħaddiema, kif ukoll tal-konsumatur, sabiex jigi garantit li filwaqt li jibqa’ l-qliegħ xieraq għar-raħħala, il-konsumatur ikollu garanzija ta’ prodott bnin u ġenwin bi prezz raġjonevoli.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  First 12 semiconductor start-ups complete Silicon Catalyst’s incubation programme, with some now setting up operations in Malta

PR261934en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-ewwel 12-il start-up fis-settur tas-semikondutturi jtemmu l-programm ta’ Silicon Catalyst u wħud minnhom qed jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta

PR261934

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow