Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. DR. LOUIS DEGUARA, MINISTRU TAS-SAHHA, WAQT L-INAWGURAZZJONI TA’ SERVIZZI TA’ CUSTOMER CARE FL-ISPTARIJIET – G’MANGIA – 18 TA’ MARZU 2003

pr359
Date Icon 18/03/2003

"Il-pazjent fiċ-ċentru tas-servizzi tas-saħħa"

Iċ-ċavetta tas-suċċess fil-qasam tal-kura tas-saħħa hija li nitrattaw mal-pazjenti tagħna bl-aktar mod sensittiv u li nagħtu kaz tassew tal-bżonnijiet ta’ kull individwu.

Il-viżjoni tal-Gvern li jiena nirrapreżenta, minn dejjem kienet waħda li tqiegħed lill-pazjent fiċ-ċentru ta’ l-attività fis-settur tas-saħħa. Kienet din il-viżjoni li wasslet għad-deċiżjoni li jinbena l-isptar Mater Dei. Aħna nafu li għall-pazjent, għalkemm huwa mportanti li jingħata kura b’teknoloġija moderna mill-aqwa professjonisti, huwa daqstant importanti li jingħata l-kura f’ambjent kif jixraq lid-dinijtà tal-persuna. Biex nilħqu dan il-għan konna konxji mill-limitazzjonijiet ta’ l-isptar San Luqa u ddeċidejna li nibnu l-isptar Mater Dei.

Kif semmew sew il-kelliema ta’ qabli, dan l-isptar ġie mfassal b’mod li qiegħed lill-pazjent fiċ-ċentru. Iżda biex nibdew minn issa nibnu l-kultura u sistemi li jpoġġu l-pazjent l-ewwel, jiena ħassejt li l-Customer Care għandu jkun wieħed mill-ewwel setturi li jiġi rriformat fl-isptar San Luqa, u jibda jitħaddem kif huwa maħsub li jkun jaħdem fl-isptar Mater Dei. Għalhekk huwa b’sodisfazzjon li llum ninsab hawnhekk biex ninawguraw is-sistemi ġodda li ser ifissru servizz aħjar għall-klijenti tagħna.

Il-Ministeru ħa ħsieb li jkollu strateġija bil-għaqal għall-iżvilupp ta’ l-aqwa relazzjonijiet mal-pubbliku. Fil-fatt illum rajna kif din l-istrateġija qegħda tkopri l-aspetti kollha li flimkien ser jassiguraw il-bidla meħtieġa.

Il-Ministeru tas-Saħħa nieda l-pubblikazzjoni ‘Towards Best Practice in Customer Relations’. Din il-publikazzjoni tiġbor il-viżjoni tagħna għall-Customer Care u tfiehem kif din il-viżjoni tista’ tintlaħaq b’mod prattiku. Fl-istess mument qegħdin naraw kif waqqafna Customer Care mill-ġdid fl-isptar San Luqa li ser ikun qiegħed jaħdem id f’id mal-istaff sabiex l-istandards li aħna stabbilejna bħala Ministeru jkunu jistgħu jintlaħqu. Ser ikun ukoll impenjat sabiex jassigura li fit-transizjoni għall-isptar Mater Dei, l-interessi tal-pazjent jibqgħu imħarsa fuq kollox.

Diġa sar ħafna xogħol siewi biex il-pazjent dejjem ikun aktar fiċ-ċentru ta’ l-attivitajiet u l-proċessi tagħna. Permezz ta’ dawn l-isforzi li saru, tnaqqsu l-waiting lists. Dan seħħ b’mod partikolari fil-qasam tal-kirurġija tal-qalb.

Filwaqt li ninstab konvint li l-istaff jimpenja ruħu ta’ kuljum biex jipprovdi l-aħjar servizz lill-pazjent, qatt ma nistgħu ngħidu li qegħdin nagħmlu biżżejjed u żgur li għad hawn il-ħtieġa ta’ bidla fil mentalità biex tassew nqegħdu l-pazjent fiċ-ċentru ta’ kull ma nagħmlu. Irrid nassigura li l-proċeduri li qegħdin nippjanaw fl-isptar Mater Dei jitfasslu għall-kumdità tal-pazjent. Hawnhekk bla dubju, il-Customer Care għandu rwol importanti ħafna.

Il-Customer Care waħdu mhux ser isolvi kollox. Il-Customer Care lanqas m’għandu jiġi ttrattat bħala post fejn nibgħatu l-pazjenti jilmentaw. Kull impjegat għandu d-dmir li f’xogħlu jara li jaqdi l-pubbliku bl-aħjar mod.

Irridu naċċettaw li l-pazjenti tal-lum bosta drabi huma ferm infurmati dwar il-kundizzjoni tagħhom. Irridu bħala professjonisti f’dan il-qasam nirrispettaw lill-pazjent bħala sieħeb fil-proċess tal-kura. Biex naraw is-servizz aħjar mil-lenti tal-pazjent, irridu nassiguraw li l-pazjent jingħata l-vuċi u l-ispazju biex issemma leħnu. Dan jien għamiltu billi fuq il-Bordijiet tat-temxxija ta’ l-isptarijiet hemm rapreżżentant tal-pazjent.

Illum jiena ninstab fiduċjuz li bir-riforma li bdejna fil-Customer Care, wittejna t-triq li ser tiżgura li r-riforma kollha li qegħda sseħħ fil-qasam tas-saħħa, ser iżżomm lill-pazjent fiċ-ċentru ta’ l-attività. Nawgura lil dawk kollha li ser ikollhom sehem f’din ir-riforma, is-suċċess mixtieq.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  First 12 semiconductor start-ups complete Silicon Catalyst’s incubation programme, with some now setting up operations in Malta

PR261934en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-ewwel 12-il start-up fis-settur tas-semikondutturi jtemmu l-programm ta’ Silicon Catalyst u wħud minnhom qed jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta

PR261934

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow