Left arrow Go Back

EUROPEAN COMPUTER DRIVING LICENCE (ECDL): OPPORTUNITA' TA' TAĦRIĠ GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ MALTIN

pr357
Date Icon 18/03/2003

Minn din is-sena, il-Gvern se jkun qed joffri taħriġ fil-livell sekondarju biex iwassal lill-istudenti biex jiksbu dak li hu magħruf bħala l-European Computer Driving Licence (ECDL) li bħal-liċenzja tas-sewqan għall-karozzi, turi li min għandu din il-liċenzja, hu kapaċi juża kompjuter b'kunfidenza u għandu bażi tajba ta' għarfien f'diversi programmi u ‘applications’ komuni.

Dan ħabbruħ il-Ministru ta' l-Edukazzjoni, l-Onor. Dr. Louis Galea u l-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali, l-Onor. Dr. Austin Gatt, meta niedew dan il-programm fl-iskola sekondarja Vinċenzo Borg (Brared), f'Ta' Paris, Birkirkara.

Il-Programm ta' taħriġ li jwassal għall-ECDL hu maqsum f'seba' modules. Din is-sena beda t-taħriġ għal dawk l-istudenti li bdew il-Form 1 u dawn ikunu jistgħu jibdew jagħmlu l-ewwel tlett tests (wieħed għal kull module) għall-ECDL, sa mill-Form 3.

Fis-sena skolastika li jmiss, il-klassijiet kollha tal-Form 1 u Form 2 ikollhom it-taħriġ għall-ECDL u kull sena tiġi miżjuda sena oħra, sakemm il-klassijiet kollha fil-livell sekondarju ikunu koperti. Dan għandu jwassal biex fi żmien ftit snin, kull student li joħroġ mill-iskejjel ta' l-istat ikun ingħata taħriġ u idealment ikun ġab l-ECDL.

Madankollhu biex l-istudenti li bħalissa qiegħdin fl-aħħar sena tas-sekondarja ikollhom ukoll l-opportunita' li jġibu l-ECDL, il-Gvern qed jipprovdi ‘conversion courses’ wara l-ħin ta' l-iskola. Dawn il-korsijiet għall-istudenti tal-Form 5 se jibdew malli jispiċċaw l-eżamijiet tas-SEC biex ma jtellfux lill-istudenti, u se jkunu offruti b'mod volontarju (jiġifieri mhux bilfors).

Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea qal li dan it-taħriġ hu meħtieġ ħafna għal kulħadd fid-dinja tax-xogħol ta' llum. Il-Gvern ħejja pjan biex fi żmien qasir, l-istudenti li joħorġu mill-iskejjel sekondarji ta' l-istat ikollhom livell bażiku ta' litteriżmu fl-użu tal-kompjuters, li hu rikonoxxut b'mod wiesgħa f'pajjiżna kif ukoll internazzjonalment. Il-Ministru qal li kien Gvern Nazzjonalista li ftit snin ilu kellu viżjoni ċara fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informatika u beda jwettaq pjan b'investiment kbir biex pajjiżna jkollu l-infrastruttura u r-riżorsi umani, biex inkunu minn ta' quddiem f'dawn l-oqsma. Fl-edukazzjoni biss, il-Gvern investa aktar minn Lm8 miljun u llum pajjiżna qiegħed minn ta' quddiem fir-riżorsi li għandu fil-qasam edukattiv. Ftit aktar minn sena ilu, il-Gvern beda jghaqqad f’network il-5000 kompjuter li hemm fl-iskejjel ta' l-iStat u l-parti l-kbira (90%) illum għandhom aċċess għall-Internet.

Louis Galea qal li t-taħriġ fl-ECDL hu ħolqa oħra f'din il-katina ta' inizjattivi li ttieħdu, biex pajjiżna u l-poplu Malti jkunu kapaċi jattiraw kumpaniji u investiment li jfisser aktar ġid għall-poplu Malti. Il-Ministru Galea temm jappella lill-ġenituri u lill-istudenti b'mod partikolari, biex ma jitilfux din l-opportunita' biex jitħarrġu fl-użu tal-kompjuters għax kull ma jmur l-użu tal-kompjuters qed jiżdied f'kull qasam u għalhekk l-ECDL se jkun għodda importanti għall-ġejjieni.

Il-Ministru Austin Gatt fid-diskors tiegħu, fisser din l-inizjattiva bħala waħda li permezz tagħha qegħdin inkomplu ninsġu xibka ta’ programmi edukattivi mmirati lejn it-tkattir tal-ħiliet taż-żgħażagħ tagħna fl-użu tat-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni. “Dan huwa pass li jikkonferma d-determinazzjoni ta’ dan il-Gvern biex iressaq lill-istudenti u lill-ħaddiema Maltin lejn livelli dejjem ogħla ta’ ħiliet”, kompla Dr. Gatt. Wieħed irid isemmi l-fatt li l-ECDL, huwa r-rekwiżit bażiku għall-impjiegi hekk imsejha knowledge based. Mhux biss, illum l-ECDL, huwa l-eżami standard fejn jidħlu mpjiegi li fihom il-ħaddiem ikollu bżonn juża l-informatika. Dr. Gatt semma’ kif fiċ-Ċivil tneħħa t-typing bħala rekwiżit u minflok qed jintalab iċ-ċertifikat ta’ l-ECDL.

Dr. Gatt semma kif l-ECDL kien introdott f’Malta minn diversi skejjel privati, tal-knisja, u ċentri ta’ tagħlim tal-kompjuter u kien wassal biex jkun hemm aċċessibilita limitata u sa ċertu punt kompromessa. Il-Ministru Gatt żied li “kien għallhekk li s-sena l-oħra, ġibna flimkien lill-Kummissjoni eMalta, il-Computer Society of Malta, l-MCAST, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Ministeru tiegħi, biex mingħajr ma niddupplikaw ir-riżorsi nistabilixxu l-ECDL bħala ċ-ċertifikazzjoni bażika tal-ħiliet fl-ICT.”

Il-Ministru Gatt qal li filwaqt li wieħed irid iqis il-valur qawwi ta’ din l-inizjattiva, din trid tiġi kunsidrata fil-kuntest kollu li fih qegħdin ninsġu xibka ta’ edukazzjoni fil-ħiliet tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni u l-kommunikazzjoni.

Il-Gvern ibbaża l-istrateġija tiegħu fuq erba’ pilastri.

  • Għoti ta’ taħriġ bażiku fl-ICT b’xejn lil kullħadd. Dan qed isir permezz ta’ l-inizjattiva ‘myWeb’ fejn s’issa applikaw madwar 9,000 persuna.
  • Ċertifikazzjoni fil-ħiliet bażiċi għall-istudenti fl-iskejjel sekondarji permezz ta’ l-ECDL.
  • Ċertifikazzjoni ta’ l-ogħla livell f’oqsma speċjaliżżati. Dan jinkludi ċ-ċertifikazzjonjiet li jipprovdu l-Microsoft, Cisco, u Oracle. Din l-inizjattiva għandha twassal biex 150 student jiggradwaw kull sena f’kull ċertifikazzjoni.
  • Taħriġ akkademiku li qed jingħata fl-MCAST u l-Universita, f’korsijiet speċjaliżżati fl-ICT.

Austin Gatt żied jghid li qed jittieħdu dawn l-inizjattivi għax irridu nkattru dan il-qasam bil-kbir u għaliex nemmnu fil-ħiliet tal-Maltin u l-Għawdxin.

Dr. Gatt spjega li r-realta’ hija li l-kejl fil-politika huma l-fatti u mhux il-paroli. Minflok il-kliem ta’ qtiegħ il-qalb, kliem dwar diviżjoni tal-klassijiet soċjali, kliem li jbeżżgħa li jogħlew il-pagi, il-Gvern qed jipprovdi t-taħriġ kollu neċċessarju biex kull student, zgħażugħ u żgħażugħa, jkunu jistgħu jieħdu l-opportunitajiet li joffri dan il-qasam, għax nemmnu li kullħadd għandu l-kapaċitajiet biex jirnexxi.

Austin Gatt temm jgħid li "Qegħdin nieħdu dawn l-inizjattivi għax nemmnu li l-ħaddiema Maltin f’dan il-qasam huma fost l-aqwa fid-dinja, u għalhekk ġibna l-aqwa kumpaniji jaħdmu magħna u jgħallmu lill-istudenti tagħna."

Il-Ministri Louis Galea u Austin Gatt qalu wkoll li fil-jiem li għaddew kitbu lill-ġenituri ta' l-istudenti fil-Form 5 biex jgħarrfuhom b'dak li kien qed iseħħ u biex iħeġġuhom japplikaw għall-conversion course. Diġa bdew dieħlin l-applikazzjonijiet. Sa issa applikaw 900 student.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  First 12 semiconductor start-ups complete Silicon Catalyst’s incubation programme, with some now setting up operations in Malta

PR261934en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-ewwel 12-il start-up fis-settur tas-semikondutturi jtemmu l-programm ta’ Silicon Catalyst u wħud minnhom qed jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta

PR261934

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow