PROSPETTI MILL-AQWA GĦALL-INĠINIERA MALTIN
Il-professjoni ta’ l-inġiniera hi intrinsikament marbuta mas-settur tal-kostruzzjoni u l-bejgħ tal-proprjeta’. Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura meta qassam warrants lill-inġiniera.
Francis Zammit Dimech qal li bejn l-1999 u Settembru 2002 sar investiment reali fiss ta’ Lm1,267 miljun li Lm408 miljun minnhom, jew aktar minn 32 fil-mija, marru f’bini u xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Fl-istess waqt bejn l-1999 u l-2000 inbiegħet b’kemm tiswa Lm1,127 miljun ta’ proprjeta’.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li dawn iċ-ċifri juru mhux biss l-importanza ta’ dan is-settur iżda li dan hu wieħed f’saħħtu tant li fl-aħħar erba’ snin żied sew is-sehem li qed jagħti għall-Prodott Gross Domestiku kif ukoll kabbar il-profitti. Fl-istess perijodu id-dħul mix-xogħol kiber bi kważi 40 fil-mija filwaqt li n-numru ta’ ħaddiema żdiedu bi 800.
Żied jgħid li darba li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea, l-prospetti ghal dan is-settur huma eċċellenti għaliex studju li sar mill-Professur Ali Bayar u li kien ikkumissjonat mill-Malta Businesss Bureauwera li s-sħubija mistennija tissarraf f’żieda ta’ disa’ fil-mija aktar xogħol u 6.6 fil-mija aktar impjiegi.
Sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet ġġib magħha żewġ opportunitajiet importanti għall-inġiniera. Dawn huma
- Żieda qawwija fi proġetti kapitali minħabba li pajjiżna se jgawdi minn Lm81 miljun ta’ fondi mill-UE u Lm30 miljun ta’ fondi mill-Protokoll Taljan għal proġetti kapitali fi tliet snin.
- Opportunitajiet għall-inġiniera Maltin li jagħtu s-servizz tagħhom f’suq ta’ 500 miljun.
L-inġiniera Maltin diġa kienu qed jippreparaw irwieħhom għal dawn l-isfidi ġodda tant li diġa kien hemm minnhom li qed jibbenefikaw minn programmi ta’ l-UE li jinkoraġixxu r-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni filwaqt li jippromwovu s-saħħa u s-sigurta’ fil-post tax-xogħol.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li n-numru ta’ inġiniera f’pajjiż kien ikkunsidrat bħala indikatur tal-livell ta’ l-iżvilupp. Fil-kuntest ta’ l-Unjoni Ewropea n-numru ta’ inġiniera f’pajjiż kandidat kien indikatur importanti ta’ jekk dan il-pajjiż għandux l-infrastruttura li twasslu jilħaq l-opportunitajiet tas-sħubija. Hu qal li s-sħubija kienet toffri l-possibilta’ lill-inġiniera li jutilizzaw n-natura internazzjonali tal-professjoni tagħhom bl-aħjar mod possibbli. Hu qal li kien għalhekk li numru ta’ ditti ta’ konsulenza fl-inġinerija fl-UE kienu jħarsu lejn il-proċess tat-tkabbir bħala opportunita’ li jippenetraw swieq ġodda, b’mod partikolari dawk f’pajjiżi ta’ l-Ewropa Ċentrali u l-Ewropa tal-Lvant.
Francis Zammit Dimech qal li l-moviment tal-persuni kien wieħed mill-erba’ libertajiet fundamentali li jipprovdi it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-acquis communautaire jinkludi f’dan il-qasam erba’ oqsma wiesgħa: ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali, id-drittijiet taċ-ċittadini, il-moviment ħieles tal-ħaddiema u l-koordinament ta’ sistemi tas-sigurta’ soċjali.
F’pajjiżna hawn jaħdmu llum aktar minn 700 inġinier li qed jagħtu kontribut qawwi u importanti għall-ekonomija nazzjonali. Hu qal li dawn il-professjonisti kellhom quddiemhom żminijiet interessanti u ta’ opportunitajiet li kien ċert li kienu ippreparati għalihom.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech awgura lill-inġiniera ġodda kull suċċess fil-professjoni tagħhom filwaqt li ħeġġiġhom biex fil-ħidma tagħhom jżommu quddiemhom dejjem mhux biss l-interessi tagħhom iżda fuq kollox dawk tal-pajjiż.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en