INDIRIZZ MILL-E.T. IL-PROF. GUIDO DE MARCO, PRESIDENT TA' MALTA, FL-OKKAŻJONI TA' L-GĦAXAR LAQGĦA TA' L-AMBAXXATURI MALTIN - IL-PALAZZ, VALLETTA - L-ERBGĦA, 8 TA' JANNAR 2003
Il-viżita tagħkom lill-Kap ta’ l-Istat mhix waħda ċerimonjali. Hija intiża biex turi r-rabta bejn l-ambaxxaturi ta’ Malta li f’isem il-President tagħha huma jirrapreżentaw lil pajjiżna u jħarsu, kif fid-dover, l-interessi ta’ arthom.
Din hija l-għaxar konferenza annwali ta’ l-ambaxxaturi. L-ewwel waħda kienet fl-1990. Dik il-ħabta ftit kienu l-istati li kienu jżommu konferenzi simili għall-ambaxxaturi tagħhom u għalhekk Malta kienet minn ta’ quddiemnett li bdiet dan it-tip ta’ laqgħat mar-rappreżentanti tagħha. Għall-ewwel darba, flimkien mal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, kienu bdew jiġu diskussi l-iżviluppi fir-relazzjonijiet internazzjonali, kif dawn l-iżviluppi jeffettwaw lil pajjiżna u x’għandha tkun il-politika barranija ta’ Malta fl-isfond ġeopolitiku tagħna.
Mexxejt l-ewwel seba’ konferenzi bħala Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin u irċevejtkom bħala Kap ta’ Stat dawn l-aħħar tlieta.
Meta żammejna l-ewwel konferenza ta’ l-ambaxxaturi f’Awissu 1990 konna qegħdin ngħixu kontradizzjoni. F’Diċembru ta’ l-1989 fil-laqgħa Bush – Gorbachev f’Malta ntemmet il-Gwerra l-Bierda. Kien għadu kemm l-Iraq invada l-Kuwajt u oblitera l-eżistenza ta’ dan l-istat sovran u membru tan-Nazzjonijiet Uniti. Ftit ġimgħat wara din l-ewwel konferenza ġejt elett President ta’ l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u bħala tali għixt mill-viċin din il-kriżi. Segwejt mill-qrib id-diskussjonijiet kollha li wasslu lill-Kunsill tas-Sigurtà jieħu passi kontra l-Iraq għal-liberazzjoni tal-Kuwajt.
Il-Medju Orjent kien għaddej mill-ewwel Intifada u l-preżenza tiegħi fl-artijiet okkupati fil-bidu ta’ Jannar 1991 kienet waħda elokwenti ta’ interess ta’ l-Assemblea Ġenerali, mhux biss li jiġi liberat mill-okkupazzjoni l-Kuwajt, imma wkoll li l-poplu Palestinjan ma jibqax rifuġjat f’pajjiżu.
Propju ftit gimgħat qabel l-ewwel konferenza ta’ l-ambaxxaturi Maltin, Malta fis-16 ta’ Lulju 1990, ippreżentat id-domanda tagħha għad-dħul fl-allura Komunità Ewropea, illum l-Unjoni Ewropea.
Huwa tajjeb għalhekk li naraw il-bidliet li twettqu fix-xena nazzjonali kif ukoll f’dik internazzjonali fl-ispazju ta’ tnax-il sena u nofs.
Mill-aspett nazzjonali l-proċess li nbeda għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fis-16 ta’ Lulju 1990, interrott lejn l-aħħar tas-sena 1996 u rijattivat f’Settembru ta’ l-1998, issa wasal fit-tmiem tiegħu. Fit-13 ta’ Diċembru 2002, f’Jum ir-Repubblika, ġew konklużi dawn in-negozjati. Issa hu f’idejn il-poplu Malti, fl-eżerċizzju tar-rieda sovrana tiegħu li fid-dawl tal-pakkett milħuq f’dawn in-negozjati jiddeċiedi dwar l-appartenenza tiegħu fl-Unjoni Ewropea.
Kienu snin ta’ diskussjonijiet politici kif ukoll ta’ negozjati fit-tul. Irrid f’dan il-kontest insemmi x-xogħol siewi li sar mill-Onorevoli Ministru, mill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin u b’enfasi partikolari mill-Ambaxxatur ta’ Malta fi Brussell u lill-ambaxxaturi u d-diplomatici li mill-1990 ħadmu b’dedikazzjoni u b’kapacità għal dan il-għan; kif ukoll lill-Core Negotiating Group u liċ-Chairman tieghu.
Is-sitwazzjoni internazzjonali in parti għadha tgħix kemm il-konsegwenzi tal-Kuwajt kif ukoll it-tragedja tal-Medju Orjent. F’dan il-kontest toħroġ b’rilevanza l-bżonn u r-rwol tan-Nazzjonijiet Uniti. Fl-1990, kull azzjoni ta’ sanzjoni ekonomika u militari saru b’riżultat tal-ħidma diplomatika intensiva fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti u bis-saħħa ta’ riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà. Kienet ġenerali l-fehma li l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, liberata mill-paraliżi tal-Gwerra l-Bierda kienet se tassumi r-rwol li lilha jispetta skond il-Karta, bażi ta’ politika multilaterali tal-popli. Fil-fatt l-Iraq għadu protagonista fis-sitwazzjoni internazzjonali u r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti 1441 hija rabta importanti u sine qua non li jekk se tinvolvi l-użu tal-forza jenħtieġ qabel il-kunsens tal-Kunsill tas-Sigurtà.
Il-poplu Palestinjan fl-1990 kien qiegħed jistenna li Nazzjonijiet Uniti kienu se jagħmlu mir-riżoluzzjonijiet relattivi għalihom, in partikolari 242 u 338, realtà. Wara rebbiegħa ta’ speranza li waslet għal ftehim ta’ Oslo, is-sitwazzjoni llum hija waħda fejn dawn ir-rizoluzzjonijiet huma ittri mejta u fejn it-tieni Intifada qegħda tkompli twassal għall-vittmi ta’ l-okkupazzjoni Israeljana fit-territorju Palestinjan u fejn l-arma tat-terroriżmu tkompli toħloq vittmi innoċenti. Hu f’dan l-isfond li din l-għaxar konferenza ta’ l-ambaxxaturi Maltin qegħda sseħħ.
Ir-rwol ta’ pajjiżna f’dan il-kontest internazzjonali jitlob minnkom viżjoni u realiżmu. Għaliex Malta, f’ċertu sens tgħix kontradizzjoni bejn il-pożizzjoni strateġika fil-qalba tal-Mediterran u ċ-ċokon ġeografiku tagħha, bejn il-politika bbażata fuq il-prinċipji li dejjem immotivawha u r-realiżmu ta’ l-influenzi tagħna f’dan il-kontest. Però jekk għandi nagħti l-opinjoni tiegħi, qatt ma sibtni mxekkel bejn il-viżjoni politika ta’ Malta u r-realiżmu għaliex dejjem għarafna nagħtu bażi realistika lill-idealiżmu tagħna.
Kien dan li mexxa l-ħsieb politiku Malti f’Helsinki I li pprovoka l-ħolqien ta’ l-hekk imsejjaħ Mediterranean Basket. Kien l-istess realiżmu u viżjoni tal-ħsieb politiku Malti li f’Helsinki II għamlu mill-OSCE, arranġament reġjonali skond it-termini ta’ Kapitolu VIII ta’ l-Karta ta’ l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Kien dan is-sens ta’ viżjoni u realiżmu li pprovoka l-ideat seminali li Arvid Pardo żera’ fin-Nazzjonijiet Uniti u li jibqgħu l-aspirazzjoni mhux biss f’kuntest ta’ Ligi tal-Baħar iżda anki lil hinn minnha, il-kunċett tal-wirt komuni ta’ l-umanità. U għalkemm illum tidher fil-bogħod ir-realizzazzjoni li Trusteeship Council jevolvi ruħu fil-kunsill fiduċjarju li jieħu ħsieb mhux biss il-wirt komuni ta’ l-umanità, iżda wkoll li jħares id-drittijiet ta’ ġenerazzjonijiet futuri, il-ħarsien ta’ dawk il-popli li jsibu ruħhom bla strutturi ta’ Gvern, u fuq kollox ir-rifuġjati tal-ġuħ li fil-baħar Mediterran iwasslu l-miżerja tagħhom anki fuq xtutna, xorta din il-proposta għandha tibqa’ tmexxi l-ħsieb ta’ Malta fin-Nazzjonijiet Uniti għaliex hi inizjattiva ta’ viżjoni unika u li tagħmel, kif kitbet Elisabeth Mann Borgese mit-Trusteeship Council
" … the conscience of the UN and the guardian of future generations."
Meta ridna nagħmlu mill-korp diplomatiku, korp bi preparazzjoni professjonali, dan ridnieh isir għaliex nemmnu li biex nilħqu l-miri politiċi tagħna, kemm f’kuntest bilaterali kif ukoll multilaterali, għandna bżonn ta’ diplomatiċi li jkunu speċjalizzaw fil-karriera impenjattiva tagħhom. Jista’ jkun li għadna ma lħaqniex dak kollu li xtaqna, però għandi fiduċja li d-diplomatici taghna, mill-inqas grad sa l-ogħla wieħed, huma konxji mir-responsabilità ta’ xogħolhom.
Nemmen li d-diplomatiku llum għandu dmirijiet li jmorru ’l hinn mir-relazzjonijiet internazzjonali u li għandhom dover jippromwovu l-interessi ekonomiċi ta’ Malta. Dan hu li jien infittex li nagħmel fil-viżiti statali tiegħi. Is-sena li għaddiet mort fuq viżiti statali fl-Ungerija, f’Ċipru, fil-Greċja u fil-Polonja. F’dawn il-viżiti filwaqt li l-element politiku kellu l-importanza tiegħu, ma ttraskurajniex bla ebda mod l-aspett ekonomiku fil-kuntatti u fid-delegazzjoni li kienet takkompanjani.
Kien ukoll ta’ pjaċir għalija nilqa’ f’viżita statali lill-President tar-Repubblika Ċeka Vaclav Havel u lill-President tas-Slovenja Milan Kučan.
Is-sena 2003 se tkun sena determinanti għal pajjiżna. Tista’ tkun sena wkoll diffiċli mill-aspett internazzjonali. Jien nemmen illi l-poplu Malti se jagħmel l-għażliet tiegħu fil-valuri, fid-dijalettika politika, fir-rispett tad-demokrazija. Jiena konvint ukoll li l-Gvern u l-poplu Malti se jkomplu politika internazzjonali bbażata fuq il-ħarsien tal-kostituzzjoni tagħna, improntat minn politika ispirata fuq il-prinċipji ta’ solidarjetà. Ma jistax ikollna l-hekk imsejħa paceminterris jekk mhux fuq il-pilastri tal-verità, tal-ġustizzja, ta’ l-imħabba, u tal-libertà, pilastri li kif semma’ tajjeb il-Papa Ġwanni Pawlu II huma l-impenn permanenti għall-paċi fid-dinja.
Jiena konvint, sinjuri ambaxxaturi, li intom taqblu ma’ dan.
B’dawn il-ħsibijiet nawgura lilkom, lill-familji tagħkom u lill-kollaboraturi tagħkom is-sena t-tajba.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en