It-3 rapport tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Gustizzja (Ottubru 2001 sa Settembru 2002)
Il-Kummissjoni ghall-Amministrazzjoni tal-Gustizzja hija ppreseduta mill-E.T. il-President ta’ Malta, l-Prof. Guido de Marco.
Il-Prim Imħallef Joseph Said Pullicino kien Deputy Chairman sal-15 ta’ Jannar 2002. Il-Prim Imħallef Noel Arrigo kien Deputy Chairman sad-9 ta’ Awissu 2002. Il-Prim Imħallef Vincent De Gaetano huwa l-attwali Deputy Chairman.
Il-membri l-oħra ta’ din il-Kummissjoni huma l-Avukat Ġenerali, Dottor Anthony Borg Barthet. L-Imħallef Carmel A. Agius kien membru sa Novembru 2001 u fit-30 ta’ Novembru 2001 ġie elett l-Imħallef Joseph D. Camilleri. L-Imħallef Franco Depasquale kien membru sat-8 ta’ April 2002, u l-Imħallef Vincent De Gaetano ġie elett fit-8 ta’April 2002. L-Imħallef Joseph A. Filletti ġie elett fl-20 ta’ Settembru 2002 minflok l-Imħallef Vincent De Gaetano li ġie elevat għall-kariga ta’ Prim Imħallef.
Il-Maġistrati Silvio Meli u Denis Montebello ġew ri-eletti fit-8 ta’ April 2002.
Membri oħra tal-Kummissjoni huma l-President tal-Kamra ta’ l-Avukati, li huwa l-Avukat Dottor Joseph Azzopardi, l-Imħallef Victor Caruana Colombo li reġa’ inħatar mill-Prim Ministru f’Settembru 2002, u l-Avukat Dottor Joseph Micallef Stafrace li wkoll reġa’ ġie nominat mill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni f’Settembru 2002.
Il-Kummissjoni ltaqgħet 14-il darba minn Ottubru 2001 sa Settembru 2002.
1. F’dan il-perijodu, il-Kummissjoni rċeviet wieħed u sittin (61) ilment mill-pubbliku. Ġew riferiti lill-Kumitat għall-Avukati tmienja u għoxrin (28) ilment. Minn Ottubru 2001 sa Settembru 2002 ġew deċiżi mill-Kumitat għall-Avukati erba’ u għoxrin (24) ilment. Għad hemm pendenti quddiem il-Kumitat għall-Avukati ħamsa u erbgħin (45) ilment. Lill-Kumitat għall-Prokuraturi Legali ġew riferiti żewġ (2) ilmenti, li t-tnejn jinsabu deċiżi. Mill-ilmenti li ġew riferiti lill-Kummissjoni kien hemm erba’ (4) li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tagħha. Seba’ (7) ilmenti għadhom pendenti għax il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni. Kien hemm sbatax (17) -il ilment fuq dewmien ta’ kawżi, li tlieta (3) minnhom ġew konklużi.
Ġew riferiti lill-Kummissjoni tlett (3) ilmenti dwar ġudikanti. Il-Kummissjoni teżamina dan fl-isfond tal-Kodiċi ta’ l-Etika għall-ġudikanti li hi approvat is-sena li għaddiet u li qiegħda tapplika. Il-Kummissjoni ddeċiedet li tittratta ilmenti fil-konfront ta’ ġudikanti b’dan il-mod: f’kaz ta’ ilment kontra Imħallef is-sotto-kummissjoni tkun komposta mill-Prim Imħallef, minn Imħallef elett minn wieħed miż-żewġ Imħallfin eletti mill-Imħallfin stess u dan isir b’sistema ta’ rotazzjoni, u minn membru tal-Kummissjoni nnominat mill-Prim Ministru jew mill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni dejjem b’sistema ta’ rotazzjoni. Għal dak li jirrigwarda lment dwar Maġistrati japplika l-istess sistema, b’dan illi minflok Imħallef ikun hemm wieħed mill-Maġistrati eletti.
- Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni applikat id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 11 ta’ l-Att XI ta’ l-1994. Ir-riżultati li ħarġu mill-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu juru li sal-15 ta' Jannar 2002, kien hemm 2713 kawża quddiem il-Qrati Superjuri Ċivili, 158 kawża quddiem il-Qrati Inferjuri Ċivili u 81 kawża quddiem Bord li ilhom ħames snin jew aktar pendenti. Dan huwa numru li jeħtieġ l-attenzjoni sħiħa tal-ġudikatura u ta’ kull min għandu responsabbilita’ għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. F’ċerti każijiet partikolari, l-Kummissjoni qegħda titlob spjegazzjonijiet dwar dan id-dewmien. Is-sistema addottata f’dan il-każ hu li l-President jinkariga lill-Prim Imħallef sabiex huwa jara mal-ġudikant konċernat ir-raġuni tad-dewmien u flimkien miegħu jara x’soluzzjonijiet jistgħu jinstabu. F’każi eċċezzjonali, u fejn ma tkunx instabet raġuni jew soluzzjoni, il-Prim Imħallef jirriferi lill-President tal-Kummissjoni.
- Il-Kummissjoni qiegħda wkoll teżamina każijiet ta’ ġudikanti li għalihom japplika l-Kodiċi ta’ Etika għall-ġudikanti, partikolarment ir-Regoli 9 u 10. Il-kwistjoni kienet qed tiġi ttrattata wkoll fil-Parlament permezz ta’ abbozz ta’ liġi fir-rigward ta’ Artikolu 16 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili. Dan jispjega għaliex ċerti konklużjonijiet għad ma ġewx milħuqa. Il-ħsieb tal-Kummissjoni hu dak li s-soluzzjonijiet jinstabu in sintonija mal-leġislazzjoni li qiegħda tiġi proposta fil-Parlament, kompatibilment dan ma’ dak li jistabilixxu l-Kostituzzjoni u l-Kodiċi ta’ Etika għall-ġudikanti.
- Il-Kummissjoni ddiskutiet u ħadet passi rigward:
- Għall-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja kienu ta’ preokkupazzjoni partikolari l-każijiet taż-żewġ ġudikanti riferiti lilha mill-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati b'ittra datata 5 ta' Awissu 2002, indirizzata lill-E.T. il-President fil-kwalita' tiegħu ta' President tal-Kummissjoni, skond dak li hemm maħsub fl-Artikolu 9(1) ta’ l-Att dwar Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, Kap 369. Qabel ma l-Kummissjoni bdiet tittratta l-ittra datata 5 ta’ Awissu 2002, il-Kummissjoni nnotat, fis-seduta tagħha tas-7 ta’ Awissu 2002, li l-allura Prim Imħallef u Deputy Chairman tal-Kummissjoni, ma setgħax jieħu parti fix-xogħol tal-Kummissjoni, peress li kien wieħed mill-Imħallfin ċitati. Għalhekk il-Kummissjoni qablet li l-Aġent Prim Imħallef Joseph David Camilleri, membru wkoll tal-Kummissjoni, ikollu l-funzjoni ta’ Deputy Chairman, u dan sakemm il-Kummissjoni tiddeċiedi mod ieħor. Il-President ta’ Malta ikkonsulta wkoll mal-membri tal-Kummissjoni dwar x’għandu jkun r-rwol tiegħu f’każ ta’ mozzjoni għat-tneħħija ta’ ġudikant. Il-President, wara konsultazzjoni, deherlu li f’każ ta' mozzjoni simili huwa kien ser jagħmel bħal predeċessur tiegħu u ma jieħux parti, peress li fi kwistjoni ta’ din in-natura huwa finalment, f’każ ta’ eżitu sfavorevoli għall-ġudikant, ikun irid jirċievi l-indirizz tal-Kamra tad-Deputati. Kien f’dan l-istadju li ġiet moqrija l-ittra li l-President ta’ Malta rċieva mingħand l-iSpeaker fil-5 t’Awissu, 2002. Qara wkoll il-mozzjoni mressqa fil-Parlament u d-dikjarazzjoni li hemm magħha kif mibgħuta lilu mill-iSpeaker. Il-President iddikjara li fid-dawl ta’ deċiżjoni minnu ġa meħuda, huwa ma kienx ser jieħu parti fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja fir-rigward tal-mozzjoni għat-tneħħija tal-Prim Imħallef Noel Arrigo u l-Imħallef Patrick Vella. Peress illi, fid-9 ta’ Awissu 2002, il-Prim Imħallef Noel Arrigo irriżenja mill-karigi tiegħu u l-Imħallef Patrick Vella irriżenja fit-12 t’Awissu 2002, liema riżenji ġew aċċettati mill-President ta’ Malta, il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja ppreseduta mill-Aġent Prim Imħallef astjeniet milli tieħu konjizzjoni ulterjuri tal-mozzjoni għat-tneħħija ta’ l-Imħallfin imsemmija billi huma ma kienux għadhom jokkupaw il-karigi rispettivi tagħhom. L-Aġent Prim Imħallef informa b’dan lill-iSpeaker.
- Il-Kummissjoni eżaminat b'attenzjoni l-abbozz ta' liġi numru 140, ippublikat fl-10 ta' Ottubru 2001. F' dan l-abbozz ta' liġi kien hemm kontemplat li l-Prosekutur Ġenerali jkun ex officio membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (ara klawsola numru 11). L-inserzjoni ta' Prosekutur Ġenerali fil-Kummissjoni kienet taltera l-inbuilt majority, li għandha l-ġudikatura fi ħdan l-istess Kummissjoni. Wara konsultazzjoni bejn il-President ta’ Malta u l-Ministru tal-Ġustizzja, kif ukoll wara l-iskambju ta' korrispondenza, il-Ministru Austin Gatt ikkonferma li hu kien ser jirtira l-proposta li l-Prosekutur Ġenerali jkun membru tal-Kummissjoni, u dan biex jiġi żgurat li jinżamm il-bilanċ eżistenti fil-kompożizzjoni tal-membri tal-Kummissjoni li fil-preżent hu ta' ħames ġudikanti u erba' non-ġudikanti.
- Qiegħda tiġi nkluża f’dan ir-rapport riferenza għal sitwazzjoni li qamet in konnessjoni man-nomina għal Imħallef ta’ l-Avukat Dottor Andrè Camilleri. Dan qiegħed isir ukoll minħabba l-fatt li l-kwistjoni tirrisali għas-26 ta’ Settembru 2002, jiġifieri matul il-perijodu li għalih jirriferixxi dan ir-rapport.
- Il-Kummissjoni, kif inhi fid-dmir li tagħmel, qed issegwi b’attenzjoni kemm l-iżvilupp tal-liġi fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja u l-possibilita’ ta’ xi inkompatibilita’ bejn il-funzjoni ta’ ġudikant u xi attivita’ oħra li ġudikant jista’ jkollu. Il-Kummissjoni qed tagħti l-attenzjoni tagħha għall-problemi ta’ dewmien fis-smigħ ta’ kawżi, problemi li ġew aggravati minn avvenimenti reċenti.
- Il-Kummissjoni tirriafferma l-fiduċja tagħha fil-ġudikatura u fis-sistema ġudizzjarja Maltija u hija konvinta li kull min hu nvolut ser ikompli jagħti s-servizz tiegħu lill-pajjiż b’dedikazzjoni u b’integrita’ sħiħa.
a Inkjesti pendenti tal-Maġistrati: minn indaġini li saret irriżulta li hemm numru ta’ inkjesti pendenti. Fil-każijiet fejn dawn jidhru li ilhom pendenti żmien twil il-Kummissjoni qiegħda tindaga r-raġunijiet għal dan id-dewmien.
b. Ordinament fit-tmexxija tas-seduti fil-Qrati tal-Maġistrati, in partikolari bil-ħsieb li s-smiegħ tal-kawżi jitqassam f’żewġ ħinijiet differenti, bi grupp jinstema’ mid-9:00 sal-11:00 ta’ filgħodu, u grupp ieħor jinstema’ mill-11.00 a.m. ‘l quddiem, u dan mingħajr preġudizzju għal arranġamenti oħra simili. B’hekk wieħed jittama li tiġi evitata il-konġestjoni u t-telf ta’ żmien għal ħafna nies li jiġu msejħa biex jixhdu. Dan japplika wkoll għal min hu msejjaħ b’avviz biex jidher quddiem il-Qrati tal-Maġistrati. Din is-sistema ġiet introdotta fi stadju ta’ esperiment.
B’ittra tas-26 ta’ Settembru 2002 il-Prim Ministru nforma lill-President tal-Kummissjoni li huwa kellu l-intenzjoni li jagħtih parir bħala President ta’ Malta biex jaħtar lill-Maġistrat Dottor Noel Cuschieri u lill-Avukat Dottor Andrè Camilleri bħala Mħallfin b’effett mid-9 ta’ Ottubru 2002, u talab li l-Kummissjoni a tenur ta’ l-artikolu 101A(11)(c) tagħti l-parir tagħha dwar il-ħatra taż-żewġ persuni msemmija għall-kariga ndikata. Dwar din is-sitwazzjoni l-Kummissjoni ma tridx terga’ tiftaħ id-dibattitu. Biss il-Kummissjoni trid tirriafferma li l-parir mitlub minnha, kwantu jirrigwarda Dott Camilleri, ġie mogħti a bażi ta’ dokumentazzjoni pprovduta mill-istess awtorita` wara talba tal-Kummissjoni li jintbagħtulha l-curriculum vitae ta’ l-Avukat Camilleri kif ukoll kull informazzjoni li setgħet tinċidi fuq in-nomina għal Imħallef ta’ l-istess Avukat Camilleri, u dan sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti parir fiż-żmien qasir mitlub.
Effettivament, il-Kummissjoni tat il-parir tagħha dwar il-ħatra ta’ Dottor Camilleri, u l-Prim Ministru għadda, kif kien intitolat jgħaddi, għall-għoti tal-parir lill-President ta’ Malta għan-nomina ta’ Dottor Camilleri għall-kariga ta’ Mħallef. Dan il-parir tal-Prim Ministru ġie debitament aċċettat mill-President ta’ Malta, u appena ġie hekk aċċettat il-Kummissjoni ma setgħetx terġa b’xi mod tidħol fil-kwistjoni għaliex ma kellhiex bil-liġi aktar funzjoni x’taqdi fir-rigward ta’ ħatra li kienet ġa saret.
Il-Kummissjoni (li fiha l-President għandu biss casting vote), aġixxiet b’ consensus fost il-membri tagħha fil-parir li tat lill-Onorevoli Prim Ministru fl-ittra tagħha tas-7 ta’ Ottubru 2002.
Il-Kummissjoni aġixxiet ukoll b’consensus fid-deċizjoni tagħha li ma setgħetx legalment tisma’ provi jew tieħu dokumentazzjoni oħra wara l-ħatra fil-kariga ta’ Imħallef ta’ l-istess Dott. Andrè Camilleri.
Other Press Releases:
PR261932
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...
PR261931