Left arrow Go Back

TNAQQIS FIL-BUROKRAZIJA U SIMPLIFIKAZZJONI TA’ PROĊEDURI JWASSLU GĦAL ŻJIEDA FL-IMPJIEGI U OPPORTUNITAJIET GĦAN-NEGOZJU

pr1245
Date Icon 22/10/2003

“Is-settur tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa f’pajjiżna huwa wieħed mill-aktar setturi kummerċjali li fih il-kompetizzjoni qeda dejjem iżjed tiħrax.  Illum jiena konxju li meta l-Gvern issimplifika l-proċess tal-ħruġ tal-liċenzji tan-negozji u waqqaf it-Trade Licencing Unit bħala Dipartiment li joħroġ il-liċenzji tan-negozji, l-Gvern wasal biex għen sabiex f’pajjiżna jkun iffaċilitat aktar il-ftuħ tal-ħwienet ġodda, kif ukoll il-bdil tal-ġeneru jew ownership ta’ ħwienet ġodda”   Dan qalu s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomici, l-Onor. Edwin Vassallo meta  kien qed jindirizza seminar organizzat minn kumpanija privata f’H’Attard. 

“Fl-ewwel sena ta’ ħidma minn Mejju 2002 sa Mejju 2003, it-Trade Licencing Unit biss, ħareġ 1421 liċenzja tan-negozju u għalaq l-ewwel sena b’1,038 applikazzjoni ta’ liċenzji li kienu qedin jigu proċessati. 

Meta wieħed iħares lejn f’hiex kienu jikkonsistu 1421 liċenzja li  ġew ipproċessati, għandu jsib li fosthom kien hemm: 

458 liċenzji ta’negozji ġodda,
240 bdil ta’ sid (change of ownership)tal-liċenzji
130 bejjiegħa fit-toroq
220 bejjiegħa tas-swieq
24 permess ta’ fiera kummerċjali
116 kanċellazzjoni ta’ negozju 

Meta qed nirreferi għal dawn il-liċenzji, mhux qed nirreferi għall-bars jew restaurants, iżda qed nirreferi biss għar-retail u wholesale kif ukoll għal manifattura.  Hawn tajjeb li nirreferi wkoll li llum bis-sistema l-ġdida, il-bidla kbira li saret kienet il-mod ta’ kif kienu kklassifikati l-kategoriji tas-setturi tan-negozju. Bil-proċess il-ġdid, l-kategoriji tan-negozji huma llum aktar miftuħa u dan għaliex il-liċenzja  m’għadiex toħroġ itemized b’lista ta’ prodotti li jkunu jistgħu jinbiegħu, iżda tispeċifika biss il-ġeneru tan-negozju.  Din il-bidla saret biex tagħti aktar opportunita’ lil tal-ħanut ibiegħ aktar varjeta’ ta’ prodotti li jkunu jikkorrispondu ma’ dik il-kategorija jew natura ta’ kummerċ. 

Bidla oħra li saret hi li kull min japplika għal-liċenzja ta’ manifattura jkun qed jingħatalu awtomatikament il-permess li jbiegħ dak li jimmanifattura. Qabel, kull min kien japplika għal-liċenzja tal-manifattura, kien ikollu japplika wkoll għal-liċenzja oħra tal-bejgħ. 

Dawn il-bidliet kollha saru parti minn eżerċizzju ta’ simplifikazzjoni tal-liġijiet u burokrazija. Is-simplifikazzjoni tal-burokrazija fiha nnifisha tasal biex tgħin fil-ħolqien ta’ aktar impjiegi. 

Nasal għal din il-konklużjoni għaliex illum meta nħares lejn kif żdied in-numru ta’ dawk li qegħdin jaħdmu fis-settur tal-wholesale u r-retail, wieħed isib li dan is-settur mill-2001 sa’ l- 2003, ħoloq 1189 impjieg ġdid.  F’dan l-istess perjodu, tajjeb ukoll li nosservaw li filwaqt li naqsu n-numru ta’ self-employed, jiġifieri persuni li jaħdmu għal rashom, kellna iżjed persuni li spiċċaw employers għaliex bdew jimpjegaw persuni oħrajn jaħdmu magħhom. 

Wholesale and Retail Sector
                       Dec              Mar                    Absolute           %
                      2001             2003                  change             change
Self-employed 5488           5035                  -453                       -8.3
1 to 10    emp.  8485           8881                     396                   4.7
11 to 49  emp   4519            5675                  1156                  25.6
50+       emp.    2161            2251                      90                  4.2
total                 20653          21842                   1189               
5.8

 Din l-istatistika mogħtija mill-NSO turi kif dan is-settur qed joħloq numru ta’ mpjiegi. 

Kif diġa’ kelli opportunita’ nirreferi għal dan l-argument drabi oħra, jiena konxju li dan huwa settur vulnerabbli ħafna għall-anqas ċaqlieqa.  Ftit inċertezza kapaċi titfa’ dan is-settur il-baħar.  Għalhekk ser inkun qed naħdem biex nara li dan is-settur ikun ukoll mgħejjun permezz tal-ħidma tal-Malta Enterprise.  Nemmen li kullħadd, kull entita’ Governattiva’ u Awtorita’, għandha tara f’dan is-settur il-kapaċita’ u l-enerġija għall-ħolqien ta’ mpjiegi ġodda. Issa l-isfida ta’ kullħadd hija li naħdmu biex l-impjiegi li nħolqu ma jintilfux. 

Dak li ntrebaħ maż-żmien u b’xoghol ta’ ħafna, jista’ f’daqqa waħda jintilef b’deċiżjoni ta’ ftit.  Għalhekk in-negozju qed jikber f’dan il-qasam u qegħdin naraw aktar investiment. Illum il-profitabbilita’ m’hiex bilfors qed tiżdied anzi nistgħu qegħdin f’sitwazzjoni fejn il-kompetittivita’ tant hija qalila, li l-profitabilita’ qed tonqos u ta’ dan tixhed ukoll ir-rata ta’ inflazzjoni li hija l-anqas li rajna f’dawn l-aħħar snin. 

Hawn qed nirreferi għall-mod ta’ kif il-liberalizazzjoni fis-swieq  wasslet biex tgħin ukoll fit-trażżin ta’ l-għoli tal-prezzijiet. Hawn nista’ nirreferi wkoll għal eżerċizzju ieħor ta’ simplifikazzjoni ta’ burokrazija u tnaqqis ta’ taxxi li l-konsumatur kien iħallas meta jixtri l-prodotti li fuqhom kellhom il-levies li issa ħafna minnhom diġa’ tneħħew.  Dan l-eżerċizzju wassal biex f’pajjiżna jkollna tnaqqis fil-prezzijiet.  

Kif għedt ukoll drabi oħra nemmen li f’dan il-waqt fejn pajjiżna qed jagħmel l-aħħar preparamenti għas-sħubija fl-UE, il-kummerċ ukoll għandu l-aspettativa’ tiegħu.  Hawn irrid nagħmel referenza għall-objettiv ta’ l-Unjoni Ewropea li tagħmel lilha nnifisha l-aktar ekonomija dinamika u kompetittiva bbażata fuq l-informazzjoni u t-taħriġ.  Jiena nippreferi ngħid ekonomija ntelliġenti, ekonomija li kapaċi tieħu d-deċiżjonijiet mhux fuq sentiment iżda fuq il-ħsieb.

Nirreferi ghal dan il-hsieb ghalhiex nemmen li f’pajjiżna kull min għandu negozju, għandu jara kif ser jagħmel ukoll lin-negozju tiegħu, negozju dinamiku u kompetittiv, ibbażat fuq l-informazzjoni u t-taħriġ.  Għandna bżonn ta’ negozju intelliġenti. Ħafna drabi nibda’ naħseb li jista’ jkollna ħafna overtrading.  L-overtrading jista’ jonqos kemm-il darba naraw iżjed speċjalizazzjoni u attenzjoni għan-novita’, u dan wara li ssir riċerka. Irrid nissuġġerixxi iżjed taħriġ fl-azjendi tagħna.  Irridu kontinwament inkunu konxji tal-bidla ta’ trends u diversifikazzjoni fin-nefqa tal-konsumatur.  Irridu kontinwament inkunu konxji fid-dmirjiet li l-liġijiet tal-konsumatur ipoġġu fuq min qiegħed fin-negozju.  Dawn il-liġijiet huma l-kundizzjonijiet tan-negozju tagħna. 

Jiena qieghed kontinwament nirreferi ghas-sena li ġejja bħala sena ddedikata għat-taħriġ. Ser nara li jkun hemm taħriġ għall-uffiċċjali li jaħdmu f’Dipartimenti Governattivi  sabiex jaqdukom aħjar. Ser jsiru seminars u taħriġ għal enforcement officers li jaħdmu ma’ diversi Awtoritajiet biex dawn jifhmu aħjar kif nistgħu niddixxiplinaw bis-sens u nnaqqsu l-arroganza.  Għalhekk jiena ngħid:  dixxiplina iva, arroganza le. 

Ser ikunu ppubblikati serje ta’ fuljetti li jagħtu iżjed informazzjoni bażika dwar liġijiet li jolqtu lil min qiegħed fin-negozju. Is-salespersons fl-ibliet u rħula tagħna ser ikunu mħarrġa.  Hawn għandna fejn ngħollu l-livell u ma nistgħux nikkuntentaw b’dak li għandna.  

Ser jibda jingħata taħriġ bażiku dwar il-liġijiet li jirregolaw lil min qiegħed fin-negozju, kif ukoll lil dawk li japplikaw għal-liċenzja tan-negozju. 

Qegħdin naraw investiment kbir f’dik li hija bini ta’ ħwienet ġodda u isbaħ, u dan jawgura tajjeb għal pajjiżna, iżda jindika wkoll li qed tikber l-aspettativa’ li għandna fis-suq tagħna.  Għalhekk inħeġġeġ lil kull min qieghed fin-negozju jinvesti fit-taħriġ tal-ħaddiema tiegħu, jinvesti fil-ħin biex ikun membru t’assoċjazzjonjiet bħalma huma l-GRTU, Kamra tal-Kummerċ u oħrajn, jara li jkollu l-ħin li jara l-istatistika biex janalizza kif u fejn sejjer l-infieq, u hekk jagħmel deċiżjonijiet bil-għaqal. 

Nemmen li huwa meħtieġ li bħalma qed tagħmel din l-impriża permezz ta’ dan is-seminar, ikollna aktar negozji li jinvestu fit-taħriġ tal-klijenti tagħhom. L-investiment fit-taħriġ jeħtieġ li jkun mifrux.  L-aħjar Customer Service li jista’ jingħata huwa meta negozju jinvesti fit-taħriġ tal-klijenti tiegħu. 

Nittama li nara mprendituri żgħażagħ li kapaċi jimirħu barra mis-suq tagħna.  Dan is-suq tagħna huwa suq sabiħ, għandu l-opportunitajiet tiegħu, iżda għandu wkoll il-limitazzjonijiet tiegħu.  

Inheggeg lill-imprendituri żagħżagħ jużaw tajjeb it-teknoloġija u l-informatika biex jaraw kif jiżviluppaw negozju fi swieq ġodda.  Neħtieġu li niftħu swieq ġodda u naraw iżjed imprendituri Maltin jużaw lil dan il-pajjiż biex minnu jkunu jistgħu jbiegħu prodotti lil pajjiżi oħra. 

Jiena irrid nawgura li dan is-seminar ikollha s-suċċess mixtieq.  Nawgura suċċess lill-organizzatturi u nawgura’ li maż-żmien ikollna aktar ażjendi li bħalma tagħmel din l-azjenda, jorganizzaw seminars għall-klijenti tagħhom. B’hekk ikunu huma wkoll qedin jinvestu fi programm ta’ taħriġ u bhala rizultat ta’ dan bħala pajjiż, inkunu aktar kompetittivi filwaqt li ngħollu l-profittabilita’ tal-kummerċ tagħna”.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow