DISKORS MILL-ONOREVOLI DOTT. JOE BORG, MINISTRU TA’ L-AFFARIJIET BARRANIN, FL-GĦAXAR KONFERENZA TA’ L-AMBAXXATURI - SAN ĠILJAN - IT-TLIETA, 7 TA’ JANNAR 2003
PR12
07/01/2003
| Nixtieq nilqagħkom ilkoll għal din il-Konferenza ta’ l-Ambaxxaturi, | l-għaxar waħda tax-xorta tagħha u t-tielet waħda minn kemm ili Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin. Naħseb li lkoll taqblu li s-sena 2002 kienet waħda ta’ xogħol intensiv, xogħol li wassal għal riżultati sinifikanti ħafna għar-rigward il-politika barranija ta’ Malta. Huwa lejn dawn il-kisbiet li se niffoka fid-diskors tiegħi filwaqt li nħares b’fiduċja lejn l-isfidi li hemm għas-sena li għandna quddiemna. |
| Iżda qabel ma nagħmel dan, irrid nirriafferma t-twemmin | tiegħi li l-miri tal-politika barranija tal-Gvern jistgħu jintlaħqu biss permezz ta’ sforz komuni mill-ambaxxati u missjonijiet diplomatiċi tagħna madwar id-dinja. Ix-xoghol ta’ missjoni diplomatika huwa parti minn xi ħaga sħiħa li ma tinqasamx, ħaġa sħiħa li tkun biss tajba daqs kemm tkun tajba kull parti tagħha. |
| Fl-isfond ta’ dan li għadni kif semmejt, insibu li | matul is-sena li għaddiet għamilna għadd ta’ passi importanti ’l quddiem kemm f’livell nazzjonali kif ukoll f’livell ta’ Ministeru. Fil-livell nazzjonali, kien deċiż li nwaħħdu fil-Bord ta’ Malta għall-Intrapriżi d-diversi entitajiet Maltin li jippromwovu l-investiment u l-esportazzjoni, sabiex dan il-Bord il-ġdid jaħseb biex jirreklama lil Malta b’mod ko-ordinat u ħolistiku. Il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, min-naħa tiegħu, ukoll għamel passi fl-istess direzzjoni bit-twaqqif tad-Dipartiment għall-Affarijiet Ekonomiċi. Naf li bosta minnkom diġà kellkom kuntatt ma’ dan id-Dipartiment fix-xogħol tagħkom fid-diversi bliet kapitali fejn intkom akkreditati. |
| Rajna wkoll ħidma ġdida biex ikunu integrati l-aspetti | kulturali u edukattivi ta’ Malta fix-xogħol tagħna permezz ta’ diversi attivitajiet li kienu organizzati b’risq artisti u studenti Maltin. Il-Wirja tal-Maiolica f’The Hague, il-wirja ta’ John Grima fiċ-Ċina, il-padiljun ta’ Malta f’Copenhagen matul is-summit li sar f’Diċembru u l-attività EuroScola organizzata mill-Parlament Ewropew fi Strasbourg huma biss ftit eżempji li wieħed jista’ isemmi. Għal dawn l-attivitajiet kienu essenzjali l-koperazzjoni u l-kordinament mill-qrib mal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, id-Dipartiment tal-Kultura, id-Dipartiment tal-Mużewijiet u l-Fondazzjoni Patrimonju Malti. |
| Ix-xogħol tal-Ministeru huwa tassew varjat u | wiesgħa. Imur lil hinn minn kwistjonijiet ta’ natura purament politika, kummerċjali jew kulturali u huwa bbażat fuq politika integrata li tpoġġi lil Malta fix-xena internazzjonali. Ix-xogħol matul is-sena li għaddiet kompla bla waqfien minkejja klima internazzjonali kemmxejn diffiċli minħabba attakki terroristiċi li jolqtu bla mistenni u mingħajr rispett lill-ħajja umana. L-impenn tagħna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu huwa sod u se nkomplu noffru r-riżorsi meħtieġa biex ngħinu sabiex tkun eradikata din il-pjaga. |
| Biex insemmi biss xi ftit mill-kisbiet tagħna matul | is-sena li għaddiet, nixtieq nirreferi għal xi punti ewlenin minnhom: kienu konklużi 18-il ftehim bilaterali, kienu ffirmati jew ratifikati 21 ftehim multilaterali u konna fost dawk il-pajjiżi li ddepożitaw l-istrument ta’ ratifika dwar l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali. Ħtarna wkoll 12-il konslu onorarju ġdid, kellna l-ewwel ambaxxatriċi residenti femminili li ppreżentat il-kredenzjali tagħha u ftaħna ambaxxata ġdida f’Copenhagen. Dan kollu f’sena fejn l-intensita` tan-negozjati għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea laħqet l-għola livelli tagħha u f'sena meta irnexxilna nikkonkludu dawn in-negozjati b’suċċess. |
| Dawn l-attivitajiet jaqgħu kollha taħt il-miri | tal-politika barranija tal-Gvern, li jkomplu jiffukaw biex jassiguraw il-parteċipazzjoni effettiva ta’ Malta f’fora multilaterali, imexxu ’l quddiem il-koperazzjoni u l-istabbilità fil-Mediterran, iżommu l-aħjar relazzjonijiet possibbli mal-pajjiżi l-oħra u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, li jwasslu għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fit-tkabbir li jmiss. |
| Tradizzjonalment Malta kellha parti effettiva f’fora | multilaterali, parteċipazzjoni li ħafna drabi kienet tisboq id-daqs tagħha. Matul dawn l-aħħar snin għarafna li l-ħeġġa u d-determinazzjoni li aħna wżajna fl-azzjonijiet tagħna wasslu biex Malta tikseb lura benefiċċji sinifikanti. Dan huwa rwol li beħsiebna nkattruh fil-ġejjieni, speċjalment meta jitqies li aktar u aktar temi qed ikunu ttrattati f’kuntest multilaterali kif wara kollox aktar u aktar materji qed jieħdu xejra transnazzjonali u li tmur lil hinn mill-fruntieri. Temi ambjentali, teknoloġiċi u kummerċjali huma biss ftit minn dawk it-temi li qegħdin kulma jmorru jieħdu l-post li jixirqilhom fil-qasam tal-politika internazzjonali. |
| Nemmnu bis-sħiħ fil-kontribut li kapaċi nagħtu f’għadd | kbir ta’ fora li nagħmlu parti minnhom. U għalkemm ma jkunx realistiku li wieħed jassumi li Malta tista’ tkun kullimkien f’kull ħin, huwa korrett li wieħed jemmen fil-kontribut sinifikanti li Malta tista’ tagħti, għallinqas f’dawk l-oqsma li fihom aħna konna magħrufa u kellna għadd ta’ snin ta’ esperjenza. |
| Eżempju ta’ dan huwa Il-Mediterran. Hawnhekk aħna | nagħmlu parti minn għadd ta’ organizzazzjonijiet reġjonali jew sub-reġjonali bħalma huma l-5+5, il-Forum Mediterranju u l-Partnership Ewro-Mediterranju - li kollha kemm huma għandhom bħala għan primarju, ix-xewqa li jġibu l-paċi, l-istabbilità u l-prosperità fil-Mediterran. Il-fatt li ninsabu fiċ-Ċentru tal-Mediterran, ifisser li dawn l-istess interessi huma tagħna, u ma jistax ikun mod ieħor. Hija l-intenzjoni tagħna li nkomplu, b’determinazzjoni dejjem aktar b’saħħitha, bil-parteċipazzjoni tagħna fil-Mediterran biex nkomplu nikkonsolidaw ir-relazzjonijiet mill-aqwa li għandna ma’ l-imsieħba tagħna f’dan ir-reġjun. |
| Ser nagħmlu dan billi nkomplu bis-sehem tagħna f’dawn | il-fora li semmejt kemm f’livell ministerjali kif ukoll f’livell ta’ uffiċjali. Ser inkomplu wkoll immexxu ’l quddiem inizjattivi mfassla biex itejbu l-komunikazzjoni fil-livelli kollha bejn ċittadini fir-reġjun tal-Mediterran. Dan irridu nagħmluh għax nemmnu li huwa biss meta jinġiebu flimkien il-popli minn diversi soċjetajiet li l-individwi jibdew verament jifhmu lil xulxin. Matul dawn l-aħħar ftit snin, Malta kienet pijuniera fil-ħolqien ta’ Assemblea Parlamentari għall-Istati tal-Mediterran fi ħdan l-Unjoni Inter-Parlamentari (l-IPU). Din hija assemblea maħluqa biex isservi ta’ forum uniku għal djalogu għal pajjiżi Mediterranji. Din l-inizjattiva ngħatat spinta ġdida f’Marzu li għadda f’laqgħa li saret f’Marakech fejn kien approvat b’vot unanimu dokument li jelenka l-karatteristiċi ta’ assemblea bħal din. |
| It-tisħiħ tad-dimensjoni Mediterranja tal-politika | barranija tagħna qed ikompli wkoll f’livell bilaterali. Matul is-sena li għaddiet kien hemm għadd ta’ kuntatti f’livell għoli bejn Malta u l-pajjiżi ġirien tagħna. Uħud minn dawn il-pajjiżi għandhom ukoll interess dirett f’aspetti oħra tal-politika barranija Maltija, bħalma huwa l-effett tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dan kien is-suġġett ta’ diskussjoni miftuħa ma’ l-imsieħba Mediterranji tagħna, kif kien ukoll ma’ pajjiżi oħra li magħhom Malta għandha relazzjonijiet bilaterali mill-qrib. Jiena nqis bħala suċċess tad-diplomazija Maltija, il-fatt li dawn il-pajjiżi kollha, mingħajr eċċezzjoni, fehmu d-direzzjoni li qabdet Malta, u fehmu li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea ma tfissirx anqas impenn minn naħa Maltija sabiex immexxu ’l quddiem interessi komuni bħalma huma l-paċi u l-istabbilta` fil-Mediterran, imma vuċi aktar b’saħħitha għal Malta favur dawn l-interessi. |
| Minħabba fir-ri]orsi limitati li għandna, fix-xogħol | bilaterali ta’ pajjiżna aħna nippruvaw niffukaw fuq pajjiżi strateġiċi f’reġjuni partikolari, jew fuq pajjiżi li magħhom għandna affinità partikolari minħabba emigrazzjoni jew raġunijiet storiċi. Bil-kuntatti dejjem jiżdiedu ta’ Malta permezz ta’ ftuħ ta’ ambaxxati ġodda u issa bil-bidu ta' ftuħ ta’ aktar ambaxxati f’Malta, il-kwalità tar-relazzjonijiet bilaterali tagħna dejjem qed tiżdied. |
| B’din iż-żieda fil-kuntatti wieħed jista’ | jistenna aktar kummerċ, skambji kulturali u edukattivi li jesponu kemm lil Malta kif ukoll lill-Maltin għal għarfien akbar minn barra. Dan huwa importanti għal gżira stat bħal tagħna biex nassiguraw li tassew ingawdu mill-potenzjal enormi tal-globalizzazzjoni. Fost l-aktar relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom li Malta bniet matul dawn l-aħħar snin, wieħed isib is-saħħa ġdida li ngħatat lir-relazzjonijiet li għandna bħalissa ma’ ċerti pajjiżi membri ta’ l-UE minħabba l-koperazzjoni kbira li għaddejja fid-dawl ta’ l-applikazzjoni ta’ Malta biex tissieħeb fl-UE. Il-ftehim riċenti għal servizzi bl-ajru li kien konkluż mal-Ġermanja huwa eżempju tajjeb ta’ l-effetti pożittivi li ġġib magħha is-sħubija prospettiva ta’ Malta fl-UE. |
| Din l-isħubija kienet, għal għadd ta’ snin, | waħda mill-miri primarji tal-politika barranija tal-Gvern. Ċertament il-Gvern jemmen li din it-triq ser twassal għal benefiċċji kbar għaċ-ċittadini Maltin u għal mod kif jgħixu. Wara għadd ta’ snin ta’ ħidma intensiva ħafna, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea issa hija realtà aktar tanġibbli minn qatt qabel. |
| Matul in-negozjati għas-sħubija, il-Gvern ħa | ħsieb jinnegozja pakkett ta’ kundizzjonijiet li, filwaqt li jġibuna konformi man-normi u l-istandards Ewropej, jagħtu kas tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ pajjiżna. Il-maġġoranza tar-regoli u standards kif osservati fl-UE huma ta’ benefiċċju dirett għal Malta hekk kif qed naħdmu biex insaħħu l-kapaċita` tagħna biex nikkompetu, nassiguraw l-iżvilupp kontinwu tagħna u fl-aħħar mill-aħħar nagħmlu parti mill-komunità internazzjonali tan-nazzjonijiet. |
| Iżda filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-liġijiet ta’ | l-Unjoni huma ta’ benefiċċju dirett għalina, għarafna li, f’għadd żgħir ta’ każijiet, leġislazzjoni li setgħet kienet ta’ benefiċċju għal pajjiżi diġà membri, setgħet kellha ċerti konsegwenzi mhux mixtieqa kieku kienet applikata mingħajr ħsieb għas-sitwazzjoni partikolari ta’ Malta, filwaqt li f’każijiet oħrajn id-dħul malajr ta’ ċerti riformi seta’ joħloq xokkijiet għall-ekonomija tagħna. |
| Kien għalhekk li ħadna ħsieb biex ninnegozzjaw | għadd ta’ arranġamenti speċjali jew żminijiet ta’ transizzjoni biex jingħata kas tal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ Malta. Bosta minn dawn l-arranġamenti tfasslu biex jippreservaw karatteristiċi partikolari ta’ pajjiżna, filwaqt li oħrajn tfasslu biex jassiguraw li d-dħul tar-riformi meħtieġa isir skond qafas estiż ta’ żmien li jaqbel għal pajjiżna. Inqis li dawn in-negozjati kienu suċċess għaliex f’kull settur, f’kull qasam tan-negozjati, il-Gvern flimkien ma’ l-istakeholders kollha, ħejja pożizzjoni, u nnegozja sakemm kiseb jew aċċettazzjoni mill-UE ta’ dik il-pożizzjoni, jew ta’ pożizzjoni simili, li tassigura l-interessi ta’ Malta u l-Maltin. |
| Issa li n-negozjati ngħalqu, tajjeb li wieħed | japprezza l-biċċa xogħol enormi li kellu quddiemu l-Ministeru biex jikkordina t-tħejjijiet ta’ Malta għal sħubija, kemm matul il-fażi ta’ l-iscreening u matul in-negozjati. Il-Ministeru kellu wkoll sehem strumentali biex jikkordina l-involviment tas-soċjetà ċivili f’dawn it-tħejjijiet u biex jassigura ħalli mill-ewwel ġurnata jkunu nvoluti dawk kollha li kellhom interess. |
| Nixtieq nieħu din l-opportunita` biex nirringrazzja | l-Core Negotiating Group, immexxi miċ-Chairman tiegħu s-Sur Richard Cachia Caruana. Ibbenefikajna wkoll mill-esperjenza vasta tal-Ambaxxatur u tal-ħaddiema tagħna fl-Ambaxxata ta’ Brussels, fid-Direttorat ta’ l-UE fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, fis-Segretarjat għan-Negozjati u fil-bqija tas-Servizz Pubbliku. |
| Ta’ min wieħed isemmi wkoll is-servizz importanti | li ta, u għadu qed jagħti, iċ-Ċentru ta’ l-Informazzjoni Malta-Unjoni Ewropea, sabiex il-poplu Malti, fi żmien daqshekk kruċjali, ikun jista’ jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa a bażi ta’ informazzjoni soda, kompleta u oġġettiva. |
| Lil dawn kollha, u lill-membri kollha tal-Malta-EU | Steering and Action Committee li kienu l-imsieħba tagħna f’dan il-proċess, nixtieq nestendilhom ir-radd ta’ ħajr tiegħi. |
| Issa li n-negozjati ngħalqu naħseb li nistgħu | ngħidu wkoll li l-Ministeru għadda mit-test bl-unuri. Innegozjajna kundizzjonijiet sodi u li jħaddnu bosta temi, kundizzjonijiet li minnhom se tgawdi Malta u se jgawdu l-Maltin għas-snin li ġejjin; dan waqt li, kif diġà spjegajt, l-aspetti l-oħra tax-xogħol tal-Ministeru komplew jingħataw l-importanza li tixirqilhom, fejn ksibna riżultati ta’ kwalità fl-oqsma bilaterali, multilaterali, konsulari u oqsma oħra. |
| Għal dan ukoll, għal darb’oħra, nestendi r-radd | ta’ ħajr tiegħi lis-Segretarju Permanenti, lilkom u lil kulħadd fil-Ministeru u fl-Ambaxxati tagħna kollha li b’enerġija liema bħala, ħdimtu biex dan kollu ikun possibbli. |
| Fil-konklużjoni tiegħi, ippermettuli nawgura li din | il-laqgħa sservi bħala eżerċizzju utli biex ikunu analizzati dawn ir-riżultati u biex tkun assigurata l-implimentazzjoni kontinwa tagħhom. Imma aktar importanti minn hekk, nittama li din il-konferenza tipprovdikom b’saħħa u determinazzjoni biex tesegwixxu l-politika barranija ta’ Malta b’persważjoni u determinazzjoni matul din is-sena li għadha kemm bdiet. |
Grazzi.
Other Press Releases:
PR261931
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...
PR261930en