Left arrow Go Back

Il-Gvern qiegħed jaħdem biex jara li jkun hawn art biżżejjed GHAL Industrial Parks fejn ikunu jistgħu jaħdmu nies tas-sengħa

PR119
Date Icon 29/01/2003

Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi l-Onor. Edwin Vassallo sostna li l-Gvern qiegħed jaħdem biex jara li jkun hawn art biżżejjed li fuqhom jinbnew Industrial Parks fejn ikunu jistgħu jaħdmu nies tas-sengħa. Dan qalu l-bierah f’laqgħa li kellu mal-mechanics u panel beaters, f’Santa Venera.

F’din il-laqgħa s-Sur Vassallo tkellem kif il-Gvern qed jaħdem biex jara li fl-inqas żmien possibbli jkun jista' jħabbar fejn ser jinbnew 200 tomna ta' art li ser ikunu jikkonsistu f’numru ta’ Industrial Parks maħsuba biex fihom ikun hemm garaxxijiet (units) għall-kiri jew għall-bejgħ minn sidien privati.

Skond kif spjega s-Segretarju Parlamentari, dawn l-Industrial Parks għandhom ikunu żviluppati bil-għan li jilqgħu fihom negozji żgħar, kemm jekk ikunu ser jibdew negozju ġdid, kemm ghal min ikun f’żona residenzjali u jkun irid ikabbar, kif ukoll għal dawk li jista' jkunu qegħdin jaħdmu bla ma għandhom permess tal-MEPA u jkunu jridu jirregolaw in-negozju tagħhom bil-permessi meħtieġa. Dan huwa l-impenn tal-Gvern, li jara min irid jaħdem ikollu l-aħjar opportunitajiet bħalma hemm f’pajjiżi oħra kompetituri ta' l-imprendituri tagħna.

Huwa mistenni li ladarba jkun finalizzat il-proċess ta’ l-għażla mill-Malta Environment and Planning Authority, ta’ dawn il-lokalitajiet li fihom ikunu jistgħu jinbnew l-Industrial Parks, wara jibdew id-diskussjonijiet mas-sidien ta' l-artijiet magħżula fejn ikun spjegat lilhom il-kundizzjonijiet marbuta ma' dan l-iżvilupp. Dawn il-kundizzjonijiet huma maħsuba li jgħinu biex ma jkunx hemm spekulazzjoni ta’ art u l-ispazju industrjali jkun jista' jinbiegħ jew jinkera għan-negozji żgħar bi prezz raġjonevoli u ferm inqas minn dak li qed jintalab bħalissa, meta fis-suq hawn skarsezza ta’ art industrijali.

Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid kif qed isir eżerċizzju mid-Direttorat għall-Ambjent fi ħdan il-MEPA, biex ikunu jistgħu jinħarġu regolamenti li jirregolaw l-użu ta’ garaxxijiet fiż-żoni residenzjali għall-użu ta’ attivita' kummerċjali, ndustrjali u ta' artiġjanat taħt ċerti kundizzjonijiet li jiggarantixxu li ma jkun hemm l-ebda inkonvenjenza għall-ġirien.

Is-Sur Vassallo qal li din il-ħidma għandha tgħin biex f’pajjiżna jkollna aktar nies tas-sengħa jaħdmu fl-aħjar ċirkustanzi.

Dan isostnieh ukoll ic-Charter Ewropew għan negozji żgħar li jobbliga lill-Gvern ta’ kull pajjiż membru biex jara li jgħin sabiex fil-pajjiż ikun hemm nies tas-sengħa. Din il-ħidma li tkellem dwarha s-Segretarju Parlamentari flimkien ma’ l-impenn għal żoni ndustrjali aħjar u ta’ kwalita’, anke jekk ma jaqgħux taħt ir-responsabbilita’ ta’ l-MDC, hija parti mill-ħidma iffukata biex jinġieb fis-seħħ iċ-Charter Ewropew.

“Għalhekk permezz ta' l- Unjoni Ewropea mhux nagħlqu n-negozji tan-nies tas-sengħa rridu, iżda naraw li kull min għandu s-sengħa jsib fejn jaħdem. Għaldaqstant assolutament mhux veru li bi sħubija fl-Unjoni Ewropea min qiegħed jaħdem bħala mechanic jew panelbeater jew mastrudaxxa u ma għandux liċenzja tan-negozju, jkollu jagħlaq in-negozju tiegħu" temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi nofs miljun ewro f’10 proġetti ta’ playing fields u spazji ta’ rikreazzjoni f’Malta u Għawdex

PR261932

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Kważi n...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozzi leġiżlattivi biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika

PR261931

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI Żewġ abbozz...

More Press Releases Right arrow