LM 25,628 IPPREŻENTATI MILL-E.T. IL-PRESIDENT TA' MALTA U S-SINJURA de MARCO F'ISEM IL-MALTA COMMUNITY CHEST FUND
81 individwu bbenefikaw minn kwazi LM 18,000, li minnhom, madwar LM 12,000 huma għajnuna għal apparat speċjali.
L-E.T. il-President ta' Malta u s-Sinjura de Marco illum, f'isem il-Malta Community Chest Fund, ippreżentaw għajnuna finanzjarja, apparat speċjalizzat u diversi għajnuniet oħra lil diversi istituzzjonijiet u individwi fil-bżonn. Il-preżentazzjoni saret dalgħodu fil-Palazz, il-belt Valletta.
It-total tas-somma ippreżentata tlaħħaq il-LM 25,628.
Dalgħodu 81 individwu u 17-il istituzzjoni filantropika bbenefikaw minn dawn il-fondi. L-individwi bbenefikaw minn total ta' LM 17,588, li minnhom, madwar LM 12,000 huma għajnuna għal apparat speċjali. Dan l-apparat specjali jikkonsisti fi special wheelchairs, special buggies, lifting chairs u oħrajn.
It-total ta' donazzjonijiet li minnhom bbenefikaw diversi istituzzjonijiet u assoċjazzjonijiet hu ta' LM 8,040. Fost dawk li rċevew l-għajnuna ippreżentata dalgħodu mill-E.T. il-President u s-Sinjura de Marco huma:
Domus, Cospicua LM 2,000
Dar Saura LM 1,500
Għaqda Trasport tal-Morda għal Lourdes LM 1,000
Casa Leone LM 1,000
Istituzzjonijiet oħra huma l-Appoġġ, Caritas Malta Epilepsy Association, Coeliac Association Malta, id-Dar tal-Kleru, Għaqda Żjarat lill-Morda fl-Isptarijiet u Djar, Istitut Ġesu Nażżarenu, Mattew 25, Merħba Bik, Missionary Sisters of Jesus of Nazareth, Żejtun, Physically Handicapped Rehabilitation Fund, Saint Joseph Home, Żabbar, St Theresa Home, Żurrieq, Torball Blind Association.
F'diskors qabel il-preżentazzjoni tad-donazzjonijiet, il-Prof. Guido de Marco, President ta' Malta, qal li l-fondi mqassma mill-Malta Community Chest Fund huma frott tad-diversi attivitajiet li jiġu organizzati, ġbir u donazzjonijiet oħra. Il-President qal li l-Malta Community Chest Fund qed taħdem biex tkompli tilħaq lil ħafna aktar individwi li qegħdin fil-bżonn.
Il-Prof. Guido de Marco tkellem ukoll fuq il-Ballu tal-August Moon li se jiġi organizzat nhar it-3 t'Awissu li ġej u qal li dan se jiġi ddedikat għall-memorja ta' Lady Mamo, li mietet ftit tal-ġimgħat ilu. "Kienet hi li estendiet l-użu tal-Ballu għall-komunitajiet u naħseb li hu dover tagħna naħsbu f'min ħaseb għalina," qal il-President.
Fl-ahhar nett il-President rringrazzja wkoll lis-soċjetajiet filantropiċi li, fi kliemu, qegħdin jagħmlu l-ġid fil-pajjiz billi jżommu sens ta' solidarjeta' fil-komunita.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN