Żgħażagħ Maltin Jipparteċipaw fil-Konvenzjoni Ewropea taż-Żgħażagħ
Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ), flimkien mad-Delegazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea f'Malta ser ittella’ ħames żgħażagħ Brussell, biex jiksbu esperjenza mill-qrib dwar kif taħdem l-UE. Iż-żgħażagħ li ser jagħmlu parti mid-delegazzjoni li ser tmur Brussell bejn id-9 u it-13 ta' Lulju, huma:
Is-Sinjorina Josette Buttigieg - mill-Kummissjoni Djocesana Żgħażagħ
Is-Sur Josef Debono - miż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika
Is-Sur Mark Camilleri - mill-Fondazzjoni OASI
Is-Sur Antonio Depasquale - mill-Moviment Żgħażagħ P.N.
u Is-Sur Keith Psaila - mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ
Iż-żgħażagħ se jkunu nvoluti f'diversi attivitajiet li jinkludu:
- Żjarat f’Istituzzjonijiet ewlenin ta’ l-UE
- Laqgħa ma’ l-EU Enlargement Team ta’ Malta
- Sessjoni Plenarja tal-Konvenzjoni Ewropea taż-Żgħażagħ dwar il-Futur ta’ l-Ewropa
- Laqgħa ma’ rapprezentanti tad-Direttorat Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni u Kultura
Din id-delegazzjoni ta’ żgħażagħ se tkun qed tikkumplimenta delegazzjoni oħra nnominata mill-membri tal-Konvenzjoni għall-Futur ta’ l-Ewropa.
Fil-laqgħa li kellu maż-żgħażagħ, il-Ministru Louis Galea qal li b’din il-parteċipazzjoni, iż-żgħażagħ qed ikollhom l-opportunità li jagħtu sehemhom fil-formazzjoni ta’ l-Ewropa tal-ġejjieni. Il-fatt li pajjiżna u ż-żgħażagħ tagħna qed jipparteċipaw f’dan il-forum juri kemm hu importanti li bħala pajjiż inkunu parti mill-Unjoni Ewropea. Li kieku kellna l-applikazzjoni tagħna fil-friża jew li kieku ma nkunux parti mill-UE, il-Maltin u ż-żgħażagħ ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet li jolqtuhom fil-futur.
Il-Ministru qal li ż-żgħażagħ diġà qed jgħarrfu l-opportunitajiet kbar li toffri l-Unjoni Ewropea. Mijiet ta' żgħażagħ diġà kellhom l-opportunità li b'xi mod jew ieħor jipparteċipaw fil-programmi edukattivi ta' l-UE u oħrajn qed jipparteċipaw din is-sena. Madankollu, qal il-Ministru Louis Galea, l-opportunitajiet għalina ma jiqfux mal-programmi edukattivi. Il-Ministru semma l-opportunitajiet li hemm f'kull qasam, fit-taħriġ, fil-qasam teknoloġiku u tat-telekomunikazzjoni, fl-oqsma tax-xjenza u r-riċerka, fis-swieq u f'kull settur ta' l-ekonomija. Il-Ministru qal li l-isfida se tkun kemm il-Maltin se jgħarrfu dawn l-opportunitajiet u kemm se jkunu kapaċi jsarrfuhom f'ġid għall-pajjiż.
Bħala eżempji l-Ministru semma s-swieq akbar li żgħażagħ Maltin ikunu jistgħu jimirħu fihom; it-taħriġ f'kulleġġi u universitajiet barranin bl-istess kundizzjonijiet li jgawdu minnhom l-Ewropej; l-iżviluppi fl-oqsma tal-biedja u s-sajd fejn l-Maltin, bl-għajnuna ta' l-UE ikunu jistgħu jiżviluppaw niċeċ ġodda f'dawn l-oqsma permeżż ta' teknoloġiji ġodda; u d-diversi networks (eż xjenza, teknoloġija u riċerka) li nkunu parti minnhom bħala membri ta' l-UE.
Il-Ministru Louis Galea qal li b'dak li rnexxiela tinnegozja Malta, il-Maltin se jkollhom aċċess għal xogħol fil-pajjiżi kollha ta' l-UE sa mill-ewwel ġurnata li pajjiżna jsir membru. Hu qal li hekk kif nissieħbu, il-Maltin u aktar u aktar iż-żgħażagħ Maltin ikunu jistgħu isibu xogħol fis-swieq Ewropej mingħajr il-bżonn ta' ktieb tax-xogħol f'dak il-pajjiż fejn imorru jaħdmu.
Ħlief għal Ċipru, il-pajjiżi applikanti l-oħra mhux se jkollhom dan id-dritt għaliex l-UE innegozjat perjodu ta' tranżizzjoni ta' seba' snin biex dan ma jseħħx. Il-Ministru temm jgħid li ż-żgħażagħ Maltin għandhom jgħarrfu dawn l-opportunitajiet u jħarsu lejn il-futur b'ottimiżmu u b'entużjażmu iżda għandhom ikunu wkoll attivi u parteċipi fid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu fil-pajjiż għax fuq kollox id-deċiżjonijiet li jittieħdu llum se jaffettwawhom fil-futur.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN