Left arrow Go Back

PROĠETT TA' RESTAWR TAL-KAPPELLA TAS-SALVATUR

PR850
Date Icon 14/06/2002

Waqt li kien qed izur xoghol ta' restawr li qed isir fil-Kappella tas-Salvatur fil-Kalkara, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li f'dawn l-aħħar snin il-poplu sar ferm aktar konxju mill-wirt storiku ta' pajjiżna. Min-naħa tiegħu l-Gvern bena l-infrastruttura neċessarja biex iwettaq xogħlijiet ta' restawr. Fl-1988 il-Gvern waqqaf il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta. Sussegwentament twaqqfu ukoll il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera u l-Proġett għar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina. F'dawn l-aħħar snin kompliet issaħħet l-infrastruttura għar-restawr bil-ħolqien ta' Unit għar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u twaqqaf ukoll iċ-Ċentru Malti ta' Restawr f'Bighi fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni.

Francis Zammit Dimech qal li n-numru ta' proġetti ta' restawr li qed jitwettqu bħalissa hu wieħed impressjonanti. Hu qal li kienu qed isiru xogħlijiet ta' restawr mhux biss fil-Belt Valletta, il-Floriana, Bormla, l-Isla, l-Birgu, il-Kalkara u l-Imdina iżda ma' l-erbat irkejjen ta' Malta. Qal li għal dawn il-proġetti l-Gvern kien qed jivvota flejjes kbar għaliex kien jemmen li għandna nħarsu l-patrimonju storiku ta' pajjiżna li hu wieħed kbir ħafna.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-Kappella tas-Salvatur, jew il-Kappella ta' Bighi kif inhi magħrufa, tagħmel parti mill-kumpless ta' Bighi iżda llum hi mdawwra b'housing estate u minn triq li tifridha mill-bqija ta' Bighi. Oriġinarjament din il-kappella kienet tidher sewwa għaliex kienet fuq punt għoli tal-peninsula San Salvatore.

Francis Zammit Dimech qal li din il-kappella f'dawn l-aħħar snin intużat bħala maħżen għall-armar tal-festa u saritilha ħafna ħsara. Hu qal li l-proġett ta' restawr ta' din il-kappella hu wieħed kumpless ħafna minħabba l-ħsarat kbar li fiha din il-Knisja. Ix-xogħol ta' restawr qiegħed isir mill-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u hu stmat li se jiswa madwar Lm80,000. Dan se jsir fuq medda ta' sentejn. Francis Zammit Dimech qal li l-parti teknika tal-proġett qed titwettaq miċ-Ċentru Malti għar-Restawr (MCR). Hu qal li dan kien wieħed minn sensiela ta' proġetti li qed isiru bi shab bejn l-Uffiċju tal-Proġetti ta' Riabilitazzjoni u l-MCR. B'hekk dan il-proġett qed iservi kemm bħala parti mir-riċerka ta' l-istudenti tar-restawr u kemm bħala proġett fil-prattika.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li dan il-proġett qed jitmexxa minn kumitat maħtur apposta sabiex jiddiskuti l-istadji kollha ta' l-istess proġett. Hu qal li kien beda xogħol ġenerali ta' restawr. S'issa diġa tneħħa periklu li kien hemm, qed isir xogħol ta' konsolidament tas-saqaf tal-koppla, sar studju storiku tal-kappella u qed tiġi restawrata l-istatwa li hemm fuq il-faċċata.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow