TITJIB U RESTAWR TAL-BITĦA TA' BARRA TAL-PALAZZ VILHENA
Waqt li kien qed iżur il-proġett għat-titjib u restawr tal-bitħa ta' barra tal-Palazz Vilhena fl-Imdina, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Francis Zammit Dimech qal li l-ħarsien tal-wirt storiku ta' pajjiżna kien fuq quddiem fl-aġenda tal-Gvern tant li kienet inħolqot l-infrastruttura biex inħarsuh.
Francis Zammit Dimech qal li mill-1988 'l hawn il-Gvern kien waqqaf tliet Proġetti: il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta, li aktar tard żdiedet miegħu l-Floriana; il-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera u l-Proġett għar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina. Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-Unit għar-Restawr fi hdan l-istess Ministeru. Francis Zammit Dimech qal li bejniethom dawn kienu qed iwettqu ħidma importanti biex ikun imħares il-wirt storiku ta' pajjiżna li parti sostanzjali minnu tħalla abbandunat għal bosta snin bir-riżultat li saritlu ħafna ħsara.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li fl-Imdina l-Gvern qiegħed bħalissa jwettaq proġett ewlieni biex il-wires kollha ma jibqgħux imdendla aktar mal-ħitan u jgħaddu kollha minn taħt l-art. Hu qal li dan il-proġett kien jirrikjedi t-tħaffir ta' trinek tul it-toroq kollha ta' l-Imdina. Fakkar li fil-proċess inkixfu fdalijiet ta' diversi epoki li mhux biss qed isir kull sforz biex jiġu mħarsa, iżda hemm anki pjani biex uħud minnhom jitgħattew bil-ħġieġ u jiddawlu biex ikunu apprezzati aħjar minn kulħadd. Qal li fdalijiet oħra se jitqiegħdu f'mużew apposta li se jitwaqqaf fl-Imdina. Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li darba jitlesta dan il-proġett it-toroq ta' l-Imdina se jkunu pavimentati mill-ġdid b'materjal li se jinġieb minn barra u li jaqbel ma' l-aspett storiku ta' din il-belt qadima u mdawwra bis-swar.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li bini storiku li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina kien qed jirrestawra u jirriabilita kien il-Palazz ta' Vilhena. Dan il-palazz kien qed jingħata attenzjoni speċjali sew minn ġewwa kif ukoll minn barra.
Francis Zammit Dimech qal li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina kien għaddej bil-proġett ta' titjib u restawr tal-bitħa ta' barra tal-Palazz Vilhena. Hu qal li dan il-proġett, li hu stmat li jiswa Lm46,000, hu finanzjat kollu mill-Fondazzjoni Portugiża Calouste Gulbenkian. Il-konnessjoni ta' Malta mal-Fondazzjoni Calouste Gulbenkian tmur lura għas-sena 1963 meta l-istess Fondazzjoni tat Lm3,000 lill-Università ta' Malta biex tixtri kotba, ġurnali u xogħlijiet ta' apprezzament letterarju għal-Librerija tad-Dipartiment ta' l-Ingliż.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li bħala parti minn dan il-proġett qed jiġu restawrati żewġ stemmi kbar, waħda fuq il-bieb ta' barra tal-Palazz u l-oħra fuq il-bieb ta' ġewwa. Ix-xogħol ta' restawr qed isir mid-ditta ta' restawraturi ta' Sante Guido li kien magħruf f'dan il-qasam u li kien diġà għamel xogħol ta' restawr f'Malta. Sante Guido kien qed jaħdem ma' numru ta' restawraturi Taljani kif ukoll mar-restawratriċi Maltija Jenny Agius. Dan il-proġett ta' restawr waħdu hu stmat li jiswa mal-Lm10,000 u kien jeħtieġ intervent sostanzjali minħabba l-ħsara kbira li fihom l-istemmi. Ix-xogħol fuq waħda mill-istemmi tlesta filwaqt li nbeda x-xogħol fuq it-tieni waħda. F'waħda minn dawn l-istemmi kienet telgħet siġra li daħlet fl-istess stemma tant li parti minnha kellha tiżżarma u terġa' tinbena.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li sadanittant ix-xogħol tal-pavimentar tal-bitħa kif ukoll xogħol ieħor relatat kien miexi kif previst. Huwa spjega wkoll illi se jitħawwlu żewġ sigriet taż-żebbuġ li għandhom 250 sena u li ngħataw lill-Proġett għar-Riabiltazzjoni ta' l-Imdina mid-dixxendenti tal-familja ta' Manuel de Vilhena.
Francis Zammit Dimech irringrazzja lill-Fondazzjoni Calouste Gulbenkian, lid-dixxendenti tal-familja Manuel de Vilhena, lill-Proġett għar-Riabiltazzjoni ta' l-Imdina u lill-Kunsill Lokali ta' l-Imdina għall-ħidma tagħhom biex din il-belt qadima tingħata d-dinjità li tixirqilha bħala l-eqdem belt ta' pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN