Left arrow Go Back

JITLESTA L-ISTUDJU Il-MARA ANZJANA F’GĦAWDEX

PR760
Date Icon 29/05/2002

"Il-Ministeru għal Għawdex iħaddan politika soċjali li tpoġġi fuq quddiem l-anzjani li jgħixu f’Għawdex. Dan jidher ċar fil-ħidma li wettaqna f’dawn l-aħħar snin u b’mod partikolari favur l-anzjani nisa li huma grupp li kull ma jmur qed jifforma parti sostanzjali mill-popolazzjoni ta’ Għawdex. Mill-aħħar ċensiment li sar f’Għawdex jirriżulta li n-numru ta’ nisa anzjani jammonta għal 3,221.”

Dan intqal mill-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono waqt konferenza stampa li fiha ġie ppreżentat ir-rizultat ta’ studju dwar in-nisa anzjani f’Għawdex.

Dan huwa l-ewwel studju tat-tip tiegħu li sar fil-gzejjer Maltin. Id-Diviżjoni tal-Ġerontoloġija ta` l-Universita` ta` Malta, flimkien mas-Sezzjoni għall-Anzjani, Dipartiment tal-Customer Services, fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ipprezentaw dan l-studju biex ikun jista’ jigi analizzat il-profil tal-mara anzjana Għawdxija.

L-istudju għandu tlett skopijiet:

  • L-ewwel, li janalizza l-fenomenu ta’ l-anzjani f’reġjun partikolari mill-perspettiva femminili. Dan huwa ta’ interess kemm għall-policy makers kif wkoll għall-akkademiċi interessati fl-istudji dwar in-nisa jew il-qasam ta’ l-anzjani.
  • Skop ieħor kien dak li jitfa’ dawl fuq dan I-settur tas-soċjeta’ li bil-kemm nindunaw bih u jikkuntesta l-ħrafa li n-nisa anzjani m’għandhomx kontribut aktar x’jagħtu lis-soċjeta’.
  • L-iskop finali huwa dak li jagħraf il-bżonnijiet psikoloġiċi u soċjali tan-nisa anzjani speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mar-rwol u l-identita’ tagħhom li jinbidlu ma’ l-eta’. Fl-istess ħin, l-istudju jħares lejn argumenti rigward l-aspetti prattiċi li jiltaqgħu magħhom in-nisa anzjani fil-ħajja tagħhom. B’hekk iservi ta’ bażi fuq x’hiex l-awtoritajiet konċernati jfasslu l-politika soċjali tagħhom.

"Dan l-istudju huwa wieħed biss mill-inizjattivi li qed jieħu l-Ministeru għal Għawdex favur l-anzjani," tenniet il-Ministru Debono. Hija tkellmet ukoll dwar il-proġett kapitali ta’ tkabbir u mmodernizzar tas-Swali fejn pazjenti anzjani nisa jinżammu rikoverati fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Filwaqt li spjegat il-ħtieġa ta’ dan il-proġett, il-Ministru Debono qalet li sa minn meta kien ġie inawgurat l-Isptar Ġenerali t’Għawdex fl-1975, ftit li xejn saru xogħlijiet konkreti ta’ manutenzjoni jew oħrajn strutturali f’dawn is-swali. Dan il-fatt, marbut man-nuqqas ta’ residenzi għall-anzjani nisa, li fil-preżent il-bqija ta’ residenzi f’Għawdex joffru bejniethom madwar 38 post bi ħlas, jagħmel dan il-proġett aktar urġenti u importanti.

Il-proġett tas-Swali Anzjani Nisa, fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, ser jagħmilha possibbli li dawn is-swali jakkomodaw 21 pazjenta aktar milli jakkomodaw sal-lum. Din hija żieda ta’ madwar 35% fuq il-kapacita’ prezenti fl-Isptar. Sabiex ix-xogħol fuq dan il-proġett seta’ jinbeda, il-pazjenti li qabel kienu miżmuma f’din it-taqsima ġew trasferiti f’area oħra ta’ l-Isptar. Dan ippermetta t-twettieq tax-xogħlijiet kollha ta’ kostruzzjoni strutturali, elettriku u mekkaniku, u iktar ’il quddiem oħrajn ta’ finishing, fl-inqas ħin possibbli u bl-inqas inkonvenjenzi possibbli għall-pazjenti nfushom.

L-Onor. Giovanna Debono semmiet ukoll servizzi oħra li qed toffri t-Taqsima ta’ l-Anzjani u Persuni b’Diżabilta’ fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, li kienet waħda mill-ewwel sezzjonijiet tas-servizz publiku minn Malta u Għawdex li ġiet koperta bi Quality Service Charter. Is-servizz li qed toffri, li huma kollha sussidjati, huma:

  • Servizz ta’ Għajnuna fid-Dar
  • Servizz ta’ Handyman
  • Servizz tal-Platt Sħun
  • Servizz ta’ Telecare
  • Ċentru ta’ Matul il-Jum
  • Universita’ tat-Terza Eta’
  • Assistenza lil Persuni bi problemi ta’ Inkontinenza
  • Applikazzjonijiet għal Karta ta’ l-Identita’ speċjali għal Persuni b’Diżabilta’

“Iżda sabiex il-Ministeru jkollu f’idejh għodda b’saħħitha li tgħinna nfasslu s-servizzi soċjali li verament għandhom bżonn l-anzjani f’Għawdex illum, ħdimna id f’id mad-Dipartiment tal-Ġerontoloġija fl-Universita’ ta’ Malta sabiex illum nistgħu nibdew infasslu servizzi soċjali ibbażati fuq dak li l-istudju sab. F’dan is-survey ħadu sehem in-nisa anzjani Għawdxin kollha li jgħixu f’darhom u għalhekk ir-riżultati li qed jiġu ppreżentati f’din il-konferenza stampa huma tassew ta’ min joqgħod fuqhom.”

Dan l-istudju ġabar informazzjoni dwar iċ-cirkustanzi personali tan-nisa anzjani f’Għawdex bħal ma huma l-eta’, l-istat ċivili tagħhom, livell ta’ l-edukazzjoni u f’liema raħal jew belt jgħixu u s-sitwazzjoni finanzjarja li jinsabu fiha. Ġew mistoqsija wkoll dwar ma’ min jgħixu, f’liema tip ta’ dar jgħixu, jekk id-dar hix tagħhom jew mikrija u r-relazzjonijiet mal-familjari u mal-ġirien kif ukoll x’tip ta’ għajnuna jirċievu mingħandhom. Inġabar tagħrif dwar is-servizzi soċjali li jagħmlu użu minnhom jew jafu bihom, dwar il-bżonnijiet li għandhom, dwar kif iqattgħu l-ġurnata, il-passatempi jew rikreazzjoni li jfittxu u dwar saħħithom.

Prof. J. Troisi, Direttur tad-Diviżjoni tal-Ġerontoloġija u s-Sur Marvin Formosa, Assistant Lecturer fl-istess Diviżjoni, indirizzaw il-konferenza stampa wkoll.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow