Left arrow Go Back

Inizjattiva favur il-wirt storiku ta' pajjiżna

PR706
Date Icon 22/05/2002

Meta kien qed jinawgura l-Istitut għall-Istudju u d-Dokumentazzjoni ta' l-Arkitettura Militari, imwaqqaf mill-Fondazzjoni Wirt Artna, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, Francis Zammit Dimech, fakkar li pajjiżna għandu storja li tmur lura 7000 sena. Pajjiżna jista' jitqies bħala mużew ambulanti minħabba li l-pożizzjoni strateġika tal-gżejjer Maltin wasslet biex kulmin ried jivvjaġġa bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-baħar Mediterran -- li kien meqjuż bħala l-baħar tan-nofs f'dinja li kienet tinfirex biss mill-Ewropa sa' l-Afrika ta' Fuq u l-Lvant Nofsani -- kellu jgħaddi minn Malta. Malta kienet għalhekk okkupata mill-potenzi kollha tul l-aħħar 7000 sena li lkoll ħallew il-marka tagħhom fil-gżejjer Maltin.

Francis Zammit Dimech fakkar li l-isbaħ era ta' l-istorja ta' pajjiżna kienet bla dubbju ta' xejn dik ta' l-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann f'Malta. Dawn ħallew warajhom patrimonju ta' fortifikazzjonijiet, fortizzi, palazzi, knejjes u kull tip ieħor ta' bini. Pajjiżna kien jifforma wkoll parti mill-Imperu Ingliż li kien għamel minn Malta bażi militari b' bini ta' aktar fortifikazzjonijiet. Dawn kollha llum jagħmlu parti mill-istorja tagħna.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li llum il-poplu Malti qiegħed isir aktar konxju mill-istorja ta' pajjiżna. Qal li dan nafuh għall-ħidma ta' għaqdiet volontarji u għax-xogħol kbir li wettaq il-Gvern f'dawn l-aħħar 15-il sena permezz tal-Proġetti għar-Riabiltazzjoni tal-Belt Valletta, il-Kottonera u l-Imdina u permezz tal-Unit għar-Restawr, fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura.

Francis Zammit Dimech qal li Din l-Art Helwa kienet l-ewwel għaqda volontarja li qajjmet ċertu interess fost il-poplu Malti għall-ħarsien tal-wirt storiku ta' pajjiżna. Ma' din l-għaqda volontarja ngħaqdet aktar tard il-Fondazzjoni Wirt Artna li twieldet biex tirriabilita u tieħu ħsieb fortifikazzjonijiet militari ta' l-epoka Ingliża f'Malta.

Francis Zammit Dimech qal li f'dawn l-aħħar snin, tant il-poplu sar konxju mill-wirt storiku ta' pajjiżna li t-talbiet għar-riabilitazzjoni u restawr ta' bini storiku qed jiżdiedu ta' kuljum. Il-Gvern min-naħa tiegħu, minbarra li jwettaq diversi xogħlijiet, qed jgħin ukoll għaqdiet volontarji fil-ħidma tagħhom. Il-Ministru Zammit Dimech qal li fost proġetti li l-Gvern qed jagħmel bi sħab ma' ghaqdiet volontarji hemm ir-restawr tal-Forti Rinella u ta' Notre Dame Gate mal-Fondazzjoni Wirt Artna. Din il-ħidma tagħti kuraġġ lil din l-għaqda volontarja biex twessa' l-ħidma tagħha u lill-Gvern biex isib sħab li lesti jagħtu l-kontribut diżinteressat tagħhom fil-wirt storiku ta' pajjiżna.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li llum konna se mmorru pass ieħor 'l quddiem. Il-Fondazzjoni Wirt Artna l-lum kienet qed tniedi t-twaqqif ta' Istitut għall-Istudju u d-Dokumentazzjoni ta' Arkitettura Militari. Hu qal li l-għanijiet ta' dan l-Istitut li se jkun magħruf bħala ARX, li hi kelma latina li tfisser kastell jew fortizza, huma

Li tinkoraġġixxi u tippromwovi aktar riċerka ta' arkitettura militari, fortifikazzjonijiet u assedji;

Li twaqqaf mużew u ċentru ta' riżorsi dwar arkitettura militari u fortifikazzjonijiet;

Li toħroġ ġurnal regolari dedikat għall-wirt militari ta' Malta;

Li torganizza seminars internazzjonali dwar dan is-suġġett;

Li tagħmel kampanja għall-preservazzjoni u r-restawr tal-fortifikazzjonijiet.

Francis Zammit Dimech qal li l-Fondazzjoni Wirt Artna għażlet Notre Dame Gate biex twaqqaf dan l-Istitut. Hu qal li dan il-monument storiku fih swali kbar fejn il-Fondazzjoni se jkollha ċentru ta' didattika, mużew permanenti u data centre, faċilitajiet li l-Fondazzjoni se tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u li beħsiebha tiżviluppa f'attrazzjoni kulturali.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li dan l-Istitut kien se jitmexxa minn Stephen C. Spiteri, li huwa s-Supretendent tal-Fortifikazzjonijiet fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Hu qal li l-Ministeru lest jgħin kull inizjattiva li ssir biex isaħħaħ dak kollu li għandu x'jaqsam mal-wirt storiku ta' pajjiżna. U għalhekk kien lest jgħin din l-inizjattiva ukoll mhux biss permezz tas-Supretendent tal-Fortifikazzjonijiet, iżda anke permezz ta' kull għajnuna oħra li tkun miftiehma bejn il-Gvern u l-Fondazzjoni.

Francis Zammit Dimech qal li ried jifraħ lill-Fondazzjoni Wirt Artna għal din l-inizjattiva u għall-ħidma kollha li qed iwettqu. Hu qal li mal-Fondazzjoni Wirt Artna, il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kellu relazzjonijiet tajbin ħafna li nbnew fuq il-fiduċja reċiproka u fuq il-ħidma li l-Fondazzjoni qed twettaq favur il-wirt storiku ta' pajjiżna. Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li dawn ir-relazzjonijiet mhux biss hemm lok li jissaħħu iżda anke li jinfirxu għal għaqdiet volontarji oħra li għandhom l-istess miri.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow