L-ILSIEN MALTI SE JSIR LINGWA UFFIĊJALI TA’ L-UNJONI EWROPEA
Il-Gvern Malti huwa nfurmat li f’laqgħa fi Brussell, li saret nhar l-Erbgħa, 8 ta’ Mejju, tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti ta’ l-istati membri ta’ l-Unjoni Ewropea (magħrufa bħala l-COREPER), ġiet aċċettata r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li wara s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-lingwa Maltija tieħu postha bħala lingwa uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Fost affarijiet oħra dan ifisser li l-Unjoni Ewropea tibda toħroġ il-liġijiet u d-dokumenti uffiċjali kollha tagħha bl-ilsien Malti, filwaqt li rappreżentanti Maltin fil-Parlament Ewropew ikunu jistgħu jagħmlu d-diskorsi tagħhom bil-Malti. Minbarra dan, ċittadini Maltin ikollhom id-dritt li jiktbu lill-Kummissjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet l-oħra bil-Malti, u li jirċievu r-risposti tagħhom bl-istess lingwa.
Fil-preżent, fl-Unjoni Ewropea hemm ħdax-il lingwa uffiċjali (id-Daniż, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Germaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Olandiż, l-iSvediż, it-Taljan, l-iSpanjol, u l-Portugiż). Ta’ min wieħed jgħid ukoll li fix-xogħol intern ta’ kuljum, il-Kummissjoni Ewropea fil-preżent taħdem b’żewġ lingwi (working languages), li huma l-Ingliż u l-Franċiż.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN