IL-MINISTRU GĦAL GĦAWDEX F’KONFERENZA TAL-KUMMISSJONI TAL-GŻEJJER EWROPEJ
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, ħadet sehem fit-22 konferenza tal-Kummissjoni tal-Gżejjer Ewropej tas-CPMR li saret f’Orkney, l-Iskozja.
F’din il-Konferenza ħadu sehem ukoll rappreżentanti minn 21 gżira minn Franza, l-Italja, il-Finlandja, id-Danimarka, Spanja, il-Portugal, Svezja, ir-Renju Unit u l-Estonja flimkien ma’ rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kumitat għall-Oqsma Soċjali u Ekonomiċi ta’ l-Unjoni Ewropea.
L-Onor. Giovanna Debono għamlet żewġ interventi f’din il-Konferenza, it-tnejn dwar tisħiħ ta’ koperazzjoni bejn il-gżejjer imsieħba. L-ewwel intervent kien dwar kif għandhom jiġu żviluppati l-Festivals tal-Kulturi ta’ Gżejjer Ewropej. It-tieni intervent kien dwar koperazzjoni tas-Servizzi tas-Saħħa u l-Kura ta’ l-Anzjani. Il-Ministru pproponiet li jkun hemm proġetti ta’ sħubija permezz ta’ eżerċizzji ta’ benchmarking li permezz tagħhom kull gżira tkun tista’ titgħallem mill-esperjenza tal-gżejjer l-oħra, kif ukoll permezz ta’ seminars u ta’ skambji ta’ staff mediku u paramediku u ta’ impjegati oħra f’dawn l-oqsma.
Il-proposta ġiet aċċettata unanimament u kienu diversi l-gżejjer li mill-ewwel esprimew ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem f’dan il-proġett ta’ koperazzjoni.
Din il-konferenza hija laqgħa annwali tal-Kummissjoni tal-Gżejjer Ewropej (Islands Commission), li tifforma parti mill-Konferenza tar-Reġjuni Marittimi Periferali (CPMR) illi tgħaqqad reġjuni minn pajjiżi Ewropej. Din is-sena, it-temi trattati kienu marbuta mat-Trasport u r-Rwol li jistgħu jadottaw il-Gżejjer fit-tmexxija ta’ l-Unjoni Ewropea. Is-CPMR taħdem sabiex tippromwovi l-iżvilupp bilanċjat fit-territorju Ewropew bil-għan li anke l-gżejjer jiżviluppaw b’mod sħiħ biex il-parteċipazzjoni tagħhom tkun iktar sħiħa. Hija wkoll prijorita’ tas-CPMR illi ssaħħaħ l-għaqda ekonomika, soċjali u territorjali bejn il-membri tagħha.
Il-Kummissjoni tal-Gżejjer Ewropej twaqqfet fl-1980 sabiex tirrapreżenta u tippromwovi l-interessi partikolari tal-membri tagħha fil-kuntest Ewropew. Hija ffurmata minn 25 gżira Ewropea, fosthom dawk membri sħaħ fl-Unjoni Ewropea kif ukoll 4 oħra li s’issa għadhom mhux membri sħaħ, bħal Saaremaa u Hiiuma (Estonia), Isle of Man u Għawdex.
Huwa għan ewlieni tal-Kummissjoni illi turi l-importanza lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-membri ta’ l-Unjoni Ewropea u teżiġi attenzjoni partikolari tal-gżejjer, kif ukoll illi tressaq għall-attenzjoni tagħhom id-diffikultajiet tal-gżejjer marbuta ma’ l-insularita’ doppja filwaqt li timplimenta policies li jkunu l-aħjar għall-istess gżejjer. Il-Kummissjoni taħdem qrib mal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew sabiex tiżgura li temi relatati mal-gżejjer ikunu nklużi fil-leġiżlazzjoni ta’ l-Unjoni. S’issa ħadmet b’mod dirett f’temi ta’ rilevanza bħall-politika reġjonali, ta’ trasport, ta’ enerġija u dik dwar l-ambjent.
Din il-Kummissjoni tikkollabora b’mod regolari ma’ istituzzjonijiet Ewropej fejn tikkontribwixxi b’mod sħiħ f’materji ta’ rilevanza għall-gżejjer. Ta’ min jinnota illi kien permezz tal-Kummissjoni tal-Gżejjer Ewropej illi fit-Trattat ta’ Amsterdam ta’ l-1997 ġew inklużi l-ħtiġijiet partikolari tal-gżejjer f’Artiklu 158.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN